Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każi ta' vjolenza domestika

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hawn każi ta' domestic violence din is-sena? Kemm hawn nisa jgħixu ġo shelters għal dan l-iskop? Kemm kien hawn din is-sena u kemm kien in-numru ta' tfal? X'inhu jagħmel il-gvern biex flok ikollha titlaq il-mara mid-dar jitlaq ir-raġel ġo shelter ta' l-irġiel, dejjem jekk ikun hemm raġuni valida?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Novembru 2006 kien hemm 403 każ ta’ vjolenza domestika rappurtati lill-Aġenzija Appoġġ. Ninsab infurmata wkoll li n-numru ta’ nisa u tfal jgħixu f’shelters għall-vittmi ta’ vjolenza domestika, immexxija mill-imsemmija Aġenzija matul l-istess perijodu, kien 42 u 43 rispettivament. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-emendi fil-Kodiċi Kriminali konnessi mal-vjolenza domestika, li ġew fis-seħħ kmieni s-sena l-oħra, jipprovdu għall-ħruġ mill-Qorti ta’ Ordni ta’ Protezzjoni. Fost ħwejjeġ oħra, Ordni ta’ Protezzjoni tinħareġ biex tipprojbixxi jew tirristrinġi l-aċċess mill-akkużat ġewwa fond fejn il-persuna offiża jew xi persuna oħra speċifikata fl-Ordni tkun qed tgħix, anki jekk l-akkużat ikollu nteress legali f’dak il-fond. Dan il-provediment sar propju biex jindirizza l-każijiet fejn, meta l-vittma tkun mara, ġeneralment kien ikollha titlaq mid-dar konjugali hi.

Persuni mkeċċija mir-residenzi tagħhom

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew evicted persuni minn residenzi li kienu qed jokkupaw illegalment din is-sena? Kemm hu n-numru ta' djar jew proprjetajiet oħra okkupati illegalemnt illum? Kemm kien in-numru ta' każi ta' illegal entry li ġew irregolarizzati din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li din is-sena, sal-lum, ma sar ebda sgumbrament mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ta' persuni li okkupaw ir-residenza tagħhom mingħajr titolu. Peress li l-infurzar tal-ħlas tal-kera u l-okkupar illegali ta' postijiet residenzjali tal-Gvern jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet, u għalhekk id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandux l-informazzjoni mitluba fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija. Madankollu, ninsab infurmata li Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jinvestiga numru ta' każijiet dwar postijiet li, prima facie, jidher li huma okkupati mingħajr titolu validu u għalhekk jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri ta sgumbrament. Ninsab infurmata wkoll li, b'esklużjoni ta' każijiet fejn intalab u ngħata rikonoxximent f'isem inkwilin ġdid wara l-mewt tar-raġel, il-mara, ġenitur jew qarib, din is-sena kien hemm sitt każi ta' persuni bla titolu li ġew regolarizzati.

Każ dwar Children Allowance

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' children alalowance ta' missier li jinsab f'każ ta' separazzjoni ma' martu li siefret u li issa qed jitlob biex iċ-children allowance jirċeviha hu? Jista' jiġi informat direttament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Twaqqiegħ ta' Bini

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu mistenni li jitwaqqgħu binjiet tal-gvern, tal-privat u tal-joint office biex isiru proġetti ta' housing?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minbarra l-proġett li semmejt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18794 f'Seduta Numru 381, hu maħsub li jinbeda t-twaqqiegħ fuq ir-raba' u l-ħames fażi tal-proġett ta' Triq il-Wied, l-Imsida, jiġifieri bejn Triq il-Wied, Triq l-Ispiżjar Sciberras u Triq Garcin. Ninsab infurmata li ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika mitluba mill-Onor. Interpellant għar-raġuni li diversi postijiet fi proġetti bħal dawn jinkludu kmamar f'kerrejiet jew appartamenti delapidati li lanqas ikunu abitati.

Liġi tal-Kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid, issa li għaddiet sena oħra u ma sar l-ebda tibdil fil-liġi tal-kera, x'beħsiebha tagħmel għas-sena 2007 fejn jidħlu liġijiet tal-kera tal-privat ta' qabel is-sena 1995?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija parlamentari 21219 f’Seduta Numru 440, ninfurmah li x-xogħol li kien meħtieġ skond id-direzzjoni tal-Kabinett, inkluż l-analiżi ta’ riformi simili dwar il-liġijiet tal-kera f’pajjiżi oħra, tlesta. Il-White Paper li tħejjiet għad trid tiġi diskussa fil-Kabinett u l-Ministeru jimxi skond id-direzzjoni li tingħata wara din id-diskussjoni.

Djar Battala

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern fejn jidħlu djar battala?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-politika ta' dan il-Gvern dwar djar battala, waqt li teskludi assolutament il-ħruġ ta' ordnijiet ta' rekwiżizzjoni, hi li tħajjar lis-sidien li jpoġġu dawn id-djar fis-suq, kemm għall-bejgħ kemm għall-kera. Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant, fl-1995, dan il-gvern bidel il-liġi dwar li tirregola s-settur tad-djar u l-kera b'mod li, barra li neħħa l-poter ta' rekwiżizzjoni, illiberalizza s-suq biex djar battala li, sa dakinhar, ma kienux jinkrew minħabba l-biża li l-inkwilin jidħol fil-post u jibqa' hemm bl-istess kera għal dejjem, minn dakinhar setgħu jinkrew għal perijodu fiss skond kuntratt miftiehem bejn is-sid u l-inkwilin. Il-ħsieb ewlieni wara din il-bidla fil-liġi kien li dawn il-postijiet ma jibqgħux battala u jibdew jinkrew. Il-Gvern ħa wkoll inizjattivi oħra biex djar privati ma jibqgħux battala, fosthom proċess ta' direkwiżizzjoni u ta' riġenerazzjoni ta' djar f'żoni urbani u rurali. Waħda mill-għanijiet tal-White Paper dwar il-liġi tal-kera li ħejja l-Ministeru tiegħi hi biex tkompli tinkoraġġixxi aktar l-użu tad-djar battala.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien hemm inizjattivi mill-awtorita' tad-djar matul din is-sena għall-għajnuna għal dawk l-aktar vulnerabbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-2006, l-Awtorita’ tad-Djar ħaddmet numru ta’ skemi u inizjattivi biex tgħin lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-iskemi u inizjattivi.

Kiri ta' postijiet mingħand il-privat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inizjattiva għandu l-gvern għas-sena 2007 biex tikber ir-rata ta' familji biex jikru l-proprjeta' mill-privat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul din is-sena l-Awtorita’ tad-Djar ser tkompli tħaddem l-iskema R li tipprovdi sussidju fuq il-kera lill-inkwilini li jikru mingħand il-privat. Dawn l-inkwilini jistgħu jibbenefikaw ukoll taħt skema 5 ta’ l-Awtorita’ biex jirranġaw il-proprjeta’ mikrija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella dwar skema R.

Swatar — Triq Mons A Bonnici

Question

Rigward postijiet tal-gvern fis-Swatar fi Triq Mons A Bonnici, x'qiegħed iżomm t-titlu ta' dawn il-postijiet milli jinqaleb fuq ir-residenti meta ċ-ċens tal-post ikkonċernat diġa' ġie mifdi, u speċifikament fil-każ li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Biex l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista’ tittrasferixxi titolu legali ta’ proprjeta’ fuq benefiċjarju, qabel xejn, id-Dipartiment ta’ l-Artijiet irid jittrasferixxi lill-Awtorita’ t-titolu ta’ l-art li tkun mibnijja fuqha l-proprjeta’. Ninsab infurmata li, fil-każ tal-postijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, inkluż dak speċifiku, it-trasferiment ta’ l-art għadu ma’ sarx u għalhekk l-Awtorita’ mhiex f’pożizzjoni li tiffinalizza l-kuntratti tat-trasferiment tal-proprjetajiet mal-benefiċjarji.

Ħlas ta' kera

Question

Tista' il-Ministru tara jekk hux il-każ li tiġi riveduta t-tabella fejn jinħadem il-kera skond il-qligħ ta' l-applikant u dan peress illi minħabba l-iżviluppi tul dawn l-aħħar għaxar snin circa, l-għajnuna tas-servizzi soċjali u/jew il-pagi m'għadhomx jirriflettu r-realta' attwali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, fil-fatt, l-iskedi li fuqhom jinħadem is-sussidju tal-kera jiġu riveduti kull sena skond iż-żieda li tkun ingħatat għall-għoli tal-ħajja.

Inizjattiva Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex sal-lum għadha ma tteħditx l-azzjoni meħtieġa biex anzjana Sengleana li tgħix fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li kellha ssirilha spezzjoni fl-imsemmi fond biex tibbenefika mill-iskema care and repair, għadha ma saritilhiex l-imsemmija spezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant mistennija li ssir fid-19 ta’ Diċembru 2006.

Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li applikant mill-Hamrun li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu applikazzjoni quddiem id-dipartiment tal-housing u li se jiġi mkeċċi dalwaqt minfejn jabita, ikun ipprovdut post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Ta' Xbiex HE — Stallazzjoni ta' Lift

Question

Tista' l-Ministru tikkonsidra t-talba miċħuda għall-istallazzjoni ta' lift fi Block E2 Ta' Xbiex HE fid-dawl tad-deterjorament tal-kondizzjoni fiżika ta' inkwilin fil-fond li n-numru tal-file tiegħu qed jintbagħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ser terġa' tikkunsidra l-każ u ser tibda billi tibgħat Occupational Therapist biex tassessja l-kundizzjoni ta' l-applikant.

Housing Authority — Stallazzjoni ta' Lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-housing authority għandhiex il-ħsieb li tirrikonsidra ċ-ċaħda tat-talbiet għall-istallazzjoni tal-lifts fi blokki fejn l-appartamenti jkunu kollha nxtraw mill-inkwilini?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fejn l-appartamenti tal-Gvern fi blokka jinxtraw kollha mill-inkwilini, l-Awtorita’ tad-Djar tqis dik il-blokka bħala proprjeta’ privata u għalhekk m’hemmx ħsieb li l-Awtorita’ tirrikonsidra t-talbiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.

Każ dwar Pensjonis

Question

Tista' l-Ministru tirrimedja d-dewmien fl-aġġustament tal-pensjoni ta' persuni li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Persuni b'diżabilita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn persuni b'diżabilita' reġistrati llum? Tista' tagħti breakdown tat-tip ta' diżabilita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, skond ir-reġistru ta' persuni b'diżabilita' miżmum mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Housing Authority — Sistema ta' Requisition

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'jiġri minn persuna li tkun marret toqgħod ma' persuna li tkun ħadet dar bis-sistema ta' requisition mill-housing kemm-il darba l-kerrej imut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, il-persuna li tkun marret toqgħod ma’ dik li ġiet nieqsa, tista’ tiġi rikonoxxuta bħala l-inkwilin legali jekk tipprova għas-sodisfazzjon tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li kien ilha tgħix mal-kerrej oriġinali ta’ l-anqas tliet snin qabel id-data tal-mewt ta’ dan ta’ l-aħħar, kif ukoll li m’għandiex proprjeta’ oħra fejn toqgħod, kemm tagħha jew mikrija. Jekk ma tissodisfax dawn il-kriterji, u allura ma tkunx rikonoxxuta bħala l-inkwilin legali, tkun suġġetta li tiġi żgumbrata.

Awtorita' tad-Djar — Residenzi

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk l-inkwilini li joqogħdu fir-residenzi li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, humiex l-inkwilini rikonoxxuti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-inkwilini tat-triq indikata mill-Onor. Interpellant huma kollha rikonoxxuti għajr inkwilin ta’ post wieħed li dwaru qed issir investigazzjoni.

Residenza privata

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux vojt jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-kera għall-post indikat mill-Onor. Interpellant hi mħallsa sal-31 ta’ Diċembru 2006. Minkejja dan għaddejt il-każ lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni biex jinvestiga jekk il-fond hux okkupat jew le.

Bormla — Fuq Verdala

Question

Tista' il-Ministru tara l-ilment li għamlu r-residenti minn Fuq Verdala, Bormla rigward is-saqaf komuni f'kuridur, li jinsab f'kondizzjoni ħażina ħafna quddiem ir-residenza li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.