Legislature:
Category:
Reset
Active:

Armla — Paga dovuta

Question

Jista' l-Prim Ministru jara għaliex armla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minn Settembru 2006 għadha ma tħallsitx il-paga dovuta lilha? Meta se tinħareġ din il-paga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li dak kollu li kien dovut sew lil armla, li dettalji tagħha ngħataw separatament, kif ukoll lil bint l-individwu ġew diġà mħallsa.

CASMA — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22773 li saret fid-19 ta' Diċembru, 2006 u li ġiet riferuta lilu fis-27 ta' Marzu, 2007, u li kienet tgħid: Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-impjegati tal-CASMA li għal dawn l-aħħar tmien snin ġew mislufa lill-kumpannija Accor u llum Bariere? Jista' jgħid jekk il-gvern hux jikkontempla li jġedded il-kuntratt lill-kumpannija Barriere ma' l-għeluq tal-kuntratt għal għaxar snin milħuq mal-kumpannija Accor? Jekk il-kuntratt jiġġedded, il-gvern se jassigura li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li ġew mislufa mill-CASMA jitjiebu, wara li matul dawn l-aħħar tmien snin il-kundizzjonijiet tagħhom ġew prattikament iffriżati u l-impjegati tħallew mingħajr ftehim kollettiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li hu previst illi l-impjegati ta’ Casma Ltd li għal dawn l-aħħar snin kienu mislufa lil Dragonara Casino Ltd jibqgħu jagħtu s-servizzi tagħhom lil ta’ l-aħħar meta u jekk terġa’ tiġġedded il-konċessjoni mill-Gvern lil Dragonara Casino Ltd. Il-Gvern jikkonferma li teżisti l-possibilita’ li terġa tiġedded il-konċessjoni lil Dragonara Casino Ltd mal-egħluq tal-kuntratt preżenti. L-impjegati ta’ Casma huma koperti bil-ftehim kollettiv li ġie ffirmat fl-1999. Dan minħabba l-fatt li huma qed jikkontestaw il-validita’ tal-ftehim kollettiv li kien ġie ffirmat fl-2002 u l-każ qiegħed il-Qorti. Minkejja dan kollu, kif kienet dejjem il-prattika, l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema ta’ Casma huma suġġetti għal negozjati u diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-Management.

NSO — GINI COEFFICIENT

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-NSO taħdimx il-GINI COEFFICIENT li permezz tiegħu jista' jiġi kkalkulat l-income inequality tal-pajjiż? Jekk iva, x'inhu u x'kien mis-sena 1996 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi il-GINI COEFFICIENT jiġi kkalkulat permezz ta’ stħarriġ li l-NSO jagħmel minn żmien għall-ieħor sabiex tinġabar statistika fuq dħul. Fis-sena 2000, l-NSO għamel stħarriġ dwar id-dħul u l-infiq tal-familja (Household Budgetary Survey, HBS) u minnu ġie kkalkulat il-GINI COEFFICIENT. Il-valur kien 30.4%. Bħalissa, l-NSO qiegħed fil-proċess li jippubblika il-GINI COEFFICIENT għas-sena 2005. Dan ġie kkalkulat mill-istħarriġ dwar id-dħul u kundizzjonijiet ta’ l-għixien (Survey on Income and Living Conditions, SILC) li sar fl-2005. Il-metodoloġija tas-SILC hi differenti minn dik ta’ l-HBS peress li l-mistoqsijiet fis-SILC huma bbażati fuq dħul biss. Għalhekk dan l-istħarriġ huwa iktar dettaljat fuq dħul u jipprovdi informazzjoni iktar kompluta. Għal din l-istess raġuni, u kif ġara f’pajjiżi oħra, jista’ jagħti l-każ li l-GINI COEFFICIENT kif ikkalkulat mis-SILC ma jkunx komparabbli għal kollox ma’ dak maħdum mill-HBS.

Skemi għal nies fiċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi skemi għal nies fiċ-ċivil li jkunu qegħdin jipparteċipaw fi studju ta' Masters Degree ma' universitajiet oħra barra minn Malta fosthom anke f'korsijiet ta' distance learning? Jekk dawn l-iskemi jew għajnuniet ma jeżistux, jikkonsidra li dawn jiddaħħlu minħabba li dawn it-tip ta' korsijiet qed igħinu sabiex itejbu l-kwalifiki fil-qasam tax-xogħol li jkunu qegħdin iwettqu fil-kariga li għandhom maċ-ċivil u anke fid-dawl tat-taħriġ tul il-ħajja li llum kulħadd jitkellem dwaru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-iStaff Development Organisation fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ilha toffri dawn it-tip ta’ skemi għal madwar seba’ snin. Numru ta’ impjegati jiġu mogħtija boroż ta’ studju f’Management, Public Policy u oqsma oħra. Barra minn hekk, kull Ministeru u entità għandu l-faċilità li joffru dawn it-tip ta’ skemi skond kif inhu propost fil-Manual on Staff Development in the Public Service.

Membri ta' l-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex minkejja li l-prassi fl-Armata, biex tingħata promozzjoni, membru irid ikollu l-punti u s-seniority meħtieġa, kien hemm għadd ta' membri, li filwaqt li jikkwalifikaw f'dan il-kuntest, ma ngħatawx il-promozzjoni li kien ħaqqhom? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi kriterji oħra li ma kienx magħrufa li setgħu ntużaw fl-għoti ta' dawn il-promozzjonijiet? X'kienu dawn il-kriterji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-kriterji li fuqhom ngħataw il-promozzjonijiet dan l-aħħar fl-Armata kienu rregolati mill-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta li jistabbilixxu li l-promozzjoni għandha ssir skond rakkomandazzjoni bbażata fuq effiċjenza, anzjanità, kwalifiki u għażla biex timtela vakanza. Dawn huma l-istess kriterji li diġà ġew msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 24816. Ġara li billi din id-darba kien hemm aktar suldati kwalifikati milli kien hemm vakanzi, ma kienx possibbli li kull min kien kwalifikat, jingħata promozzjoni. Għaldaqstant il-promozzjonijiet ġew mogħtija skond l-ordni tal-mertu.

Membri ta' l-Armata — PT Tests, BFT Tests

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif uħud mill-membri ta' l-Armata li għamlu l-PT Tests u l-BFT Tests, li jfisser li jkunu għamlu ħilithom, ma ngħatawx il-promozzjoni li kien ħaqqhom u oħrajn li m'għamlu xejn ingħatatilhom promozzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fl-eżerċizzju tal-promozzjonijiet, il-punti li jingħataw fuq il-Physical u l-Battle Fitness Tests jiffurmaw parti minn punteġġ aktar wiesgħa li jingħata f’dik is-sezzjoni ta’ marki li jingħataw fuq it-taqsima ta’ marki fuq effiċjenza ta’ dak li jkun. Fil-każijiet li l-Onorevoli Interpellant semma fil-mistoqsija parlamentari tiegħu, individwi, setaw ma ġabux punti f’dawn iż-żewġ testijiet jew ġabu punti baxxi, iżda mbagħad pattew għalihom fis-sezzjonijiet l-oħra ta’ din it-Taqsima u Taqsimiet oħra ta’ dak li jissejjaħ Promotion Assessment Report li abbażi tiegħu isir l-eżerċizzju tal-promozzjonijiet fl-Armata.

Membru ta' l-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif membru fl-Armata li kien ħa aktar minn 30 ġurnata sick leave u sa 15-il ġurnata qabel l-għoti tal-promozzjonijiet kien se jidher quddiem il-bord mediku biex jiġi boarded out, mhux talli ma deherx quddiem il-Bord Mediku, talli ngħata r-rank ta' Bumbardier? Għaliex ma deherx? X'kienu l-kriterji li fuqhom ingħata l-promozzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Kunsilli Lokali — Ħlas tal-VAT

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħallsu VAT il-kunsilli lokali kollha ta' Malta u t'Għawdex, kunsill b'kunsill mill-1995 meta ġiet introdotta l-VAT sa Marzu, 2007 sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT ma jistax jagħti l-informazzjoni mitluba peress li d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 56 ta’ l-Att Dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud jipprekludu dan minħabba s-Segretezza Uffiċjali.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Mobile Phones

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu f'kontijiet ta' mobile phones fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament u xahar b'xahar? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq prepaid top-up mobile cards fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar? Jista' jgħid jekk l-uffiċjali intitolati għal mobile phones fil-ministeru, dekasteru u enti tiegħu għandhomx ceiling fuq mobile phone mħallas mill-Gvern, u f'każ li hemm ceiling kemm hu separatament u jekk inqabiżx minn xi uffiċjal matul Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li nqabeż c-ceiling?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta f'seduta oħra.

Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin li marru jaħdmu f'pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea minn meta pajjiżna ssieħeb fl-1 ta' Mejju 2004? Jista' jgħid kemm kien hemm ċittadini Ewropej li ġew jaħdmu f'Malta mid-data li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Dipartiment tal-VAT

Question

Fil-preżent, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont f'ċifra ta' flus li d-dipartiment tal-VAT għandu jiġbor mill-kumpanniji, self-employed, etc.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-taxxa dovuta lil dan id-Dipartiment fis-6 ta’ Marzu 2007 bħala VAT not in dispute kienet tammonta għal Lm6,509,447.23. Hemm ammont ieħor ta’ taxxa li hija kontestata jew quddiem il-Bord ta’ l-Appelli jew fil-Qrati ta’ l-Appell. Dan jammonta għal Lm13,215,473.74.

Dipartiment tal-VAT

Question

Fil-preżent, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont f'ċifra ta' flus li qed tiġi kontesta mill-kumpanniji, self-employed, etc. bħala eżenzjoni jew kontra l-VAT mitluba in kwestjoni tal-prospett tad-dipartiment tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ flus li qed jiġi kkontestat mill-kumpaniji, self-employed, etc kontra l-VAT mitluba in kwestjoni permezz ta’ audit assessments maħruġa mid-Dipartiment tal-VAT huwa ta’ Lm13,215,473.74.

Dipartiment tat-Taxxi Interni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus f'ċifra globali li d-dipartiment tat-taxxi daħħal f'taxxi abbażi ta' agreement ta' arretrati ta' taxxi dovuti mit-taxpayer lokali matul l-2006? Jista' jagħti breakdown taċ-ċifra ta' kumpanniji u individwi separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ taxxa globali li nġabret matul is-sena 2006 abbażi ta’ ‘agreements’ fuq arretrati ta’ taxxa hu kif ġej: Individwi Lm1,071,805 Kumpaniji Lm 233,432

Dipartiment tat-Taxxi Interni — N.I. contributions

Question

Fil-preżent, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hi ċ-ċifra globali ta' flus li għandha titħallas lill-Inland Revenue għall-ħlasijiet tal-bolla tal-N.I.? Jista' jagħti breakdown ta' kumpanniji u self-employed separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra

Servizzi pubbliku — Reliġjużi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta reliġjużi mpjegati fis-Servizz Pubbliku jew f'korpi/enti oħra tal-Gvern? X'inhu x-xogħol li qed jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ reliġjużi impjegati fis-Servizz Pubbliku u f’entitajiet oħra tal-Gvern hu ta’ 24. Dettalji ta’ fejn qegħdin u tax-xogħol li qed jagħmlu, jinsabu fuq il-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Bordijiet/Kummissjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-bordijiet/kummissjonijiet maħtura mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2006? Jista' jgħid min huma għal kull każ u x'rimunerazzjoni hemm għal kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Membri ta' l-armata.

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid b'liema kriterji ġew magħżula membri fil-FAM biex jattendu għal evening classes tal-ACE I u II? Jista' jgħid għaliex intgħażlu nies li matul din is-sena stess se jirtiraw mill-FAM għax għalqu l-eta' ta' 55 sena u għaldaqstant qegħdin jieħdu post oħrajn li fadlilhom numru twil ta' snin ta' servizz? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li ma jistax jattendi kull min applika u jaħsibx li lil min mhux se jħalluh jattendi se jkun zvantaġġjat għall-promozzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-nomini ta’ dawk il-membri li ser jirtiraw mis-Servizz dalwaqt, u li bi svista ġew innominati biex jattendu l-lezzjonijiet tal-ACE I u II ta’ din is-sena, ġew irtirati, u minn flokhom iddaħħlu oħrajn li kienu fuq il-lista u li għad fadlilhom numru twil ta’ snin ta’ servizz xi jservu.

Forzi Armata — 25 sena servizz

Question

Peress li jirriżulta li hemm xi numru sostanzjali ta' suldati li mhux si jilħqu jagħlqu l-25 sena servizz, meta tidħol fis-seħħ il-klawsola ta' l-irtirar tal-55 sena, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li jippermetti li dawn is-suldati jibqgħu jservu sakemm jagħlqu l-25 sena servizz jew inkella sal-61 sena biex b'hekk ikunu jistgħu jgawdu l-pensjoni sħiħa tas-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Membri ta' l-armata — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' dawk il-membri ta' l-armata li ħassew li kellhom jingħataw promozzjoni u fil-fatt ma ngħatatilhomx u għalhekk issottomettew ilmenti permezz tal-proċedura interna ta' l-armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li minħabba l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data mhux possibbli tingħata l-lista mitluba mill-Onorevoli Interpellant.