Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b'diżabilita' — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jirreġistraw għax-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li għandhom xi diżabilita' u li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru hu ta' 349 u 12 kienu qed jirreġistraw fuq it-tieni parti.

Persuni jaħdmu bi qligħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni jaħdmu bi qligħ sal-31 ta' Diċembru 2006? Kemm kien in-numru ta' persuni li jaħdmu f'dipartimenti tal-gvern fil-31 ta' Diċembru 2006? Kemm hemm persuni li għandhom impjieg part-time? Kemm minn dawn il-persuni l-uniku dħul tagħhom huwa minn part-time? Kemm kien in-numru ta' persuni jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti u t-tieni parti separatament? Kemm minn dawn huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli Skolastiċi — Elezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jista' jikkontesta u jivvota fl-elezzjonijiet tal-kunsilli skolastiċi, b'mod partikolari fejn iridu jiġu eletti l-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Għaqdiet sportivi — Doping tests

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23579 u jgħid kemm ingħatat għajnuna matul is-sena 2006 lil għaqdiet sportivi biex jagħmlu testijiet kontra d-doping? Liema kienu dawn l-għaqdiet? X'għajnuna ngħatat u kemm swiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Malta Triathlon Association Lm 284.73 Malta Football Association Lm3,507.97 Malta Dancesport Association Lm 150.00 Malta Tennis Federation Lm1,000.00 Malta Weightlifting Federation Lm 570.00 Lm5,512.70

Skejjel tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22929 u jgħid kemm tħallsu flus lill-iskejjel tal-Knisja għas-snin 2005 u 2006 separatament? Kemm kienet is-somma vvotata fil-budget għal kul sena u jekk kienx hemm xi varjazzjoni? Jekk fl-affermattiv, ta' kemm kienet f'kull każ? Jista' jgħid ukoll meta tħallsu u kemm kien il-ħlas f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ammont li ġew mgħoddija lill-iskejjel tal-Knisja fl-2004 kien ta' Lm10,250,000, fl-2005 ta' 11,500,000 u Lm12,750,000 fl-2006.

Eżami tal-Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'sar s'issa u x'hemm il-ħsieb li jsir biex isiru t-tibdiliet meħtieġa biex is-sistema edukattiva tagħna ma tibqax waħda daqstant kompetittiva fejn studenti ta' eta' żgħira jkollhom syllabus vast x'jagħmlu bil-konsegwenza li qed jikkaġunalhom stress kbir u mhux qed inħallu t-tfal tagħna jgawdu tfulithom biżżejjed billi jkollhom ħin adegwat għal-logħob u divertiment li wkoll hu parti essenzjali mill-iżvilupp soċjali u psikoloġiku ta' uliedna? Billi l-eżami tal-Junior Lyceum hu wieħed mill-fatturi ewlenija ta' stress u ġirja sfrenata biex tfal ta' eta' żgħira jlaħħqu mas-syllabus, hemm il-ħsieb li jsiru tibdiliet anke f'dan il-livell?

Response (GALEA, LOUIS)

Sistema edukattiva b'saħħitha li tagħti l-frott għat-tfal u ż-żgħażaġħ tagħna trid tkun tista minsuġa b'elementi differenti ta' metodoloġiji edukattivi. L-ebda sistema edukattiva ma tagħti frott jekk ma jkunx hemm metodu ta' assessjar biex wieħed ikejjel fejn wasal kull student u x'inhuma l-miri li għandhom jiġu milħuqa. Il-metodi ta' assessjar huma mżewwqa u bbażati fuq sillabi ppreparati minn esperti edukattivi u mplimentati minn għalliema li rċevew il-preparazzjoni tagħhom professjonali. Kull ċittadin speċjalment l-edukaturi huma konxji tal-bżonn ta' bilanċ fil-ħajja tat-tfal. Jekk wieħed jara biss il-varjeta ta' suġġetti li għandhom it-tfal fl-iskola u l-hemel ta' attivitajiet li huma organizzati fil-ħin u wara l-ħin ta' l-iskola, wieħed jinduna li l-għan huwa li t-tfal jingħataw edukazzjoni sħiħa. Li wieħed ineħħi l-eżamijiet ħesrem mingħajr ma jkun għarbel sew x'se tkun il-miżura li se tkejjel il-progess, titqies bħala żball u pass fid-direzzjoni ħażina. Meta wieħed jara r-rata ta' studenti li jgħaddu mill-eżamijiet u jkomplu bl-istudji tagħhom, jidher ċar li hemm progress tajjeb li jrid jiġi msaħħaħ. Dejjem hemm x'jitjieb. U propju għalhekk inħoloq grupp ta' ħidma biex tiġi riveduta s-sistema tal-MATSEC u bħalissa grupp ieħor qed jirrevedi s-sistema ta' l-eżami fl-eta ta' 11-il sena. Dan ta' l-aħħar għandu l-iskop li ssir review f'erbgħa oqsma. Qed jiġi studjat, evalwat u analizzat ir-raġuni ta' l-eżami fl-eta ta' 11-il sena, kemm fl-iskejjel ta' l-Istat u anke dawk li mhumiex. Din ir-raġuni trid tiġi analizzata biex naraw jekk l-eżami kif inhu għadux validu u x'alternattivi għandhom jiġu kkunsidrati. Qed isir ukoll studju komparattiv ma' pajjiżi oħra. Parti oħra minn din l-analiżi jikkonċerna l-impatt li dawn l-eżamijiet ikollhom fuq l-istakeholders; tfal, ġenituri, edukaturi, eċċ. Se jiġu analizzati wkoll l-aċċessabilita' għall-eżamijiet u s-sitwazzjoni ta' arranġamenti speċjali għall-studenti bi bżonnijiet speċifiki. Parti oħra ser tanalizza diversi aspetti tal-kwalita ta' l-eżamijiet li jsiru f'dan l-istadju, jiġifieri il-Junior Lyceum u l-Common Entrance. Il-grupp ta' ħidma se jagħmel sensiela ta' rakkommandazzjonijiet dwar l-eżamijiet li jsiru f'din l-eta u x'alternattivi jistgħu itejjbu s-sistema. Se jidħlu ukoll fl-issue ta' benchmarking. Il-grupp ta' ħidma huwa mmexxi minn Dr Grace Grima u jinkludi lil Prof. Frank Ventura, Mr Peter Vassallo, Mr Leonard Grech, Fr Charles Mallia u Mrs Bernie Mizzi. Il-grupp ta' ħidma qed jikkonsulta' ma' dawk kollha kkonċernati speċjalment studenti, ġenituri, għalliema, esperti u anke l-pubbliku. Dan l-eżerċizzju huwa ħolqa kruċjali fil-katina ta' żviluppi edukattivi biex nassiguraw li uliedna jirnexxu lkoll.

Dyslexic Student

Question

Jista' l-Ministru jara li peress li l-istudenta, li isimha qed jintbagħat separatament, hija dyslexic u allura tkun fi żvantaġġ kbir għall-eżamijiet SEC tal-Malti u l-Ingliż fis-sezzjoni li jmiss, tista' tingħata l-għajnuna ta' reader u scribe għal dawn l-eżamijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fir-rigward ta' studenti li huma dyslexic il-Bord tal-MATSEC ma jippermettix qarrej fl-eżamijiet fil-livell ordinarju tas-SEC tal-Malti u ta' l-Ingliż għaliex il-qari huwa wieħed mill-ħiliet tal-kandidati li jkunu assessjati fl-eżamijiet tal-lingwa. Kittieb jingħata lil dawk il-kandidati li ma jistgħux jiktbu minħabba xi diżabilita' fiżika. L-istudenta konċernata m'għandiex din it-tip ta' diżabilita'. Jekk l-eżaminaturi ma jkunux jistgħu jagħrfu xi kliem li kitbet l-istudenta minħabba d-dyslexia, l-istudenta tista' tissejjaħ biex taqra l-kitba tagħha.

Membri ta' l-UE — Impjieg f'pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex persuna membru ta' l-EU taħdem f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċedura sabiex persuna ta' l-Unjoni Ewropea tibda taħdem f'Malta bħala mpjegata hija hekk : - Issib min iħaddimha - Tiġbor l-applikazzjoni meħtieġa mill-Job Centres tal-Korporazzjoni jew mill-Website tal-Korporazzjoni - Tipprovdi l-formoli fl-Uffiċju tal-permessi tax-Xogħol - ETC Ħal Far flimkien mal-kopja tal-passaport u curriculum vitae - Tħallas Lm25 għal kull permess - Tiġbor il-permess mill-Uffiċini tal-Korporazzjoni - Ħal Far - L-Imgħallem irid jinforma lill-ETC permezz tal-formola tal-Bidu tal-Impjieg fl-ewwel ġurnata li jibda l-impjieg. Informat ukoll li dawn ma japplikawx għall-ċitadini mir-Rumanija jew Bulgarija ligħalkemm issa jaghmlu parti mill-Unjoni Ewropea huma mitluba xorta li jipprovdu dokumenti oħra daqs ċittadini barra l-Unjoni.

Xgħajra — Skola primarja - nurse

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li talba li saret mill-iskola Primarja tax-Xgħajra sabiex nurse tmur u tara lit-tfal, ma ġietx milqugħa? Huwa minnu li ma nstabitx nurse oħra ħalli tpatti għall-assenza ta' nurse oħra li mid-dehra tinsab fuq sick leave?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qatt ma kien hemm talba mill-iskola Primarja tax-Xgħajra biex nurse tmur tara lit-tfal li ma ġietx milqugħa. Informat ukoll li n-nurse presenti bħalissa tinsab fuq retirement leave u ħarġet sejħa għal nurse oħra.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Impjieg f'pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn barranin li għandhom permess jaħdmu f'Malta llum u kemm kien hawn fil-bidu ta' l-2004? Kif inhuma mqassmin dawn il-persuni, jiġifieri kemm minnhom huma minn pajjiżi fl-UE u kemm minn barra l-UE kemm fir-rigward ta' l-2004 u llum? Liema huma l-aktar erba' pajjiżi li minnhom ġejjin dawk li għandhom permess jaħdmu Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' barranin li għandhom permess jaħdmu f'Malta sas- 27 ta’ Jannar 2007 hu ta' 6682. Dawn huma mqassmin hekk ; 2759 ħaddiem minn pajjiżi ta' l-UE (27 pajjiż) 3923 ħaddiem minn pajjizi barra minn l-UE. Informat ukoll li l-aktar erba' pajjiżi li minnhom ġejjin dawk li għandhom permess jaħdmu Malta huma; Renju Unit 431 Serbja Montenegro 353 Ċina 236 u Bulgarija 169. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ m’għandiex ċifri dwar is-sitwazzjoni fil-bidu ta' l-2004 minħabba li din il-funzjoni ma kienetx taħt il-kompitu ta' l-KXT imma tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates fi ħdan il–Ministeru tal-Ġustizzja u l-Affarjijiet Interni.

Fondi lill-iskejjel tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu jagħti l-Istat lill-Knisja fl-erbgħa snin li għaddew sas-sena kurrenti għall-iskejjel tagħha? Kemm tħallsu attwalment kull sena flus lill-Knisja? X'inhuma l-pendenzi, jekk jeżistu, fil-ħlasijiet li l-Knisja għandha tirċievi mill-Istat sad-data tal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Vot 7035 — Sport

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23430, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jwieġeb fi stadju ulterjuri? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika meta? U jekk mhux il-ħsieb li jagħti t-tweġiba kif mitluba fl-istess mistoqsija parlamentari 23430, jista' ġentilment jgħid x'inhi r-raġuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa informajt lill-Onor. Membru, l-Gvern permezz tal-KMS, fis-sena 2006 investa Lm600,000 kif infisser fil-PQ22059. Bħal ma jiġri fil-proġetti kollha, pubbliċi u privati, il-pagamenti ma jsirux kollha fis-sena finanzjarja li fiha l-fondi jkunu ġew konnessi b'tender u kuntratti skond il-proċeduri finanzjarja tal-Gvern.

Autism students

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar tlett snin kemm kien hemm studenti statemented bl-autism, li jinkludi aspergers syndrome and pervasive developmental disorder, li kienu qed jattendu fl-iskejjel sekondarji, kemm fil-Junior Lyceums kif ukoll fl-area secondaries? Kemm minn dawn l-istess studenti komplew l-iskola sal-form 5 u kemm minnhom irnexxielhom iġibu xi ċertifikat? F'dawn l-aħħar tlett snin kemm kien hemm studenti bl-autism li bdew jattendu fl-iskejjel speċjali wara li spiċċaw il-year 6?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dawn l-aħħar tlett snin kien hemm 6 studenti bl-autism li attendew skejjel speċjali wara li spiċċaw il-year 6. Informazzjoni li turi n-numru ta' studenti statemented bl-autism li jinkludi aspergers syndrome and pervasive development disorder li kienu jattendu kemm fil-Junior Lyceums kif ukoll fl-area secondaries u kemm minnhom irnexxielhom iġibu xi ċertifikat fl-aħħar tlett snin ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Bullying

Question

Jikkonferma l-Ministru li student fil-Form 5 ta' skola tal-Knisja li isimha qed jingħata separatament, tkeċċa mill-iskola din il-ġimgħa minħabba każ ta' bullying li nġibed ukoll fuq il-video tal-mobile ta' l-istess tifel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ebda student ma ngħatalu 'expulsion' mill-iskola msemmija. Din il-problema għadha qiegħda tiġi kkunsidrata u nvestigata. Ser isir laqgħa mal-ġenituri ta' l-istudenti konċernati. Informat ukoll li dan ma kienx każ ta' 'bullying' u l-video ma ttiħidx la min mobile phone u lanqas mill-istudent innifsu.