Billi fid-diskors ta' l-ET il-President ta' Malta fil-ftuħ tad-Disa' Leġislatura intqal li jenħtieġ li jiġi mfassal mudell ġdid ta' ftehim kollettiv, jista' l-Ministru jispjega fiex jikkonsisti dan il-mudell ġdid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-aħħar mudell ta' ftehim kollettiv kien ġie negozjat bejn il-GWU u l-Malta Employers' Association fis-snin sittin. Dan il-mudell kien użat mill-'unions' bħala bażi li fuqu jiġu negozjati ftehim ma ditti partikulari. F'Diċembru 1990 fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku kien intlaħaq ftehim għal tlet snin dwar relazzjonijiet industrijali li kien jipprovdi għal zjediet għal għoli tal-ħajja (COLA). Dan il-ftehim ma ġiex imġedded meta skada. Il-Ministeru lest li jgħin lill-partijiet interessati biex ikomplu jitkellmu bil-għan li jintlaħaq ftehim fuq mudelli ġodda ta' relazzjonijiet industrijali.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tkun lesta d-dar ta' l-anzjani f'Bormla? Id-Dipartiment għandu ħsieb li jwaqqaf djar simili f'lokalitajiet oħra? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fejn hemm priorita' li jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla hija ppjanata li tkun lesta f'nofs is-sena d-dieħla. Id-Dipartiment għall-Anzjani qiegħed jikkonsidra f'liema lokalitajiet hemm l-akbar priorita' għal djar oħra ta' l-Anzjani.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jippermettix li ħlas (b'cheques) ta' għajnuna soċjali lill-ħandikappati ma jkunux jistgħu jiġu ddepożitati direttament fil-Bank ta' l-għażla tar-riċevitur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li effettivament id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qiegħed f'kuntatti mal-Banek kummerċjali biex tiġi implimentata sistema li biha l-benefiċċjarju jkun jista' jkollu depożitat il-benefiċċju tiegħu direttament fil-kont li jindika hu.
F'każ ta' persuna li għandha diżabilita' mentali fejn il-Bord Mediku jindika li din il-persuna ma tistax taġixxi, il-proċess ta' hawn fuq se jkun jista' jsir fuq talba tal-Amministratur ta' dik il-persuna.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' persuni għomja fis-soċjeta' tagħna?
Kemm minn dawn huma taħt il-35 sena?
Kemm minn dawn għandhom xi diżabilita' jew mard ieħor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Skond ir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita', in-numru ta'
persuni li għandhom nuqqas fil-viżta huwa: 435.
2. Skond ir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita', in-numru ta'
persuni b'nuqqas ta' viżta, taħt il-35 sena huwa: 88.
3. Skond ir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita', in-numru ta'
persuni li, minbarra n-nuqqas ta'viżta, għandhom diżabilita', jew mard iehor huwa: 221.
4. Skond statistika miġbura mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali,
n-numru ta' persuni li jbatu minn nuqqas ta' dawl huwa: 112.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' fabbriki/kumpanniji li ntalbu mid-Dipartiment tax-Xogħol sabiex itejbu l-faċilitajiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena?
Kemm kien hemm każijiet fejn id-dipartiment konċernat kellu jieħu passi legali biex isostni d-drittijiet tal-ħaddiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul is-snin 1995 - 1997 saru numru ta' spezzjonijiet dwar saħħa u sigurta' fuq postijiet tax-xogħol. Fil-parti l-kbira ta' dawn l-ispezzjonijiet instabu xi nuqqasijiet li il-prinċipali ġew mitluba jirrimedjaw. Qiegħed nagħti hawWn taħt skeda li turi sena b'sena in-numru ta'spezzjonijiet kif ukoll in-numru ta' każijiet fejn id-Dipartiment talab lill-Pulizija jieħdu passi kontra prinċipali li ma obdewx l-ordnijiet mogħtija lilhom.
Sena Numru ta' Talbiet
spezzjonijiet lill-Pulizija biex
jitressqu il-Qorti
1995 487 24
1996 489 18
1997 650 12
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ġew irrapportati li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
F'liema industriji kien hemm l-aktar inċidenti rrapportati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' talbiet li saru lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għal benefiċċju wara korriment fuq il-post tax-xogħol huwa kif jidher hawn taħt:
1993 - 7,184
1994 - 7,157
1995 - 6,991
1996 - 6,134
1997 - 5,723
L-akbar numru ta' korrimenti fuq il-post tax-xogħol huwa fl-industrija tal-manifattura.
16.11.98
Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Pagamenti pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' kumpanniji li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali qed jittratta fil-qrati sabiex jiġu rimedjati l-pagamenti pendenti tas-sigurta' soċjali ta' l-impjegati tagħhom?
Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' ħaddiema nvoluti u ċioe' li minkejja li l-ħlas dovut għal bolli tas-sigurta' soċjali ikun tnaqqas mill-paga tagħhom, dan il-ħlas ma jkunx ġie mgħoddi lid-dipartiment mill-kumpannija rispettiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond Artiklu 116(2) ta' l-Att tas-Sigurta' Soċjali (Kap. 318) meta prinċipal jew persuni oħra jonqsu li jħallsu il-kontribuzzjonijiet dovuti minnhom flimkien mal-kontribuzzjoni addizzjonali fi żmien tliet xhur miż-żmien imsemmi aktar il-quddiem fl-istess artikolu, id-Direttur joħroġ ittra uffiċjali, li tiġi notifikata lill-persuna konċernata u jekk fi żmien għaxart ijiem din ma tiġix kkontestata it-talba tad-direttur tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Bħalissa hemm 7 każijiet ta' kontestazzjoni pendenti fil-Qrati. Dan in-numru ma jinkludix dawk il-każijiet fejn id-dipartiment ħareġ ittri uffiċjali jew mandati. F'dawn il-każijiet, iċ-ċifri huma kif ġejjin:
Sena Ittri Uffiċjali Mandati
1996 717 481
1997 471 260
1998 123 100
In-numru ta' impjegati involuti ma jistghax jiġi stabbilit peress li l-kumpaniji konċernati naqsu li jissottomettu id-dokumenti relattivi u għaldaqstant mhux magħruf in-numru ta' impjegati f'kull kumpanija.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' każijiet li qed jiġu trattati quddiem it-Tribunal Industrijali?
Kemm kien in-numru ta' każijiet li ġew trattati sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' każi li qegħdin jiġu tratti quddiem it-Tribunal Industrijali sallum huwa 117.
In-numru ta' każijiet li ġew trattati dawn l-aħħar ħames snin huma hekk:
1993 - 75
1994 - 79
1995 - 73
1996 - 110
1997 - 131
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' anzjani li fil-mument għandhom applikazzjonijiet pendenti sabiex jidħlu fid-dar ta' l-anzjani f'Malta u f'Għawdex?
X'inhija l-policy tal-gvern dwar il-bini ta' dar għall-anzjani fil-Mellieħa li kien qed jipproġetta li jiżviluppa Gvern Laburista preċedenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' Anzjani li għandhom applikazzjoni pendenti sabiex jidħlu fid-djar ta' l-Anzjani f'Malta fl-1 t'Ottubru 1998 kien 564.
Hemm ukoll 45 applikazzjonijiet oħra għad-dar ta' Bormla.
Għar-Residenza San Vinċenz, hemm ukoll 672 applikazzjonijiet pendenti.
Kif jirriżulta mit-tweġiba li l-Ministru konċernat kien ta għad-domanda parlamentari tal-Onor. Ċensu Galea, Nru. 15188 tas-16 ta' Ġunju 1998, fejn intqal 'Għalissa m'hemm l-ebda ħsieb li tinbena Dar Għall-Anzjani fil-Mellieħa, kif għedna u weġibna f'Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 92 u 9081', l-Gvern Laburista preċendenti ma kienx qed jipproġetta li jiżviluppa ebda Dar tal-Anzjani fil-Mellieha.
Il-Gvern ġdid Nazzjonalista qed jerġa' jikkonsidra il-proġett biex tinbena Dar tal-Anzjani fil-Mellieha.
Ta min jgħid li f'Għawdex għad ma għandniex dar ta' l-Anzjani pero ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex jinsabu żewġ taqsimiet ddedikati lil irġiel u lin-nisa anzjani.
Ġewwa it-taqsima tal-irġiel hemm 38 sodda li minnhom hemm 28 okkupati waqt li ġewwa it-taqsima tan-nisa hemm 60 sodda li huma mimlija kollha. Fil-'waiting list' hemm 7 nisa li qed jistennew biex jidhlu f'din it-taqsima.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru 1998 fid-Djar ta' l-Anzjani?
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 281.
Fil-każ tas-sittax-il impjegat li ġew trasferiti fid-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani, tnejn minnhom kienu jinvolvu mpjegati li ġew trasferiti minn jew għal Dar ta' l-Anzjani.
Nassigura lill-Onor. Membru li kwalunkwe trasferimenti li jistgħu jsiru fil-futur ikunu skond l-eżiġenzi tas-Servizz.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ terġa' tibda torganizza evening classes fuq panel beating?
Billi jidher li hemm domanda kbira, jaħseb il-Ministru li dawn it-tip ta' courses, li kienu jsiru u issa twaqqfu, għandhom jerġgħu jibdew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ hi impenjata li torganiżża dawk il-korsijiet li jolqtu l-aktar bżonnijiet li jiġu identifikati fil-qasam tax-xogħol f'Pajjiżna. Fl-istess waqt, il-mira tkun li kull persuna tilħaq livell ta' kompetenza kif mitlub fis-sengħa partikolari. Għalhekk, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tippreferi li tħajjar persuni nteressati fil-'panel beating' biex jibdew apprendistat u b'hekk jieħdu taħriġ ħafna aktar estensiv, li jwassal għal ċertifikat ta' kompetenza u li kapaċi jgħinhom jaqdu dmirhom b'mod aktar professjonali.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħrajn? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 281. Ir-raġunijiet għal dawn it-trasferimenti kienu jew talba mill-istess impjegat/a jew minħabba l-eżiġenzi tas-Servizz.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tkun tista' tidħol f'xi dar ta' l-anzjani wara li ilha madwar sentejn applikata biex tidħol fl-Isptar San Vinċenz de Paule?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, applikat biex tidħol fir-Residenza San Vincenz fis-7 t'Awissu, 1997. Skond rapport mediku, il-persuna konċernata ma tistax tiġi kkunsidrata għad-dħul fid-djar residenzjali tal-Anzjani. Kif taf l-Onor. Interpellant, hemm 'waiting list' twila għad-dħul f'San Vinċenz. Il-priorita' jew le ta' dan il-każ qed tiġi eżaminata mill-ġdid.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjonijiet li ħarġu f'Mejju jew Ġunju, 1998 għal care workers mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali? Jista' jgħid jekk min applika huwiex se jiġi kkonsidrat għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nippresumi li l-Onor. Membru qed tirreferi għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ħatra ta' 'care workers' fiċ-Ċentri ta' Taħriġ għall-Persuni b'Diżabilita' u mhux mad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Nikkonferma li dan il-proċess ta' għażla ser jitkompla. Iżda, peress li l-persuna li kienet inħatret bħala 'Chairman' tal-Bord ta' Għażla kienet sussegwentement indikat li ma xtaqitx tassumi din il-ħatra, qed jittieħdu passi sabiex jinħatar 'PSC Selection Board' ieħor.
16.ll.98
Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni, sena b'sena, dwar in-numru ta' casual social assistants li ħadmu u li qed jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Anzjani (minn meta ġew ingaġġati)? Kemm hu n-numru ta' anzjani li għamlu u qed jagħmlu użu minn dan is-servizz sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' casual social assistants li kienu u qed jaħdmu f'Għawdex, sena b'sena? Kemm hu n-numru ta' anzjani li għamlu użu minn dan is-servizz, sena b'sena, u lokal b'lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lil Ministru responsabbli.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet pendenti minn anzjani, eċċ għas-servizz tal-casual social assistants? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond jekk it-talba hijiex ġdida jew inkella żieda, sigħat, eċċ? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li ġie mnaqqas lilhom il-ħin ta' servizz li kienu jieħdu mingħand is-CSA's u x'inhuma r-raġunijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' persuna li tispiċċa bla xogħol u li wara jinstab li l-imgħallem (ta' qabel) tagħha ma ħallasx il-bolol dovuti sakemm din baqgħet taħdem minkejja li mill-paga tal-persuna tkun inqatgħet il-kontribuzzjoni relattiva?
Għaliex f'każi bħal dawn il-persuna bla xogħol tispiċċa ma tieħux il-benefiċċju tal-qgħad, minkejja li ma jkollha l-ebda tort?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali tipprovdi li persuna li tkun tnaqsitilha l-kontribuzzjoni mill-paga, minkejja li l-imgħallem ma jkunx għadu ħallas il-kontribuzzjoni dovuta lid-Dipartiment, ma titlef ebda benefiċċju kawża ta' hekk, sakemm tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjonijiet. Kontribuzzjonijiet imnaqqsa mill-paga jiġu meqjusa daqs li kieku kienu tħallsu lid-Dipartiment.
Ovvjament, id-Dipartiment aktar tard jieħu passi biex dawn il-kontribuzzjonijiet jinġabru.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk garaxx Nru. 62 fl-Imtarfa huwiex se jinħareġ mill-Awtorita' tad-Djar għall-bini jew bejgħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-garaxx numru 62 li hemm ġo Binja Buqana, Mtarfa, dan ser jinħareġ għall-bejgħ b'sejħa għall-offerti.
16.11.98