Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23261 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Accruals Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23017?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ġbir tat-tarif mitlub jiegħu fit-tul u għaldaqstant tingħata t-tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #23268 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Laħam taċ-Ċanga

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23140, fejn ġejt infurmat li l-aħħar kunsinna ta' laħam taċ-ċanga minn Franza ġiet irrilaxxata fis-17.01.01, jista' jgħid kemm-il kunsinna ta' l-istess tip ta' laħam ġiet impurtata minn Franza - via Genoa, permezz tas-Sea Malta - bejn l-01.11.00 u d-data indikata fit-tweġiba tiegħek?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond ir-records tad-Dwana kien hemm partita ta' 'Frozen Boneless Bovine Meat' ta' oriġini Franċiża li kienet impurtata permezz tas-Sea Malta fl-14 ta' Novembru 2000. Din ġiet imdaħħla wara li għaddiet mill-proċessi kollha ta' verifika. Nieħu l-opportunita' biex niddiplora l-mod traskurat li biħ l-Onorevoli Brincat u sħabu tal-Partit Laburista għamlu allegazjonijiet li qed jirriżultaw fi ħsara kbira għal ħafna nies; raħħala, bejjiegħa tal-laħam u ristoranti. Il-mod traskurat jidher ċar minn kif l-Onorevoli membru stqarr li hu qagħad fuq li qalulu, m'għandu ebda dettal dwar l-allegazjonijiet li għamel, jiġġifieri ma vverifika xejn qabel għamel dawn l-allegazjonijiet. Kullma qed jagħmel l-Onorevoli Membru hu li fil-konfront ta' ċaħdiet uffiċjali għall-allegazjonijiet tiegħu, isaqsi aktar mistoqsijiet li jkun preparalu xi ħadd. F'dan l-istadju l-Onorevoli Interpellant, jekk l-interess tiegħu m'hux is-sabotaġġ ekonomiku, hu li jfittex il-bias ta' min qed jikkolabbora miegħu, jeżiġi li jkun jaf il-fatti, u jgħaddi dawn il-fatti privatament jew pubblikament kif tlabtu fl-ewwel risposta li tajt f'din is-saga. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta' aktar affidavits ta' mpjegati tas-Sea Malta u ta' kaptani tas-Sea Malta li kienu jbaħħru dak in-nhar li sħabhom għamlu l-istess affidavit li diġa poġġejt fuq il-mejda tal-kamra. Dawn jinnegaw l-allegazzjonijiet li kien għamel l-Onorevoli Anġlu Farrugia. Nieħu wkoll l-opportunita' biex inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra dikkjarazjonijiet li jgiddbu l-allegazjoni li għamel l-Onorevoli Anġlu Farrugia dwar tape li ġie distrutt. Dan jirriżulta ma kien veru xejn għaliex it-tape għadu jeżisti. Allegazjoni oħra li għamel l-Onorevoli Farrugia kienet dwar trailer li daħal fit-tlett ijiem qabel il-Milied fuq vapur tas-Sea Malta. F'dokument ieħor li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra jidher li ebda vapur tas-Sea Malta ma daħal Malta bejn it-18 ta' Diċembru u s-26 ta' Diċembru 2000 (wara l-Milied). Ikun ħafna aħjar jekk l-Onorevoli Membri tan-naħa l-oħra ma jibilgħux dak kollu li jisimgħu, imma jiċċekkjaw il-fatti sewwa qabel ma jfajru allegazjonijiet bl-addoċċ.
Leg 9 PQ #22974 Sitting 483 2001-02-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Importazzjoni ta' Rettili

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jippruvaw idaħħlu llegalment mid-dwana rettili f'pajjiżna fis-sena 2000 u fis-sena 2001 s'issa? X'kienu r-rettili li nqabdu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu msemmi minnu kien hemm 2 persuni li nqabdu jippruvaw idaħħlu 22 fekruna ħajjin f'żewġ okkażżjonijiet. Dan kien fit-12 ta' April 2000 u fit-3 ta' Novembru 2000.
Leg 9 PQ #22938 Sitting 482 2001-01-31 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Ispectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien in-numru ta' persuni mill-RSC li applikaw għall-postijiet urġenti ta' VAT Inspectors mad-Dipartiment tal-VAT? Meta ħarġet is-sejħa u meta għalqet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li m'hemm l-ebda obbligu minn naħa ta' l-Armata li joħorġu sejħa għall-applikazzjonijiet biex suldat jiġi allokat xi dmirijiet partikolari. Iżda f'dan il-każ ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet fl-4 ta' Jannar bid-data ta' l-għeluq sas-6 ta' Jannar. Kull membru tal-RSC, anke dawk morda ġew infurmati b'dan. Kien hemm wieħed u sittin applikazzjoni inkluż anke minn Għawdex.
Leg 9 PQ #22930 Sitting 481 2001-01-31 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Container scanner

Question

Fid-dawl ta' allegazzjonijiet li saru dwar id-dħul fil-ġżejjer tagħna b'kuntrabandu, jista' l-Ministru jgħid meta se tinxtara container scanner sabiex ikun hemm sorveljanza aħjar mill-management tad-dwana fir-rigward tal-containers li jiddaħħlu f'pajjiżna? Jista' jgħid kemm intbgħatu ħaddiema mid-dipartiment tad-dwana u pulizija sabiex jitħarrġu fl-operat ta' dan il-container scanner?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kien ġie mħabbar xi ftit żmien ilu, hemm ippjanat li container scanner jingħata lid-Dwana mill-Gvern ta' l-Istati Uniti. Dan l-apparat li jqum eluf kbar ta' liri għandu jservi biex tkun tista' issir sorveljanza aħjar fuq containers. S'issa ma sarx taħriġ fuq equipment bħal dan għalkemm membri fid-Dwana diġa jħaddmu apparat ta' X-Ray fuq bagalji u merkanzija f'pakki ta' ċertu daqs.
Leg 9 PQ #22962 Sitting 481 2001-01-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Servizz Ċivili

Question

'In-Nazzjon' , 22 ta' Jannar 2001, paġna 5, irraporta li l-Ministru qal li qed isiru studji, dipartiment dipartiment biex il-Gvern inaqqas il-ħela? Jista' l-Ministru jgħid f'liema dipartiment s'issa bdew dawn l-istudji? F'liema stadji waslu dawn l-istudji? Liema mistennija jkunu lesti l-ewwel u meta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li beda l-proċess biex isir l-eżerċiju ta' Benchmarking imħabbar fil-Budget u li għandu jdaħħal effiċjenza akbar fid-dipartimenti tal-Gvern u li għandu wkoll inaqqas l-ispiża tal-Gvern.
Leg 9 PQ #22963 Sitting 481 2001-01-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni bagħat javżhom li għandhom iżjed taxxa xi jħallsu fis-snin li għaddew? Kemm hija s-somma li d-ipartiment qed jippjana li jiġbor mingħand dawn il-pensjonanti?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema avviż li ntbagħt mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni qiegħed jirreferi biex tkun tista' tinġabar l-informazzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #23148 Sitting 480 2001-01-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartimenti tal-Gvern — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22875 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid jekk id-dipartimenti tal-gvern ġewx mogħtija direttivi sabiex ma jaċċettawx flus iżda jitħallsu biss b'ċekkijiet? Jekk iva, x'wassal għal din id-deċiżjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma ġew mgħotija l-ebda direttivi lil Dipartimenti tal-Gvern biex dawn jaċċettaw biss ħlas b'ċekk ad esklużjoni ta' ħlas ieħor kontanti.
Leg 9 PQ #23033 Sitting 479 2001-01-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Tax Compliance Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm investigat każi t-Tax Compliance Unit s'issa? Fiex waslu dawn l-investigazzjonijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 18983. Nżid ukoll li Uffiċċjali tat-Tax Compliance Unit qiegħdin bħal issa mqassmin f'diversi Dipartimenti u qiegħdin jgħinu f'każi eżistenti għalkemm ma humiex jaħdmu fuq każi speċifiċi.
Leg 9 PQ #23035 Sitting 479 2001-01-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Evażjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-VAT office qed jinvestiga każ ta' evażjoni tal-VAT minn undertaker firm lokali?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'hux prudenti li nippublikaw x'investigazzjonijiet qiegħed jagħmel id-dipartiment tal-VAT.
Leg 9 PQ #23140 Sitting 479 2001-01-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana — Laħam taċ-Ċanga

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta skond id-dwana daħlet l-aħħar kunsinna ta' laħam taċ-ċanga minn Franza? X'kienu l-cuts? X'kienet il-kwantita'? Fuq liema vapur daħlet? Minn liema port tgħabbiet? X'ċertifikati mediċi u veterinarji kellha? Dawn kienu għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet ikkonċernati?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond ir-records tad-Dwana kien hemm kunsinna ta' laħam taċ-ċanga minn Franza li ġiet irrilaxxata fis-17 ta' Jannar, 2001. Din kienet tikkonsisti f'952 kartuna li kien fihom Halal Meat, Brisket u Striploin u waslet Malta fl-15 ta' Jannar 2001 fuq il-vapur m.v. Lince wara li tgħabbiet minn Genoa. Dwar tagħrif fuq ċertifikati nista' ngħid illi r-rilaxx sar wara li d-dokumenti kienu riferuti lill-Public Health Service u wara li l-istess dokumenti u kampjun marru għand l-Ispettorat tas-Servizzi Veterinarji li awtorizza r-rilaxx.
Leg 9 PQ #22947 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-valur ta' flus li l-Bank Ċentrali ta permess li jinħarġu minn Malta sabiex jiġu investiti f'funds, matul dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-valur ta' flus li nħarġu minn Malta biex ġew investiti f'funds matul it-tnax-il xahar li għaddew kien ta' Lm21 miljun. Dawn l-investimenti saru direttament permezz tal-banek u aġenti awtorizzati oħra fil-kuntest tal-limitu ta' Lm15,000 li kull residenti kellu permess jinvesti f'muniti barranin is-sena li għaddiet.
Leg 9 PQ #23017 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Accruals Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien it-total ta' accruals pendenti - dipartiment dipartiment - għal xogħlijiet li saru u servizzi li ngħataw lill-gvern u li għadhom ma tħallsux mis-sena l-oħra u mis-snin ta' qabel? Kemm hemm każi minn dawn, fejn hemm riċevuti pendenti għal ħlas kif ukoll każi fejn ir-riċevuti għadhom ma daħlux?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #23020 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana/VAT department — Project Managers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-project managers għad-dwana u l-VAT department intgħażlux? Jekk iva, meta bdew jaħdmu fil-post tagħhom? X'inhu l-internationally competitive package li ġew offruti - hekk kif irriklamat fil-media internazzjonali?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-project manager għall-VAT Department u d-Dwana intgħażlu u bdew jaħdmu kmieni dan ix-xahar. Il-pakkett li ġew offruti dawn il-konsulenti jikkonsisti fi ħlas ta' salarju, allowances għall-akkommodazzjoni, għall-ħajja u għall-assikurazzjoni medika, kif ukoll spejjeż ta' rilokazzjoni. Il-pakkett jinkludi wkoll il-ħlas ta' biljetti ta' l-ivjaġġar bir-ritorn għall-konsulenti u n-nisa tagħhom darba kull sena fuq perjodu ta' sentejn. Dawn huma kondizzjonijiet li normalment jingħataw lill-'expatriates' li jiġu jaħdmu fi gżiritna.
Leg 9 PQ #23159 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxa ta' Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġabar taxxa ta' reġistrazzjoni ta' karozzi li jaħdmu bil-batterija sena b'sena mill-1997 sal-2000(inkuża) separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Billi it-teknoloġija li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant hi waħda ġdida, n-numri ta' karozzi simili li daħlu f'Malta kien ftit li xejn. Hu għalhekk li fl-aħħar Budget naqqasna t-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq dawn il-karozzi biex ikun jistgħu jiġu offruti fis-suq bi prezz raġġonevoli u għalhekk inħajru l-użu tagħhom.
Leg 9 PQ #23161 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Solar Heaters — Solar Panels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġabar VAT fuq bejgħ ta' (i) solar heaters / solar panels matul is-snin 1997, 1998, 1999 u 2000 separatament sena b'sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu ma tistax tingħata peress li fid-denunzja tal-VAT ma ssirx distinzjoni bejn taxxa miġbura fuq bejgħ ta' solar heatersżsolar panels u taxxa miġbura fuq attivita' ekonomika oħra magħmula mill-istess persuna reġistrata.
Leg 9 PQ #23166 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dħul min Turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien kkalkulat id-dħul minn infiq tat-turisti li żaruna matul is-snin 1995, 1996, 1997, 1998, 1999 u 2000 separatament sena b'sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub, li jkun ippubblikat perjodikament mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika, huwa kif ġej : 1995 - Lm232,804,000 1996 - Lm228,868,000 1997 - Lm249,836,000 1998 - Lm254,617,000 1999 - Lm271,383,000 2000 - Lm206,223,000 (Jannar sa Settembru)
Leg 9 PQ #22911 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Capital Outflows

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 22748?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onoveroli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22748 f'seduta 475.
Leg 9 PQ #22912 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Comparative Analysis

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 22680?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22680 f'seduta 475.
Leg 9 PQ #22914 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Ħaddiema tal-Gvern — Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 22734 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li ġiet riferuta lilu u cioe': jekk il-pensjonanti ta' qabel l-1996, huwiex se jibqa' jsir bħal qabel li jieħdu 2/3 aġġornati mas-salarju kurrenti?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika għal liema pensjonijiet qed jirreferi.