B'referenza għall-kumpaniji sussidjarji ta' l-Air Malta, jista' jinfurmani x'inhija l-pożizzjoni tal-ħaddiema tas-Selmun Hotel fil-Mellieħa? Kemm fil-fatt huwa s-sehem u s-shares li l-Air Malta għandha f'din il-lukanda fil-preżent u kemm kien dan s-sehem matul l-aħħar 5 snin sena b'sena rispettivament? Minn fil-fatt kienu l-partners l-oħra li flimkien ma' l-Air Malta għandhom l-investiment f'din il-lukanda?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-pożizzjoni tal-ħadiema tal-lukanda Selmun Palace hija l-istess bħal dik ta' ħaddiema oħra ta' lukandi oħra f'Malta.
L-Air Malta għandha disgħin fil-mija mill-miljun u mija u tmenin elf sehem fil-lukanda msemmija. Dan ix-shareholding ma nbidilx matul dawn l-aħħar ħames snin. Il-partner ta' l-Air Malta hija l-kumpanija reġistrata fi Franza Accor S.A.
Peress li sena ilu tneħħiet bożża fi Triq l-Isqof Pace il-Mellieħa li tinsab bejn New Mill Street u Parish Str u ħdejn ir-residenza li qed tintbgħat separatament, jista' l-Ministru jara li din il-bozza titwaħħal issa li xogħlijiet tlestew? Jekk fl-affermativ meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex wara li ssir l-investigazzjoni meħtieġa tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jikkonferma rapporti li il-fabbrika li isimha qed jintbagħat under separate cover għandhom kontijiet sostanzjali b'lura xi jħallsu tad-dawl u l-ilma - mingħajr ma l-Enemalta u l-water services corporation ħadu passi konkreti kontrihom - kif wkoll li ilhom żmien twil ma jħallsu l-kera tal-fabbrika tagħhom?
Tista' tikkonferma rapporti lil din il-kumpanija qed tuża partijiet sostanzjali tal-fabbrika tagħha għal skopijiet ta' ħażna u mhux ta' produzzjoni u li ġieli tuża dawn il-faċilitajiet bħala storage għal persuni terzi, ta' liema servizz qegħda wkoll tiċċarġjahom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Kumpanija li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant qed tħallas il-kera skond il-ftehim li hemm mal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp.
Il-Korporazzjoni ma tistax tagħti informazzjoni ta' natura kummerċjali fuq kumpaniji li jokkupaw fabbriki taħt l-amministrazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni tassigura, fejn hu possibbli, li l-fabbriki jiġu wżati mill-inkwilini skond l-użu li għalihom ġew approvati l-fabbriki.
Ninsab infurmat ukoll li dwar il-fabbrika li qed issir riferenza għaliha hemm żewġ kontijiet pendenti. Fuq kont minnhom l-ammont dovut huwa magħmul mill-aħħar żewġ kontijiet li ħarġu. Fuq il-kont l-ieħor l-ammont dovut hu għal żmien itwal iżda fuqu hemm oġġezzjoni li qed tkun ikkunsidrata mill-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid, b'riferenza għall-iżvilupp tal-crafts village ġdid f'Ta' Qali, x'se jsir minn dawk il-persuni li jokkupaw art li se tiġi żviluppata u li mhumiex parti mill-villaġġ eżistenti bħalma huma nies li għandhom ir-raba u l-irżieżet li jgħixu fihom?
Response (BONNICI, JOSEF)
In vista tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 32481 waqt is-Seduta numru 719, naħseb li f'dan l-istadju ma jkunx prudenti li wieħed jidħol fid-dettalji dwar l-iżvilupp tal-Villaġġ tas-Snajja f'Ta' Qali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw kuntratturi għat-tender ta' bdil u installazzjoni tas-servizz ta' l-ilma fid-djar li nħarġet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma? F'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni ta' din it-tender ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li sitt kuntratturi applikaw għat-tender li qed issir riferenza għaliha. L-aġġudikazzjoni ġiet finalizzata fis-7 ta' Novembru 2001. Id-deċiżjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, meħuda fl-14 ta' Frar ta' din is-sena, kienet li t-tender taqa' u terġa' ssir bi speċifikazzjonijiet mibdula.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati ġodda mat-Tug Malta minn Jannar 2001 sal-lum?
F'liema grad daħlu, u minn liema lokalita' ġejjin?
Kemm kien hemm persuni għal kull grad li ġew intervistati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sena li għaddiet u l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena ġew impjegati ħmistax-il persuna mal-kumpanija Tug Malta. Id-dettalji mitluba dwar dawn l-impjegati ġodda huma kif ġej:
IMPJEGATI GRAD LOKALITA' INTERVISTATI
1 Accounts Clerk San Pawl il-Baħar 14
1 Junior Marine Fitter Fgura 16
1 Operations Officer Fgura 32
3 Greasers Vittoriosa (2), Mosta 13
1 Secretary Msida
1 Asst. to Secretary Birkirkara 51
1 Seaman/Greaser Marsascala
2 Seaman B'Bugia, Marsascala
4 Seaman/Maintenance Qormi, Zejtun, Rabat, B'Kara 43
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda nru. 27780 i.e. problema ta' vultaġġ baxx f'St Peter Str, Żabbar, jgħid x'irriżulta u x'passi ttieħdu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-problema ta' vultaġġ baxx fit-triq imsemmija ġiet investigata mill-Korporazzjoni Enemalta. Ix-xogħol ta' tisħiħ fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
B'referenza għas-sitwazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jirrimedja għat-talba tagħha cioe li tingħata l-garaxxijiet indikati fil-pjanta annessa li jinsabu vojta u li ilhom vojta għall-dawn l-aħħar snin?
Peress li din il-kumpanija toffri 7000 servizz lill-persuni differenti u timpjega 12-il ħaddiem, jista' l-Ministru jara li talba għall-użu ta' dawn il-garaxxijiet tiġi milgqugħa u jinforma lill-persuni konċernati dwar il-proċeduri li jirrikjedu sabiex jindirizzaw il-kriterji meħtieġa skond in-normi tal-MDC?
Jekk fl-affermattiv?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li parti mill-propjeta' indikata fuq il-pjanta sottomessa mill-Onorevoli Interpellant hija privata. Il-parti l-oħra indikata, hija amministrata mill-Korporazzjoni Maltija ta' l-Izvilupp u dawn il-fabbriki żgħar huma kollha allokati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-permessi mogħtija għal imħażen li hemm fil-parti tat-Triq il-Belt Valletta, ħdejn il-housing estate ta' Tal-Blat 1?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-proċess tad-devoluzzjoni tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju mingħand il-Pulizija għal dan il-Ministeru għadu fi stadju ta' transizzjoni, nissuggerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta u kemm ġie jiswa flus l-impjant għat-tratament tad-drenaġġ li nbena mill-MDC bħala parti miz-zona industrijali ta' Ħal Far?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex possibli li jitneħħa wire mikxuf li hemm ġewwa t-telgħa ta' Triq Santa Liena Bormla billi jista' jkun ta' periklu għall-pubbliku?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 32548, jista' l-Ministru jgħid min ħallas għax-xogħol li sar biex jitwaħħlu arbli tad-dawl fi Triq Bettija, Ħ'Attard?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-arbli li qed issir riferenza għalihom tħallsu mill-Korporazzjoni Enemalta kif stabbilit mill-Electricity Supply Regulations.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li trid tittieħed sabiex isir change of use ta' negozju f'class 4 għall-istess klassi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-liċenzji tan-negozju fil-preżent huma fir-responsabbilta' tal-pulizija, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-Playingfield li tinsab fil-Qasam tad-Djar ta' Ta' Giorni tinxtegħel mill-ġdid bid-dawl peress li tinsab fi dlam ċappa u konsegwenza t'hekk ma' tistax tintuża mir-residenti filgħaxijiet u tista' wkoll isservi għall-abbużi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fil-fatt diga' saret.
Jista' l-Ministru jgħid jistax isir qari mill-ġdid tal-meter ta' l-elettriku tal-household li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fid-dawl tal-kontijiet li għandha pendenti ħalli jiġi stabbilit b'mod prċiż l-ammont dovut lill-korporazzjoni, bil-għan li jkun jista' jsir arranġament ekwu ta' ħlas għaż-żewġ naħat li jkun jista' jwassal biex jerġa' jiġi introdott is-servizz tad-dawl lil din il-familja?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta. Naturalment, f'każi bħal dan, il-Korporazzjoni timxi skond il-proċedura stabbilita.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jinvestiga l-ilment tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament dwar allegat tniġġis fis-servizz ta' l-ilma li qed jirċievu?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu kaxxi ġodda mill-Maltacom biex jgħaddu l-cables minn taħt l-art fl-area tat-triq tar-Ramla li miż-Żejtun tagħti għal-Wied il-Għajn?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Maltacom sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi ħsara kien hemm u x'riparazzjonijiet kien hemm bżonn fil-mains ta' l-ilma fil-Belt Senglejana nhar is-Sibt u l-Ħadd 6 u 7 ta' April ġewwa Triq Vittorja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fid-data msemmija la kien hemm ħsarat u lanqas saru tiswijiet fis-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma fit-triq li qed issir riferenza għaliha.
fil-fatt, f'dik id-data kien hemm ħsara fi Triq San Lawrenz, l-Isla. It-tiswija fuq il-mejn ta' l-ilma saret dakinhar stess.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħal dawl (street lighting) fi Triq is-Saqun, Ħaż-Żabbar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal Triq is-Saqwi. It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema terminu ta' żmien l-ex-Kummissarju tal-Pulizija Gorg grech ġie impjegat mal-Maltacom u ma' liema sussidjarja tagħha qiegħed dan l-impjieg jekk hu l-każ? X'inhu s-salarju li ġie mogħti u x'benefiċċji oħra għandu in konnessjoni mal-impjieg tiegħu? X'inhi s-somma li trid tingħatalu bħala penali jekk l-impjieg tiegħu jiġi tterminat mill-Maltacom qabel iż-żmien jew għal xi raġuni oħra li ma tinkludix il-kunsens tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet numru 31624 u 32123 dwar l-istes materja.