Legislature:
Category:
Reset
Active:

ADT — Naxxar

Question

Minħabba li sirt naf li l-ADT tat permess lill-kunsilli lokali ta' l-Iklin u n-Naxxar biex jagħmlu toroq arterjali importanti - No entry for heavy vehicles except to render a service, public transport vehicles and for access- tista' tikkonferma li ċerti arranġamenti f'San Ġwann, bħal Naxxar Road, se jibqgħu jgħoddu u li l-lokal ta' San Ġwann mhux se jibla dawn it-tip ta' vetturi, b'konsegwenza ta' dawn l-arranġamenti ġodda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-ADT tilqa’ dejjem talbiet li jistgħu jtejbu t-traffiku u anke jipproteġu l-eżiġenzi taċ-ċittadin. F’dan il-każ, l-ADT dejjem tagħmel bi prova ċerti talbiet meta dawn ikunu fis-sustanza loġiċi u pertinenti biex isolvu xi problema. Vetturi ta’ ċertu toqol jiġu pprojbiti minn aċċess fejn dan jista’ jtejjeb it-traffiku kif ukoll l-aspett ta’ sigurtà tal-lokal. Wieħed irid jikkunsidra wkoll li ma jistax jagħmel policy li din tista' tiġi applikata kull ħin u kull mument għaliex f’kull deċizjoni wieħed irid jieħu ukoll in konsiderazzjoni r-regolamentazzjoni tat- traffic flow fl-inħawi. Huwa minnu wkoll li jista' jiġi pprojbit l-aċċess għall-ċertu ħin tal-ġurnata għall-vetturi kbar bl’eċċezzjoni meta dawn ikunu qed jagħtu servizz. Għaldaqstant, kull darba li l-Awtorita’ jkollha dawn it-tip ta’ talbiet qed tikkunsidrhom u jekk hu possibbli iddaħal sistema ta’ prova.

Żvilupp Urban u Toroq — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ADT għandha Bord ta’ Direttur skond l-Att Numru 332 tal-liġijiet ta’ Malta. Dan il-Bord, kompost kif imniżżel hawn taħt, twaqqaf f’Ġunju ta’ l-2006 u jiltaqgħu minimu ta’ darbtejn fix-xahar. Dan jikkonsisti f’ħames membri viz. Chairman, Deputy Chairman u tlett membri flimkien ma' Segretarju tal-Bord. L-onorarja tal-membri tal-Bord hija dik stabbilita u cioe : Chairman - Lm7,000 Deputy Chairman - Lm1,500 Membri - Lm1,500 kull wieħed Segretarju tal-Bord - Lm3,360 liema ammont japplika biss sa Marzu 2006. Minn Marzu 2006, mhux qed isir ħlas għas-Segretarju tal-Bord minħabba li din il-funzjoni qed jassumiha l- Legal Manager ta’ l-Awtorita. Barra minn hekk hemm Vintage Cars Board li għandu d-Direttorat tal-Liċenzji u Ttestjar cioe il- Vintage & Classic/Veteran Vehicles. Dan il-Bord ġie mwaqqaf fis-27 ta’ Frar 2003 u minn dak iż-żmien l’hawn iltaqgħu 43 darba. Dan il-bord hu kompost minn sitt membri li ma jingħatawx kumpens. Il-Ministeru/Dipartiment għandu Negotiating Board – Dock No 1 li twaqqaf fit-22 ta’ Frar, 2006, kompost minn Chairman, disa' membri u segretarju. Dawn il-membri ta’ dan il-Bord m’għandhomx onorarja.

Birkirkara — Triq Giuseppe Xuereb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Giuseppe Xuereb, Birkirkara hijiex imdaħħla fil-lista tat-toroq li għandhom isiru bit-tarmac?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq imsemmija hija nkluża fil-programm ta' bini ta' toroq residenzjali li ħa jsiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport sas-sena 2008. Ix-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn dan il-program.

Triq ta' Ħal Far

Question

Jista' l-Ministru jgħid, b'riferenza għax-xogħol li sar fit-Triq ta' Ħal Far, kemm huma twal is-sections tat-triq li nbidlulhom il-livell i.e. tbaxxiet jew ogħliet it-triq? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-bill of quantities ta' din it-tender?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-tul tat-triq li ġiet ri-kostruwita fil-proġett tat-triq ta’ Ħal-Far (Phase 3) għandha tul ta’ madwar 3.0 kilometri. Il-livelli tat-triq inbidlu f’diversi stanti fejn f’erbgħin fil-mija tagħhom kien hemm żieda fil-livell u fis-sittin fil-mija l-oħra kien hemm tnaqqis. Kien hemm tul ta’ madwar 1400 metru fejn il-livelli nbidlu b’aktar minn 20cm u kien hemm tul ta’ madwar 700m fejn il-livelli nbidlu b’aktar minn 30cm. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun mgħarraf li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għax din hija ta' natura kummerċjali.

San Pawl il-Baħar

Question

B'riferenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, liema triq kulħadd jaf li hija mibnija fuq it-tafal, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' kostruzzjoni ġiet speċifikata fit-tender minħabba dan it-tip ta' terren? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-bill of quantities ta' l-istess tender?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsba infurmat li t-tip ta’ kostruzzjoni li ġiet speċifikata fit-tender kienet propju immirata għall-struttura fuq it-tafal u kienet tikkonsisti :- 150mm ‘ Cement Bound Material ’ 200mm ‘ Type 1’ 200mm ‘ Asphalt ’ (‘ Base ’, ‘ Binder ’ u ‘ Wearing Course ’) Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Nterpellant għandu jkun mgħarraf li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għax din hija ta’ natura kummerċjali.

Hal Qormi — Triq l-Armal

Question

Jista' l-Ministru jagħti data definittiva ta' meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq l-Armal, Hal Qormi jew jintlaħaq xi forma ta' ftehim mal-kuntrattur biex jinbeda dan ix-xogħol minħabba li din it-triq hija waħda minn dawk it-toroq li suppost inbniet għexieren ta' snin ilu? Jista' jgħid għaliex qed ikun hemm dan id-dewmien kollu f'toroq sekondarji residenzjali bħal Triq l-Armal? Jista' jgħid kemm ilha l-estensjoni li ngħatat fuq dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Santa Venera — Culverts

Question

Jista' l-Ministra jara jistgħux isiru culverts għax-xita fi Triq il-Brunżar, Santa Venera għaliex il-kunsill lokali ma jridx jagħmilhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Zejtun — Triq il-President Anton Buttigieg

Question

Possibbli l-awtorita' dwar it-trasport ġentilment tikkonsidra li ssir private road fi Triq il-President Anton Buttiġieġ, Żejtun minħabba r-riskju kbir li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti ta' din it-triq minħabba l-ammont kbir ta' traffiku li jgħaddi minn din it-triq u inċidenti kontinwi uħud minnhom fatali li qed ikun hemm f'din il-bypass fejn lejl u nhar jgħaddu eluf ta' karozzi? Hija nformata l-awtorita' dwar it-trasport li minbarra inċidenti tat-traffiku, inkluż inċident fatali b'mod regolari diversi familji qed jispiċċaw bil-parapetti tagħhom imkissra minn karozzi li jibqgħu deħlin waqt li familji oħrajn spiċċaw bil-vetturi tagħhom imkissra waqt li jkunu pparkjati quddiem il-bieb għax jidħlu fihom karozzi/trakkijiet li jkunu għaddejjin bi speed eċċessiv? Billi hemm fejn issir private road biex ir-residenti jiġu separati mill-bypass, tistax din l-alternattiva tiġi kkonsidrata bis-serjeta'? Possibbli li l-awtorita' dwar it-trasport tagħmel żjara fuq il-post? Billi qed jingħad li l-awtorita' dwar it-trasport beħsiebha tagħmel bicycle lane f'din it-triq, tista' tikkonsidra l-private road minflok għax jekk issir bicycle lane kif inhi t-triq fil-preżent il-problema tiġi agħar u r-riskju jikber mhux biss għar-residenti imma anke għal min jissogra jmur bil-bicycle tiegħu f'din it-triq? Jimporta jekk l-awtorita' dwar it-trasport tikkonsulta r-residenti ta' din it-triq qabel tieħu deċiżjoni għax fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jafu l-aktar x'jeħtieġu li qegħdin f'riskju kontinwu? Possibbli l-Ministru ġentilment jara li permezz ta' l-awtorita' dwar it-trasport ningħata t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha li għamilt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Żvilupp Urban u Toroq — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22839 u jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 22839.

ADT — Każ ta' koppja anzjana

Question

Tista' l-awtorita' dwar it-trasport tidħol ftit fil-każ ta' koppja anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u tara tistax issolvi l-problemi li qed jikkaġunawlhom tant tbatija?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li uffiċjali tat-taqsima marru fuq il-post u anki ltaqgħu mall-kopja anzjana li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari sabiex jiġi vverifikat il-kas li ssottomettew lil Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta. Sussegwentament, rakkomandazzjonijiet tat-taqsima ġew mgħoddija lill-Kunsill Lokali għal kummenti tagħhom.

San Gwann — Sliema Road

Question

Jista' l-Ministru jinformani jekk hemmx xi ħsieb li Sliema Road, San Gwann tkun mogħtija wiċċ ġdid u jsiru xi xogħlijiet fuqha u dan minħabba l-istat preżenti tagħha, u speċjalment jekk din se tkun triq li tagħti għall-isptar il-ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib ta' din it-triq ser issir mall-proġett ta' upgrading tal-bini ta' fly over fil-Kappara, liema xogħlijiet huma pjanati li ser isiru fl-aħħar ta' l-2007 bidu ta' l-2008.

San Gwann — Triq Mensija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi data meta l-awtorita' dwar it-trasport se tagħmel xi double glazing fi twieqi ta' residenzi, kif kien intqal, f'biċċa minn Triq Mensija, San Gwann taħt il-pont peress li hemm djar u familji, anke bi bżonnijiet speċjali, li qegħdin isofru inkonvenjenzi kbar għal ħajjithom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Trasport mix-xatt sal-Belt Valletta

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tender għat-trasport vertikali mix-xatt saċ-ċentru tal-Belt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-imsemmija tender tagħlaq fil-21 ta' Frar, ma nħossx li għandha titqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra qabel id-data ta' l-għeluq.

Xogħlijiet ta' toroq — Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23500 u jagħti l-lista ta' direct orders li ngħataw għal xogħlijiet ta' toroq matul is-sena 2006, inkluż il-valur ta' direct orders u lil min ingħata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Siggiewi — Triq ġdida fi Triq it-Tank - Culvert

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23576 u b'riferenza għall-mistoqsijijiet parlamentari 19810, 20708 u mistoqsijet oħra jgħid fiex waslu l-proċeduri biex jinbena culvert fi Triq Gdida fi Triq it-Tank, Siggiewi? Jista' l-Ministru jagħmel kull mezz biex dan ix-xogħol jinbeda mill-aktar fis possibbli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-proċeduri għall- 'easement' ta' art biex tinbena din il-culvert tlestew u b'hekk dan ix-xogħol ikun jista' jinbena fil-ġimgħat li ġejjin.

Mosta — Triq Rużinjol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq ir-Rużinjol, il-Mosta hux se tingħata t-tarmac kollha kemm hi jew parti minnha? Jekk se ssir parti minnha biss, jista' jgħid għaliex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha mhiex kollha żviluppata iżda xorta waħda, il-parti tat-triq li hija żviluppata kif ukoll l-aċċessi għal din it-triq se jiġu asfaltati.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Serafin Tanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Serafin Tanti f'Ħaż-Żebbuġ (Malta) baqgħet ma saritx meta t-toroq ta' madwarha saru? Jista' jgħid jekk hix responsabbilta' tal-gvern jew tal-kunsill lokali li din tingħata t-tarmac u jekk it-toroq tal-madwar sarux mill-fondi tal-gvern jew tal-kunsill lokali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li sar site inspection fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u rriżulta li din it-triq hija asfaltata. Ir-responsabilita ta’ manutenzjoni ta’ dawm it-toroq huwa tal-Kunsill Lokali.

Iklin — Pelican lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18426, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma nżammitx il-wegħda li kienet saret meta l-pelican lights kellhom jiġu stallati fis-sajf ta' l-2006? Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni mmedjata? Jista' jagħti data ta meta se jiġu stallati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Haż-Żabbar — Triq Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir Triq Wied il-Għajn, Haż-Żabbar, il-parti li tinsab bejn Triq is-Santwarju u Triq il-Kunvent, meta din il-parti tat-triq xejn ma tinsab fi stat tajjeb bin-numru ta' karozzi li qed jgħaddu, aħseb u ara meta jiżdiedu l-karozzi minħabba l-irranġar tal-bypass il-ġdida, u dan b'konsegwenza li kollha se jkollhom jgħaddu minn din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija llum taqa' fil-kompetenza tal-Kunsill Lokali rispettiv. Madankollu, invista tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-bypass ta' Wied il-Għajn, id-Direttorat tat-Toroq se jkun qed jagħmel manutenzjoni fit-toroq kollha li qed ikunu identifikati bħala diversion routes.

San Pawl il-Baħar — Limbordin

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22918, qed jiġi studjat x'effett se tħalli l-mina ta' 500 metru li se jitħaffer taħt ix-xagħra tal-Għansar fuq l-ilma ġieri fl-inħawi li l-bdiewa tant għandhom bżonn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 23508.