Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kennedy Grove – siġar maqlugħin minħabba mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm siġar kellhom jinqalgħu minħabba xi mard, mill-Kennedy Grove (San Pawl il-Baħar)? X’kienet ir-raġuni għal dan il-qlugħ?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16658, ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti illi r-raġuni għalfejn inqalgħu dawn is-siġar kienet waħda ta’ mard bil-moffa. Infakkar ukoll li kif diġà għidt fit-tweġiba inkwistjoni dawn is-siġar kienu tat-tip Cupressus Leylandii li jien infurmat li jbatu minn din it-tip ta’ marda. Fil-fatt hija l-politika tad-Direttorat tal-Parks li s-siġar ta’ dan it-tip li qed jimirdu b’din il-marda qed jinbidlu b’siġar oħra tat-tip Cupressus Sempervirens li huma iżjed resistenti u adattati għall-kilma Mediterranja.

Siġar u pjanti li jingħataw mill-Privat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi arranġament partikulari ta' PPP, biex il-gvern jingħata siġar/pjanti mill-Privat, li mbagħad jintużaw għal xi proġett pubbliku?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li m’hemm l-ebda arranġament formali biex siġar u pjanti jingħataw mill-privat għal xi proġett pubbliku. Madankollu ta’ min wieħed isemmi li kien hemm żieda sostanzjali ta’ kumpaniji privati li resqu ‘l quddiem u offrew għotjiet ta’ siġar u pjanti. Din hija xi ħaġa li qed titqies pożittiva u inkoraġġanti għaliex apparti li tikkomplimenta l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-afforesazzjoni, tiftaħ oppurtunità biex kumpaniji li fil-biċċa l-kbira tagħhom m’għandhom l-ebda rabta diretta mal-qasam ambjentali, xorta waħda jkunu jistgħu jagħtu xhieda tal-impenn ambjentali tagħhom permezz ta’ turija ta’ Corporate Social Responsibility kif spiss jagħmlu wħud minnhom b’sehem attiv fi ‘clean up campaigns’.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17743, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija dwar il-konsulenti li nħatru fil-perjodu li rreferejt għalih fil-mistoqsija oriġinali sal-lum u jelenka f’liema entitajiet, awtoritajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu qegħdin dawn il-konsulenti ? Għal liema skop qed tingħata din il-konsulenza? Kemm tħallsu għal din il-konsulenza xahar b’xahar fl-aħħar 12-il xahar? Dan is-servizz ingħata wara sejħa għall-offerti jew b’direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17743.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema dipartimenti u entitajiet taħt id-dekasteru tiegħu joffru sistema ta’ teleworking u taħt liema kundizzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-impjegati kollha fl-Amministrazzjoni Pubblika jistgħu jibbenefikaw minn sistema ta’ teleworking. Il-kundizzjonijiet li japplikaw joħorġu minn Taqsima 5.4.2 tal-Public Service Management Code li jista’ jiġi aċċessat liberament mis-sit tal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fuq www.pahro.gov.mt. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra estratt minn dan is-sit elettroniku. Fost l-oħrajn, fis-Servizz Pubbliku, dawn il-kundizzjonijiet jispeċifikaw li impjegat għandu japplika għat-telework fuq il-formola stabbilita, jikseb ir-rakkomandazzjoni tas-superjuri tiegħu fid-Direttorat/Dipartiment rispettiv u mbagħad, wara li l-applikazzjoni tiġi ċċekkjata mid-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi (Fergħa tar-Riżorsi Umani), din tersaq għall-kunsiderazzjoni tas-Segretarju Permanenti.

Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19782 jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-data tal-każijiet meta d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali sabu klieb li kienu mingħajr mikroċippa , lokalità b’lokalità? Jista’ jikkonferma każ b’każ, kull darba li ġiet applikata l-proċedura legali kif stipulat f’Regolament 11 tal-Avviż Legali 199 tal-2011 dwar l-Identifikazzjoni Elettronika tal-Klieb?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija ninsab infurmat li f’kull każ mis-37 kelb li nstabu barra bla ċippa kien identifikat is-sid tagħhom. F’dawn il-każijiet is-sidien ġew imwiddba u f’kull każ il-kelb kien reġistrat u ċċippjat skont ir-regoli u allura ma kienx hemm il-ħtieġa li jkunu applikati l-proċeduri aktar ħorox li hemm fil-liġi.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – Technical Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ Assistant Technical Officers, Technical Officers, Senior Technical Officers u Principal Technical Officers li huma impjegati fi ħdan il-Ministeru li għalih hu responsabbli?

Response (BRINCAT, LEO)

Niforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċju tas-Segretarju Permanenti ninsab infurmat li n-numru ta’ uffiċjali fil-gradi msemmija huwa ta’ 32, li 30 minnhom daħlu bejn il-perjodu 1991 – 2013.

Park tal-Majjistral — Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li ħdejn iċ-Ċentru tal-Viżitaturi fil-Park tal-Majjistral issir manutenzjoni peress li hemm strutturi dilapidati (li ilhom hekk mitluqa snin kbar) u li bi ftit xogħol jistgħu jkunu rijabilitati għas-servizz tal-viżitaturi, inkluż bathroom facilities? Jista’ jsir investiment biex id-daħla għal dan il-Park tkun waħda li tixraq l-isem ta’ Park Nazzjonali?

Response (BRINCAT, LEO)

Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li, kif infurmat mit-tmexxija tal-Park tal-Majjistral, fil-fatt diġà jeżistu faċilitajiet sanitarji fil-park u dawn huma wkoll adattati għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Madankollu ta’ min jirrikonoxxi l-ħidma sfiqa u siewja li qed jagħmel il-Bord tat-Tmexxija, li ilu fdat għal bosta snin lil Din l-Art Ħelwa, Nature Trust u Gaia Foundation, li għandu pjan konkret imfassal, sabiex fost affarijiet oħra jirriabilita d-daħla tal-park kif ukoll iċ-ċentru tal-viżitaturi. Tajjeb li wieħed ifakkar li l-organizzazzjonijiet imsemmija li jagħmlu parti minn federazzjoni waħda, huma responsabbli għat-tmexxija tal-Park. Min-naħa tiegħu l-Gvern huwa responsabbli, kif kien ukoll taħt l-amministrazzjoni preċedenti, mill-Bord ta’ Sorvelja.

Biċċerija — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fil-Biċċerija mill-2010 sal-lum, sena b’sena u skont il-kategorija tax-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li matul il-perjodu msemmi l-Biċċerija pubblika kienet taqa’ taħt strutturi differenti fejn ir-responsabbiltà tad-Direttur Ġenerali u/jew id-Direttur rispettiv kienet tinkludi wkoll ħidmiet oħra ta’ operat li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-istess Biċċerija. Fil-fatt kien biss f’dawn l-aħħar snin li l-Biċċerija pubblika bdiet titqies bħala ħidma operattiva distinta. Għaldaqstant l-impjiegi li saru speċifikament għall-Biċċerija matul il-perjodu kollu msemmi huwa diffiċli li wieħed jidentifikahom b’mod preċiż. Madankollu, minn fost l-impjegati preżenti, ninsab infurmat li kien hemm 46 impjegat li nħatru bejn l-2010 u Ottubru 2015 f’dawn il-karigi: Chief Officer (Public Abattoir), Slaughter-Line Coordinator, Senior Economics Officer, Accounting Support Officer, Butcher, Employee performing duties as Boiler Attendant, Tradesman (Electrician), Motor Transport Driver, Assistant Clerk, Senior Operative, Cleaner.

Ċentru San Franġisk – stħarriġ indipendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19635, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ tal-istħarriġ indipendenti li sar mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m’hemm xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19635.

Vetturi utilizzati mid-Direttorat għall-Animal Welfare

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ vetturi u n-numru tal-pjanċa ta’ kull vettura li ntużat mid-Direttorat tal-Animal Welfare minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid għal liema użu tintuża kull vettura? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x’kien il-konsum ta’ karburanat f’litri għal kull vettura individwalment u l-valur abbinat ma kull konsum u l-kilometraġġ magħmul minn kull vettura b’mod separat xahar b’xahar għall-perijodu li jkopri Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Mediċini tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ mediċina tal-annimali, li turi l-isem proprju kif ukoll l-isem ġeneriku tal-mediċina, li d-Direttorat għall-Animal Welfare għandu fil-pussess tiegħu fil-mument? Jista’ jgħid x’inhi l-kwantità li għandu fil-pussess tiegħu u għal liema użu qed jintużaw? Min hu responsabbli biex jamministra din il-mediċina lill-annimali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Żamma ta’ Annimali mid-Direttorat għall-Animal Welfare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn huma l-postijiet fejn fil-preżent qed jinżammu l-annimali kollha li qegħdin fil-pussess tad-Direttorat responsabbli mill-Animal Welfare? Jista’ jgħid fejn fiżikament qed jinżammu l-klieb u fejn qed jinżammu l-qtates miġbura mid-Direttorat? Jista’ jagħti rendikont tan-numru ta’ annimali li qed jinżammu f’kull post separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-annimali li qegħdin fil-pussess tad-Direttorat responsabbli mill-Animal Welfare qed jinżammu f’diversi postijiet fl-Għammieri. L-ammonti ta' annimali sat-13 ta' Novembru huma: klieb (88 b’kollox) qed jinżammu fil-35 pens, qtates jinżammu hekk kif ġej: 128 qattus/a fil-magħlaq, 31 f' Sick Bay li tinsab fl-entratura għall-Għammieri eżattament quddiem San Vinċenz De Paul u 22 qattus/a f’maghlaq biswit l-uffiċċju tal-istess Direttorat.

Għalf u Prodotti Nutrizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ssegregata skont id-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, rendikont ta’ għalf tal-annimali u prodotti nutrizzjonali oħra, li nxtraw mill-Ministeru tiegħu u jagħti l-isem tad-ditta, it-tip, il-forma, l-ammonti f’kilogrammi u l-valur tagħhom, xahar b’xahar mis-sena 2013 sal-lum? Min kien il-fornitur ta’ dawn il-prodotti nutrizzjonali u jekk inxtrawx permezz ta’ tender jew direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 tabelli: Tabella A tad-Direttorat tal-Agrikoltura, Tabella B tad-Direttorat tal-PARKS u l-Inizjattivi, Tabella Ċ tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u Tabella D tad-Direttorat ta' Regolazzjoni Veterinarji. Ninsab infurmat ukoll li l-informazzjoni miġbura fit-tweġiba hija dik li setgħet tinġabar għaliex mhux l-informazzjoni kollha mitluba kienet tinżamm minn kull Direttorat.

Servizzi ta’ Veterinarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-veterinarji li qed jiġu mqabbda biex jagħtu servizz veterinarju fl-Għammieri, fil-Petting Farm f’Ta’ Qali, fil-Family Park f’Marsaskala kif ukoll, fil-Farm Sperimentali tal-Għammieri? Kemm saru visti mis-sena 2013 s’issa u kemm ingħata ħlas lil kull veterinarju li offra servizz?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mis-Segretarjat Parlamentari mill-2013 sal-lum, fl-Għammieri, fil-Petting Farm f’Ta’ Qali, fil-Family Park f’Marsaskala, saru disgħa u sebgħin (79) il-vista veterinarja, kollha minn Dr Gareth Grech. Ħamsa u sebgħin (75) swew €6,299.50, filwaqt li l-erbgħa l-oħra li saru għadhom ma ġewx miltuba l-ħlas (invoiced). Fir-rigward tal-klieb u l-qtates li ddaħħlu ġewwa l-Għammieri mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u li ntuża s-Servizz ta Ċentru San Franġisk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 19645

Miżuri tal-baġit — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif intużaw it--€2.6 miljun li hemm indikat f’paġna 203 tad-dokument intitolat Implimentazzjoni tal-Miżuri tal-Baġit? Kemm kien hemm persuni li ngħataw għajnuna permezz ta’ dan il-vot?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ninsab infurmat li meta fl-2013 tħabbret il-miżura tal-Budget 2014 dwar it-tined tal-baqar li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, din kienet ibbażata fuq il-ftehim li kien daħal għalih il-Gvern preċedenti mingħajr ma kien biss ipprovda l-flus għalih. L-istess ftehim kien ukoll nieqes minn investigazzjoni korretta dwar dak li kienu intitolati għalih ir-raħħala. Għaldaqstant, fil-Budget ghall-2014, il-Gvern preżenti kien impenja ruħu li fuq medda ta’ snin jonora dak il-ftehim mingħajr ovvjament ma jikser regoli tal-Unjoni Ewropea. Kien għalhekk li kien sar eżerċizzju dettaljat ta’ verifika li wassal sabiex jiġu proposti għall-ħlas l-ammonti reveduti korretti skond ir-regoli tal-għajnuniet statali. Sussegwentement tħallsu 17-il raħħal filwaqt li numru ta’ raħħala oħra ma aċċettawx u bdew proċeduri legali kontra l-Gvern. Ovvjament l-eżitu ta’ dawn il-proċeduri jimpatta l-ammonti finali iżda min-naħa tal-Ministeru din il-miżura kienet implimentat. Sadanittant mill-kawżi li saru sa issa l-Qorti qatgħet l-ewwel sentenza f’Ottubru 2015 u din kienet favur il-Gvern.

Ġbir ta’ skart

Question

Jista' l-Ministru jistħarreġ il-każ li d-dettalji fuqu qed jingħataw separatament fejn qed jiġi allegat li qiegħed isir abbuż bil-konsegwenza li qed tinħoloq inġustizzja bejn dawk il-kuntratturi li jiġbru l-iskart għall-kumpaniji privati ma' dawk li jiġbru l-iskart ta' Dipartimenti tal-Gvern u Kunsilli Lokali?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsijja tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Siġar tad-dwieli – ġbir ta’ għeneb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn siġar tad-dwieli f’Malta u Għawdex u kemm jinġabar għeneb minnhom kull sena, lokalità b’lokalità?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari.

Għammieri — serer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm serer fl-Għammieri u x’jitkabbar fihom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li fl-Għammieri hemm totali ta’ 8 serer li waħda minnhom hija kklassifikata bħala ‘shading house’. Fihom jitkabbru fjuri, pjanti endemiċi inkluż ħwawar u ħxejjex varji bi prova. Serra minnhom tintuża biex isiru wirjiet u diskussjonijiet fuq l-agrikoltura lill-istudenti minn diversi skejjel u gruppi ta’ studenti barranin li minn żmien għal żmien iżuru l-Għammieri.

Għammieri – tkabbir ta’ qamħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jitkabbar qamħ fl-Għammieri kull sena minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’qed isiru minnu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fl-Għammieri kull sena jitkabbar il-qamħ bħala mgħalef għal konsum mill-bhejjem (baqar, mogħoż u nagħaġ) li jinżammu fl-Għammieri stess. Ta’ kull sena l- produzzjoni annwali titla ghal madwar 4,000 balal miż-żgħar jew madwar 80,000kg.

Għammieri — Prodotti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi prodotti jitkabbru l-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li fl-Għammieri jitkabbru diversi prodotti fosthom dwieli, mgħalef, żebbuġ, bajtar tax-xewk, basal, qaqoċċ, pastard, tadam, bettieħ, ġdur, kurrat, qarabagħli, ful, lewż u qoton.