Persuni mhux Maltin iżda residenti f'pajjiżna għandhom dritt jibbenefikaw minn skemi tal-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuni barranin miżżewġa Maltin jibbenefikaw mill-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar. Fil-każ biss ta' Skema R, Skema ta' Kera Sussidjata fuq Residenzi Privati, persuni barranin miżżewġa Maltin li jkunu separati jistgħu jibbenefikaw minn sussidju fuq il-kera jekk jkollhom it-tfal jgħixu magħhom.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 37329 jista' il-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni dwar file RO 33050 tal-istess persuna? Jista' jgħid ukoll jekk din l-applikazzjoni għadhiex valida?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li r-rekwiżizzjoni konnessa mal-file ndikat mill-Onor. Interpellant hi fil-proċess li titneħħa.
Possibli l-ETC ġentilment tgħid jekk hux possibli li l-courses tas-Security organizzati mill-ETC jibdew isiru fl-għaxija għal dawk li jaħdmu iżda li jixtiequ jġibu l-liċenzja ta' security?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li l-kors mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jinżamm kemm wara nofs inhar bejn is-2.00 u l-5.30 kif ukoll filgħaxija bejn il-5.00 u t-8.00.
Jista' il-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħat separatament jiġi spezzjonat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-djar minħabba l-periklu li jingħad li hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Għajnuna soċjali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' l-għajnuna soċjali li kienet tingħata lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, billi din qed tgħid li xorta ġiet skwalifikata minn din l-għajnuna minkejja li nqalgħu ċirkostanzi li kellha tonfoq il-flus li kellha l-bank li kienu ttieħdu oriġinarjament in konsiderazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, kull xahar separatament? Kemm minn dawn l-inċidenti huma relatati ma l-industrija tal-bini u barrieri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex se jintefqu l-Lm100,000, għall-European year for Disabled Persons bħal ma ntqal fil-Budget 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern fl-aħħar baġit iddeċieda li għas-sena d-dieħla, li hi s-Sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabilita' jivvota Lm100,000 biex ikunu jistgħu jitwettqu proġetti li joffru opportunitajiet indaqs lill-persuni b'diżabilita' u l-familji tagħhom. Dawn ser jintużaw primarjament għall-proġetti li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' identifikat bħala prijorita' u li għalihom hi għamlet talba għal aktar fondi. Dawn jinkludu:
a) Għajxien Issapportjat li jinkludi djar żgħar fil-komunita' u l-iskema ta' assistenti personali;
b) Servizzi ta' Matul il-Jum;
c) Skema ta' Sapport Permanenti għall-Impjieg;
d) Servizz Għajnuniet Speċjali - għajnuna finanzjarja biex persuni b'diżabilita' jkunu jistgħu jixtru apparat li għandhom bżonn;
e) Eżenzjoni mill-VAT fuq lifts.
Jista' il-Ministru jgħid kif, fiex u lil min se jibbenefikaw il-Lm50,000 Guarantee Fund li hemm imsemmija fil-Budget 2003 fl-Industrial and Employment Relations pg III?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm dipartimenti tal-gvern u aġenziji fi ħdanu li qed jimpjegaw persuni b'diżabilita' anqas milli tipprovdi l-liġi? Meta se tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, każ b'każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li fis-settur pubbliku, l-employer huwa l-Gvern u mhux d-Dipartiment u peress li hu possibbli li persuna tkun assenjata f'dipartiment fejn hemm xogħol adattat minħabba d-diżabilita, jkun aħjar jekk din il-Mistoqsija tiġi indirizzata lill-Ministeru kkonċernat.
Barra minn dan, l-Aġenzija Sedqa, l-Aġenzija Appoġġ u l-ETC huma konformi mal-liġi, filwaqt li l-Awtorita' tad-Djar m'għandiex persuna b'diżabilita' impjegata magħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għalqu fabbriki mill-1998 sal-lum u kemm kienu l-ħaddiema li tilfu xogħol? Jista' jgħid kemm fetħu fabbriki ġodda fl-istess żmien u kemm ħadmu ħaddiema magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn djar tal-privat għall-anzjani? Kemm hemm anzjani fihom? Kemm jagħti sussidju l-gvern mill-aħħar skema ta' l-aħħar budget u lil liema djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hawn 28 dar liċenzjati li joperaw bħala djar ta' l-anzjani. B'kollox dawn jakkomodaw 1317 sodda. 9 minnhom huma privati filwaqt li l-kumplament huma tal-Knisja.
Is-sussidju tal-gvern mill-aħħar skema ta' l-aħħar budget hu l-istess ta' kif inhu għad-djar residenzjali governattivi.
Id-djar privati li l-Gvern laħaq ftehim magħhom huma dawk immexxija mill-Care Services Ltd. u mill-Care Malta Ltd.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li nqatgħatilhom il-kartuna r-roża u fuq liema kriterju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li din is-sena, sad-9 ta' Diċembru, kien hemm 243 applikazzjoni għall-Karta r-Roża li ma ġewx milqugħa. F'kull każ l-applikanti ma kienux jissodisfaw it-test tal-meżżi għal dak li hu dħul u/jew kapital kif stabbilit fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jieħdu s-servizz tal-home help? Minn liema lokalita' huma u kemm ilhom jieħdu s-servizz u kemm għandhom sigħat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk qatt saru żjajjar fil-bini tal-Junior College mill-uffiċjali dwar is-sigurta' u s-saħħa? X'irriżulta minn dawn iż-żjajjar? Ġew rikmandati passi rimedjali? Ittieħdu dawn il-passi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li ma sarux żjajjar minn Uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu nformazzjoni speċifika dwar xi nuqqasijiet li jista' jkun hemm, nitolbu jgħaddihieli, anki b'mod kunfidenzjali, biex l-Uffiċjali msemmija jkunu jistgħu jiffokaw speċifikament fuq dawn in-nuqqasijiet.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Benefiċċju tal-wens
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti ta' persuni li applikaw biex jieħdu benefiċċju tal-wens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li b'kollox hemm tmin applikazzjonijiet pendenti għall-Pensjoni tal-Wens. Tlett applikazzjonijiet qed jiġu mistħarġa jekk jikkwalifikawx mill-aspett ta' mezzi filwaqt li l-ħamsa l-oħra jonqoshom jiġu riferuti lill-Bord Mediku.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Benefiċċju tal-mard
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni f'Malta u Għawdex li jieħdu l-benefiċċju tal-mard? Kemm ilhom jieħduh?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat li hemm 13,068 persuna f'Malta u Għawdex li bħalissa qed jirċievu l-Għajnuna għall-Mard.
Ninsab informat ukoll li d-Dipartiment ma jżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija u dan għar-raġuni li din l-informazzjoni hi marbuta speċifikament ma' kull wieħed mit-13,068 każ imsemmija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li jagħtu sussidju fuq trasport għall-anzjani għal day centres u liema huma l-kunsilli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli jħallas għat-trasport ta' l-anzjani minn Ħad-Dingli u r-Rabat li jattendu ċ-Ċentru ta' Ħad-Dingli.
Il-Kunsill Lokali ta' Birkirkara jħallas għat-trasport ta' l-anzjani minn dak il-lokal li jattendu ċ-Ċentru ta' Birkirkara.
Il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar iħallas għat-trasport ta' l-anzjani mill-lokalitajiet kollha li jaqgħu taħtu li jattendu ċ-Ċentru ta' San Pawl il-Baħar.
Il-Kunsilli Lokali tal-Qrendi, Ħal-Safi u Ħal-Kirkop iħallsu parti mit-trasport ta' l-anzjani li jattendu ċ-Ċentru taż-Żurrieq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet il-wegħda ta' l-aħħar elezzjoni ġenerali li jiġi introdott assistent personali għall-persuni b'diżabilita'? Kemm hemm persuni li qegħdin jibbenefikaw minn din il-miżura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif diġa kelli okkażjoni li ngħid pubblikament, f'Awissu tas-sena l-oħra twaqqfet it-Taqsima għall-Għajxien Issapportjat fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali bl-iskop li toffri servizzi ta' djar żgħar residenzjali fil-komunita', skema ta' assistenza personali u servizzi oħra ta' sapport fil-komunita' lill-persuni b'diżabilita'.
L-għan aħħari ta' din il-ħidma mill-Ministeru għall-Politika Soċjali hu li persuni b'diżabilita' jkomplu jgħixu mal-familji tagħhom bis-sapport meħtieġ u, meta dan ma jkunx possibbli għal diversi raġunijiet, jibqgħu jgħixu fil-komunita' f'ambjent kemm jista' jkun viċin bħal dak li jgħixu fiħ f'darhom.
Bis-saħħa ta' l-Awtorita' tad-Djar ġew akkwistati żewġ appartamenti, wieħed fil-Fgura u l-ieħor f'Ħal-Kirkop li ġew irranġati biex jilqgħu fihom persuni b'diżabilita'. Qed isir xogħol ukoll għall-istess skop fil-kumpless ta' Vajrita f'Wied il-Għajn. Barra minn dawn it-tlett proġetti qed titlesta dar oħra fl-Imtarfa biex tipprovdi servizz residenzjali fil-komunita' għal dawn il-persuni.
Għal dak li jirrigwarda l-iskema ta' assistenza personali, it-Taqsima msemmija ħadmet biex tipprepara l-qafas amministrattiv meħtieġ biex tkun tista' tibda tħaddem l-iskema fil-futur qarib.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk qatt sarux diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati biex jiġi introdott trasport dirett għall-familjari ta' l-anzjani li għandhom familjari in-naħa ta' fuq ta' SVPR RB1 u RB2?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi kkunsidrat xi forma ta' trasport intern fir-Residenza ta' San Vinċenz.
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Benefiċċju tal-mard
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jieħdu l-benefiċċju tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 341 talba pendenti għall-Għajnuna Medika.
Minn dawn, 130 huma pendenti minħabba nuqqas ta' nformazzjoni waqt li 211 huma pendenti biex jiġu sottomessi quddiem il-Board Mediku maħtur skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Dan il-Bord Mediku jiltaqa' erba' darbiet fil-ġimgħa biex jeżamina dawn il-każijiet.