Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #1617 Sitting 36 2003-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Sehem ta' Malta — Attivita' militari

Question

Tista' tikkonferma li meta tieħu sehem fl-ESDF Exercises CME/CMX 03 u CME 04 Malta mhijiex sejra tieħu parti f'dik il-parti militari li tuża NATO Assets?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 10 PQ #1618 Sitting 36 2003-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

UE — Immigrazzjoni illegali

Question

Malta sejra tieħu sehem fid-delegazzjoni ta' esperti tal-UE li kellha titratta il-problema tal-immigrazzjoni illegali mal-Libja? Jekk iva min hi l-persuna maħtura u meta inħatret?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Malta ser tiehu sehem f’din iż-żjara u għal dan il-għan gie identifikat uffiċċjal mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin biex ikun jista’ jakkumpanja d-delegazzjoni ta’ esperti ta’ l-Unjoni Ewropea. Għad mhux cert pero meta din iż-żjara ser issehh. Nixtieq ingħid ukoll illi jekk jinbiddlu t-terms of reference ghal din iż-żjara, tista’ tinħass il-ħtiega li dan l-uffiċċjal jigi sostitwit b’ufficcjal ieħor.
Leg 10 PQ #1619 Sitting 36 2003-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

CHOGM

Question

Jista' il-Ministru jgħid huwiex minnu li Malta ġiet mistoqsija jekk għandhiex ħsieb li tospita iċ-CHOGM tas-sena 2005 u jekk iva x'kienet it-tweġiba tal-Gvern Malti?

Response (BORG, JOE)

Malta ġiet mistoqsija jekk tkunx disposta tospita iċ-CHOGM għas-sena 2005. It-tweġiba tal-Gvern Malti kienet fil-pożittiv.
Leg 10 PQ #1620 Sitting 36 2003-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Rapporteur tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda — Malta

Question

Malta beħsieba tibqa iżżomm il-kariga ta' Rapporteur tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-Palestinjani wara li tissieħeb fl-UE?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern qiegħed jikkonsulta mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill / Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurta, mal-Presidenza ta' l-Unjoni Ewropea u ma' diversi pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma l-Awtorita' Palestinjana dwar l-aħjar strateġija li għandha taddotta Malta bħala membru ta' l-Unjoni Ewropea għall-futur fl-aħjar interess tad-dritt tal-poplu Palestinjan li jkollu Stat tiegħu.

Immigranti llegali — Ripatrijazzjoni ta' imigranti llegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid u jagħti dettalji dwar xi ftehim jeżisti, jekk jeżisti, mal-Libja, Tuneżija, Marokk u Eġittu dwar kwestjonijiet ta' ripatrijazzjoni ta' immigranti llegali?

Response (BORG, JOE)

Ma jeżisti l-ebda trattat ta' rimpatriju jew riammissjoni bejn Malta u l-Libja, it-Tuneżija, il-Marokk u l-Eġittu. Malta għamlet proposta lil dawn il-pajjiżi sabiex jiġi nnegozjat trattat simili iżda sa issa għadu ma ġie konkluż ebda wieħed.
Leg 10 PQ #1534 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxati — Flus minfuqa f'telefonati

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intnefqu flus f'telefonati f'kull ambaxxata bejn April 2002 u Marzu 2003? Kemm tammonta l-ispiża totali ta' telefonati li saru matul l-istess perjodu mill-Ministeru kollu?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #1537 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karozzi fil-Ministeru kollu nklużi l-ambaxxati? Kemm minnhom jaħdmu bil-petrol u kemm minnhom jaħdmu bid-diesel? Kemm għandu xufiera jew impjegati oħra mal-ministeru (inklużi l-ambaxxati) li jsuqu l-istess karozzi? Kemm saru inċidenti fuq l-istess karozzi f'dawn l-aħħar ħames snin u cioe' minn Settembru 1998 sa Awissu 2003? Kemm tammonta l-ispiża totali? Kemm tammonta l-ispiża ta' insurance premiums li jħallas il-ministeru għall-istess karozzi?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

UE — Talba minn Malta għall-fond ta' solidarjeta'

Question

Jista' il-Ministru jitfa' ftit dawl fuq it-talba li ġie rrapportat li Malta se tagħmel għall-fond ta' solidarjeta' ta' l-Unjoni Ewropea wara l-għargħar ta' Settembru 2003, dwar meta se ssir din it-talba u f'kemm flus se tikkonsisti din it-talba?

Response (BORG, JOE)

Wara l-maltemp qalil tat-Tnejn 15 ta' Settembru 2003 u tal-ġranet ta' wara fuq il-gżejjer Maltin, il-Gvern Malti ġie assigurat illi għandu dritt japplika għal għajnuna finanzjarja mingħand l-Unjoni Ewropea taħt il-provvedimenti tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri Numru 2012/2002, li waqqaf il-Fond ta' l-Unjoni Ewropea għal Solidarjeta' ma' pajjiżi milquta serjament minn diżastri kbar, prinċipalment naturali. Nhar il-Ġimgħa 19 ta' Settembru, uffiċċjali għoljin minn bosta Ministeri ewlenin iddiskutew bejniethom dwar il-koordinament meħtieġ għall-ġbir ta' tagħrif ddettaljat sabiex tintefa' applikazzjoni f'dan ir-rigward. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, filwaqt li l-formoli ta' applikazzjoni jridu, skond il-provvedimenti ta' l-istess Direttiva, jiġu sottomessi fi żmien għaxar ġimgħat mid-data meta l-maltemp laqat lil pajjiżna l-ewwel darba li l-għajnuna finanzjarja li tista' tiġi awtoriżżata biex titħallas mill-Fond tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li hemm speċifikat fl-artikli relattivi tad-Direttiva.

Ħlasijiet — Traduzzjonijiet għall-lingwa Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul l-2002 u l-2003 s'issa, kemm nefaq flus il-Gvern fuq traduzzjonijiet għall-lingwa Maltija konċernanti leġislazzjoni Ewropea u min kienu t-tadutturi magħżula u kemm tħallsu kull wieħed rispettivament?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid min huma l-persuni li qegħdin jaħdmu fil-ministeru u x'inhu r-rwol tagħhom?

Response (BORG, JOE)

Ma naħsibx li jkun xieraq li nxandar l-ismijiet ta' dawk il-persuni li qed jaħdmu fis-Segretarjat Privat tiegħi u ma nistax nifhem x'utilita' jista' jkollha din l-informazzjoni. Il-pożizzjonijiet li jokkupaw dawn il-persuna huma pożizzjonijiet prattikament uniformi għall-Ministeri kollha u qegħdin spjegati f'dokument li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra matul il-Leġislatura preċedenti.
Leg 10 PQ #1528 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Spiża tas-safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tas-safar tal-Ministeru minn Jannar 2003 sal-lum? Kemm għad fadal fondi għas-safar mill-allokazzjoni tal-Budget? Kemm mill-ispiża tas-safar intnefqu mill-Ministru u s-Segretarju Privat, mis-Segretarju Permanenti, mid-Direttorat Multilaterali u mid-Direttorat Bilaterali? Jista' jgħid x'riżultat tanġibbli nġieb minn dan is-safar?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #1529 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi/Kummissarji għolja Maltin — Laqgħat

Question

Jista' il-Ministru jelenka l-laqgħat li kellhom l-Ambaxxaturi/Kummissarji Għolja Maltin rappreżentanti permanenti residenti f'Ruma, Londra, Moska, Stockholm, Copenhagen, The Hague, Ateni, Madrid u Canberra matul dawn l-aħħar sentejn? X'kienu s-suġġetti diskussa, ma' min saru l-laqgħat u x'ħareġ konkret minn dawn il-laqgħat?

Response (BORG, JOE)

Il-laqgħat li kull rappreżentant permanenti Malti li qed iservi barra minn Malta ikollu waqt il-qadi ta' dmirijietu huma kotrana u ta' kull xorta. L-eżerċizzju biex jinġabar tagħrif dettaljat dwar kull laqgħa li kellhom dawk ir-rappreżentanti permanenti indikati mill-Onorevoli Membru f'dawn l-aħħar sentejn huwa massiċċ. Għaldaqstant, sakemm ma ningħatax raġuni għaliex qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #1530 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Xiri ta' karozzi ġodda

Question

Jista' il-Ministrujgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru matul dawn l-aħħar sena u nofs u x'tip ta' karozzi nxtraw? Għal min inxtraw u kemm kienet l-ispiża biex inxtraw dawn il-karozzi?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #1531 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Uffiċjali ntitolati għall-fuel b'xejn

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma dawk l-uffiċjali fil-Ministeru li huma ntitolati għall-petrol u/jew diesel b'xejn? X'kienet in-nefqa għal dawn il-fuels matul dawn l-aħħar sentejn? Jista' jelenka din in-nefqa skond kull uffiċjal?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #1532 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Manutenzjoni tal-lift

Question

Peress li f'mistoqsija parlamentari 32801 il-Ministru nforma lill-Kamra li l-ispiża għall-manutenzjoni għal lift tal-Ministeru kienet laħqet Lm1,916 fuq perjodu ta' tliet snin u nofs sa Marzu 2002, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm intnefqu flus fuq il-lift minn April 2002 sa Lulju 2003 u kemm-il darba waqaf jaħdem l-istess lift matul l-istess perjodu? Jista' iserraħ ras il-ħaddiema ta' l-istess Ministeru li l-ispejjeż li qed jintnefqu fuq il-lift m'humiex flus fil-ħela iżda investiment sabiex titnaqqas l-inkonvenjenza li ta' spiss hija ta' uġiegħ ta' ras għal min jaħdem fl-istess bini?

Response (BORG, JOE)

Matul il-perijodu indikat fil-Mistoqsija intefqu LM1,093.44 fuq il-lift. Fl-istess perjodu l-lift waqaf 65 darba. Nixtieq inserraħ ras l-Onorevoli kollega li l-flus li jintefqu fuq il-lift sabiex dan jinżamm fl-aħjar stat ta' effiċjenza possibbli huma kollha meqjusa bħala investiment għall-kumdita ta' l-impjegati.
Leg 10 PQ #1533 Sitting 34 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Soqfa/bini strutturali

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-perit tal-Gvern jew tal-privat qattx sabu xi diffikulta' sabiex jiċċertifikaw li s-soqfa jew xi bini strutturali tal-Ministeru kien jinsab f'kondizzjoni perikoluża? Jekk le, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ir-rapporti li saru mill-istess periti dwar l-istat tas-soqfa tal-Ministeru?

Response (BORG, JOE)

Jien infurmat illif'dawn l-aħħar snin ma ntalabx li jsir rapport dwar l-istat tas-saqaf tal-Ministeru. Ħemm il-ħsieb li jsir survey ta' Palazzo Parisio qabel ma jsir il-proġett ta' l-estenzjoni tal-bini tal-Ministeru.

Ambaxxati barranin f'Malta — Diplomatiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin akkreditati bħala diplomatiċi f'ambaxxati barranin f'Malta?

Response (BORG, JOE)

Ninsab infurmat li skond l-aħħar Lista ta' Diplomatiċi akkreditati għal Malta li ġiet ippubblikata fil-Gażżetta tal-Gvern Numru 17305 tal-25 ta' Ottubru 2002, kif stipulat mill-Att ta' l-1966 dwar l-Immunitajiet u Privileġġi Diplomatiċi, m'hemm l-ebda persuna ta' nazzjonalita Maltija akkreditata bħala diplomatiku f'ambaxxati barranin f'Malta.
Leg 10 PQ #1527 Sitting 33 2003-09-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi f'Ruma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża matul dawn l-aħħar sena u nofs biex żammejna żewġ ambaxxaturi f'Ruma? Fl-isfond tal-problema finanzjarja li qed jiffaċċja pajjiżna, ma kienx ikun aktar għaqli kieku ħallejna ambaxxatur wieħed ġewwa Ruma minflok tnejn, peress li x-xogħol li hemm fl-ambaxxata Maltija f'Ruma jista' faċilment isir minn ambaxxatur wieħed kif kien isir fl-imgħoddi?

Response (BORG, JOE)

Ilu bosta snin li Malta għandha żewġ Ambaxxaturi joperaw minn ġewwa l-Ambaxxata Maltija f'Ruma: sas-sena l-oħra, wieħed minn dawn l-Ambaxxaturi akkreditat għall-Italja, għall-Albanija, għall-Iżrael u għall-Isvizzera, flimkien ma' numru ta' organiżżazzjoni internazzjonali, filwaqt li kien hemm Ambaxxatur ieħor li kien akkreditat għall-Organiżżazzjoni Dinjija ta' l-Ikel (FAO). Is-sena l-oħra, inħasset il-ħtieġa li jsir tqassim aħjar tar-responsabbiltajiet rispettivi, u għalhekk illum il-ġurnata għandha Ambaxxatur akkreditat għall-Italja u għal San Marino filwaqt li l-responsabbiltajiet l-oħrajn huma f'idejn l-Ambaxxatur l-ieħor. Ghalhekk, ma naqbel xejn ma' dak li qed isostni l-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fl-Ambaxxata Maltija ġewwa Ruma kien isir, kif ukoll li faċilment jista' jsir, minn Ambaxxatur wieħed.
Leg 10 PQ #1485 Sitting 32 2003-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Entitajiet Maltin — Outstanding payments minn naħa Libjana

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-ammonti outstanding li għad għandhom id-diversi entitajiet Maltin x'jiġbru min-naħa Libjana? Jista' jagħti d-dettalji sħaħ kif ukoll tal-perjodu ta' dawn il-pendenzi?

Response (BORG, JOE)

Minħabba li l-entitajiet Maltin li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma fil-maġġor parti entitajiet kummerċjali, ma nħossx li hu xieraq li nagħti figuri speċifiċi li huma ta' natura kummerċjali u, għaldaqstant, kunfidenzjali. Madanakollu, il-figura globali li għandhom jieħdu dawn l-entitajiet min-naħa Libjana taqbeż is-seba' miljun lira u nofs Maltin. Ma għandi l-ebda diffikulta pero li ngħaddi konfidenzjalment l-informazzjoni mitluba lill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #1486 Sitting 32 2003-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Koperazzjoni bejn l-Italja u l-Libja — Immigrazzjoni illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu d-dettalji tal-briefing li Malta ngħatat bħala acceding country ta' l-Unjoni Ewropea min-naħa Taljana dwar il-koperazzjoni eżistenti bejn l-Italja u l-Libja dwar l-immigrazzjoni illegali?

Response (BORG, JOE)

L-Italja kellha diskussjonijiet ta' natura bilaterali mal-Libja iżda ma ngħatawx dettalji ta' dawn id-diskussjonijeit lill-Istati Membri l-oħra. Dawn id-diskussjonijiet wasslu sabiex l-Italja titlob lill-Unjoni Ewropea biex, l-Unjoni Ewropea tibgħat, għat-tieni darba, delegazzjoni fil-Libja għal aktar diskussjonijiet. It-terms of reference ta' din id-delegazzjoni ġew diskussi mill-Istati membri u l-acceding countries f'Lulju li għadda. Malta qegħda tipparteċipa sa fejn possibbli fl-inizjattivi ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-immigrazzjoni illegali.