Jista' il-Ministru jgħid jekk sajjieda full-time jingħatawx għajnuna mill-gvern kemm-il darba l-qoxra tiġrilha ħsara mill-maltemp? Jekk iva, kemm ingħata kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Għaliex sid il-Lanċa MFA 1101 għadu ma ngħata xejn, sentejn wara li għerqet u għaliex il-Ministru ma jridx jagħti appuntament lil din il-persuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma teżisti l-ebda skema fissa li tagħti għajnuna mill-Gvern għall-ħsara li tkun saret bil-maltemp. Normalment, meta jkun hemm ħsara kkawżata mill-maltemp isiru applikazzjonijiet ad hoc u jekk jiġu milqugħa jista' jsir ħlas ex gratia. Fis-settur tas-sajd fl-aħħar għaxar snin ma sar l-ebda pagament.
Sid il-lanca MFA 1101 kellu kuntratt ta' għajnuna taħt il-Pre Accession Aid Programme ta' Lm 20,000. Minn dawn ingħata Lm 5,000 mal-kuntratt u ma sarux ħlasijiet aktar għaliex meta kien ġab il-bastiment tiegħu MFA 1101 ma kienx laħaq irreġistrah mat-Taqsima tas-Sajd u ma' l-Awtorità Marittima qabel ma għereq. Sid din il-lanċa għamel talba għal pagament ieħor taħt din l-iskema biex ikun jista' jagħmel depożitu fuq bastiment ieħor biex jirrimpjazza dak li għeriqlu. Din it-talba qed tiġi kkunsidrata.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 20175, jista' il-Ministru jinformani x'ġara mill-pożizzjoni li kien jokkupa l-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Għaliex tneħħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Wara konsultazzjonijiet u ftehim mas-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-istruttura ta’ tmexxija fil-qasam tas-sajd u s-servizzi veterinarji inbidlet sabiex toħroġ ċara d-distinzjoni bejn il-parti operattiva u dik regolatorja. Għal dan il-għan ġew stabbiliti l-pożizzjonijiet ta’ Direttur Ġenerali, Affarijiet Veterinarji u Sajd, u dawk ta’ Chief Fisheries Officer u Chief Veterinary Officer, it-tnejn fuq skala 3 minħabba l-importanza tal-pożizzjonijiet. Il-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali, Affarijiet Veterinarji u Sajd, ġiet mimlija wara sejħa għall-applikazzjonijiet skond proċeduri stabbiliti. Eventwalment ikun hemm sejħa għall-pożizzjonijiet l-oħrajn.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 20177, jista' il-Ministru jgħid għaliex imbagħad fil-każ ta' l-industrija tat-tjur - nirriferi għal mistoqsija parlamentari 20172 - ipprovda informazzjoni meta hija industrija kummerċjali wkoll?
Għaldaqstant, jista' jipprovdi l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari 20177?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-industrija tat-tjur hija regolata direttament b'dokumentazzjoni mill-biċċerija stess. B'hekk tista’ tkun ikkalkulata u tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba. L-informazzjoni mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari 20177 hija strettament ta’ natura kummerċjali u għalhekk mhijiex etika li tingħata f’dan l-istadju.
Jista' il-Ministru jgħid matul l-ewwel sitt xhur tas-sena kemm kienet il-kwantita' f'tunnellaġġ ta' ħaxix u frott frisk li ġie gradjat fl-impjant il-ġdid tal-grading fil-pitkalija? Kemm fil-fatt kienet l-ispiża s'issa biex tħaddem dan l-impjant u kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li qed jagħmlu x-xogħol fil-grading station?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 19528.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tjur li nġabru mid-dipartiment biex tiġi evitata l-bird flu? Fejn inżammu? Kemm mietu? Kemm għad hemm ħajjin? Kemm insterqu? Kemm intelqu? Kemm għad hemm miżmuma? Kemm ħarbu? Jekk insterqu, kemm insterqu, x'insteraq u x'passi investigattivi ħa d-dipartiment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ tjur li nġabru mid-dipartiment u li qegħdin jinżammu ġo Fort Delimara kien 336. Minn dawn mietu 23 b'mewt naturali u għalhekk preżentement għadna 313 ħajjin. S'issa, mill-papri għadu ma ntelaq xejn, u ma kellna l-ebda każ ta' serq jew li ħarbu.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ma ġiex imġedded il-kuntratt tad-Direttur Ġenerali Konservazzjoni u Sajd li serva għal dawn l-aħħar seba' snin fi ħdan l-istess ministeru?
Jista' jgħid jekk din il-vakanza (direttur ġenerali) ġietx pubblikata fil-gazzetta tal-gvern?
Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kriterji mitluba għal min se jimla' din il-vakanza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Nru 20271 f’din is-Seduta, fuq il-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess ta' assessjar ta' l-impjant tat-triq proposta fil-Pwales fuq l-ilma ġieri u l-ilma ta' taħt l-art u l-għelieqi fl-inħawi, liema triq hija ppjanta biex ittaffi l-konġestjoni tat-traffiku mit-telgħa tax-Xemxija? X'tip ta' studji ta' impatt ambjentali qed isiru fuq din it-triq proposta?
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għat-twaħħil ta' kiosks żgħar biex tul ix-xatt ta' Tas-Sliema u l-Gżira jkun hemm postijiet diċenti mnejn jinbiegħu biljetti għall-ġiti turistiċi bid-dgħajjes? X'qed iżomm il-ħruġ ta' dawn l-applikazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tipproċessa disa' applikazzjonijiet fil-lokalità tal-Gżira u tas-Sliema għal sanzjonar ta’ booths. Dawn jinstabu fi stadji diversi. Fil-fatt ftit minnhom digà ġew deċiżi mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp u qed jitħejja t-tieni rapport għar-rikonsiderazzjoni.
Jista' il-Ministru jara: (a) li jsir xi tip ta' ilqugħ dekorattiv jew xort'oħra fi Pjazza Sant'Ubaldeska, Raħal Ġdid stante li l-parti t'isfel minn fuq iz-zuntier tal-knisja l-qadima huwa sors ta' periklu ċar; (b) li tiġi mdawla; (c) li jsir landscaping u (d) li jsir dak ir-restawr li jixraq lill-istess knisja li hi monument arkitettoniku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li sid il-kont li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jew l-operaturi tiegħu, għad li hemm fuq l-istess stabiliment diversi enforcement notices/orders se jibqa' jopera b'mod skorrett u mhux skond il-liġi? Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji u l-MEPA taġixxi skond il-liġi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) f'dan il-każ qed taġixxi skond il-ligi. Ir-restaurant għadu jopera minkejja l-każ ta' enforcement ECF820/04 għaliex l-illegalità' tirrigwarda varjazzjoni fil-bini u mhux bdil fl-użu tal-post. Barra minnhekk, l-imwejjed li jitpoġġew quddiem ir-restaurant huma koperti b'permess PA5750/96 u l-każ ta' enforcement ECF880/04 kien irtirat.
Bħalissa hemm applikazzjoni pendenti PA6998/04 li qed titlob li tirregolarizza l-varjazzjonijet fis-sit u għaldaqstant f'dan l-istadju ma jistgħux jittieħdu aktar passi.
Jista' il-Ministru jgħid:
a) x'inhi r-raġuni li qiegħda tiġi kkonsidrata l-estensjoni ta' l-
area
ta' żvilupp f'Tal-Papa, Birżebbuġa meta hemm art li tista' tintuża u li tinsab diġa' fl-iskema;
b) meta appena jiġu spustati l-impjanti tal-gass u l-Enemalta, se jkun hemm ħafna sit għall-iżvilupp;
c) itteħdux in konsiderazzjoni l-fatt li fuq din l-art jgħixu żrinġijiet li huma protetti u endemini għal Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li:
a) l-art msemmija li hija propjetà tal-Gvern kienet indikata biex tidħol fl-iskemi ta' l-iżvilupp mill-1995 permezz tal-pjan lokali ta' Marsaxlokk u Birżebbuġa.
b) L-iżvilupp fuq l-art tat-tankijiet tal-fuel huwa regolat permezz ta' development brief li ġie approvat wara konsultazzjoni pubblika. L-iżvilupp fuq l-art preżentement okkupata mit-tankijiet tal-gass huwa regolat mill-policy MQ03 tal-pjan lokali ta' Marsaxlokk u Birżebbuġa. It-tneħħija ta' dawn l-impjanti minn ġo Birżebbuġa huwa skond id-direzzjoni mogħtija mill-policies MB02 u MQ03 ta' l-imsemmi pjan lokali.
ċ) Meta saret il-proposta, wara konsultazzjopni nterna, ma kienx hemm indikazzjoni li l-inħawi kellhom valur ta' konservazzjoni speċjali. Ta' min ifakkar li dan is-sit ilu propost għal żvilupp aktar minn għaxar snin u matul dan iż-żmien fl-ebda stadju ma ġie indikat dan it-tħassib.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond mibni ġdid fl-indirizz li qed jintbagħat separatament, kellux il-permessi meħtieġa tal-bini peress li: (a) inbena f'parti antika tal-lokal; (b) ħareġ 'il barra mil-linja tal-bini l-antika u sussegwentement (c) il-bankina ma setgħetx titkompla mal-bini ta' biswitu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-post indikat huwa bil-permessi meħtieġa PA 709/02 u l-bini huwa mibni fuq il-linja kif indikata mill-uffiċjali ta’ l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jgħid: a) kemm kienet l-ispiża totali maħruġa mill-gvern u/jew mill-enti kollha konċernati, biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perijodu 2002-2005; b) kemm kienet ukoll l-ispiża mill-istess gvern u/jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skart jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perijodu; c) it-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antnin matul l-istess perijodu; d) il-volum ta kull xorta ta' skart; e) jekk l-iskart t'Għawdex tul dan l-istess perijodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin u l-ispiża nvoluta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi oħra?
B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 18315, 19826 u 19952, peress li skond l-informazzjoni li ġbart, l-arloġġ ta' l-Isla jaqa' taħt il-kontroll tal-management tad-Dockyard, jista' jieħu l-passi li jsir dak li hu meħtieġ minn min hu responsabbli biex issir it-tiswija u konservazzjoni ta' dak l-arloġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni ta' ħxejjex f'Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-produzzjoni ta' ħxejjex f'Malta u f'Għawdex ma tinkludix biss dak li jidħol fil-Pitkalija. L-informazzjoni li qed tingħata għalhekk tirreferi biss għal dak li jidħol fil-Pitkalija f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-ewwel sitt xhur tas-sena. Din l-informazzjoni tidher hawn taħt:
Jannar-Ġunju
Pitkali Malta
Pitkali Għawdex
Co-Op Għawdex
Co-Op Malta
(Kili)
(Kili)
(Kili)
(Kili)
2001
14,021,690
98,507
785,810
3,220,380
2002
13,859,440
63,401
864,679
3,519,018
2003
12,857,593
33,173
880,264
2,933,551
2004
12,814,697
52,522
910,675
3,407,795
2005
13,384,257
54,550
817,957
3,242,323
2006
15,530,406
29,012
824,589
3,288,464
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni ta' frott f'Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-produzzjoni ta' frott f'Malta u f'Għawdex ma tinkludix biss dak li jidħol fil-Pitkalija. L-informazzjoni li qed tingħata għalhekk tirreferi biss għal dak li jidħol fil-Pitkalija f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-ewwel sitt xhur tas-sena. Din l-informazzjoni tidher hawn taħt:
Jannar -Ġunju
Pitkali Malta
Pitkali Għawdex
Co-Op Għawdex
Co-Op Malta
(Kili)
(Kili)
(Kili)
(Kili)
2001
1,973,505
12,764
82,458
493,453
2002
2,445,725
13,795
112,387
230,072
2003
2,103,668
3,915
91,322
460,055
2004
2,131,082
8,876
80,435
507,795
2005
2,188,091
8,085
75,941
555,331
2006
2,414,628
13,791
99,959
611,127
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba bejn l-1996 u l-2006 il-ministeru jew rappreżentanti tiegħu ġew mistednin minn għaqdiet u NGOs barranin dwar l-annimali? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kien l-iskop ta' dawn l-istediniet u liema kienu r-rappreżentanti Maltin li attendew għalihom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onorevoli Membru jkun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Ministru jispjega eżattament x'inhi l-pożizzjoni tad-delizzju tal-kaċċa u l-insib vis-a-vis dak rapportat dan l-aħħar fil-gazzetti lokali, is-sena d-dieħla u wara s-sena d-dieħla? Id-deroga li biha l-kaċċa hija permessa fir-Rebbiegħa u l-insib is-sena kollha fl-istaġun miftuħ, huma derogi permanenti kif imwiegħed qabel ir-referendum għall-EU jew trid issir talba kull sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għall-istqarrija li l-Gvern Malti ħareġ nhar id-29 ta’ Ġunju 2006 li kopja tagħha qed tidher hawn:
Press Release No 0979
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR IL-KAĊĊA FIR-REBBIEGĦA
Il-Gvern jinnota l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex tibda proċeduri kontra l-Gvern Malti dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Huwa mifhum li l-Kummissjoni Ewropea se tibgħat ittra ta’ notifika formali, li huwa l-ewwel avviż bil-miktub li jitlob lill-awtoritajiet Maltin jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi żmien xahrejn. Sa issa, Malta għadha ma rċevitx il-komunikazzjoni imsemmija.
Dan huwa l-ewwel pass mit-tliet fażijiet li tapplika l-Unjoni Ewropea biex tiddetermina, permezz ta’ opinjoni motivata wara li tkun ġabret u analizzat l-informazzjoni supplimetari mitluba mill-istat membru, jekk hemmx każ biżżejjed biex tgħaddi għall-fażijiet l-oħra.
Il-Gvern Malti ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u jtenni l-impenn tiegħu li jiddefendi l-każ fil-fora kollha li tippermettilu l-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni ta' laħam taċ-ċanga f'Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-produzzjoni ta’ laħam taċ-ċanga tul il-perjodi li talab kienet kif jidher hawn taħt:
Sena
Malta
(irjus)
Għawdex
(irjus)
2001
5315
221
2002
5651
309
2003
4820
356
2004
4669
153
2005
5258
26
2006 (
s’issa)
2608
-