Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kaċċaturi u nassaba

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kaċċaturi u nassaba liċenzjati u fejn joqogħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li għandhom liċenzja għall-kaċċa huwa ta' 11,929 filwaqt dawk għall-insib huwa ta' 4,616. Dawn huma residenti f'dawn il-lokalitajiet: Attard Għaxaq Marsa Naxxar San Pawl il-Baħar Żabbar Nadur Balzan Gudja Marsascala Paola Sta Luċija Ħaż Żebbuġ Qala Birgu Gżira Marsaxlokk Pembroke St Venera Żejtun San Lawrenz Birkirkara Ħamrun Mdina Pieta' Siġġiewi Żurrieq Victoria Birżebbugia Iklin Mellieħa Qormi Sliema Fontana Sannat Bormla Isla Mġarr Qrendi Swieqi Għajnsielem Xagħra Dingli Kalkara Mosta Rabat Ta' Xbieb Għarb Xewkija Fgura Kirkop Mqabba Safi Tarxien Għasri Żebbuġ Floriana Lija Msida San Ġiljan Valletta Kerċem Għargħur Luqa Mtarfa San Ġwann Xgħajra Munxar

Taxxi/Tariffi/miżati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni dwar id-dekasteru tiegħi hija s-segwenti:- Ninsab infurmat mir-Reġistru Pubbliku li fis-Sezzjoni taż-Żwiġijiet, permezz ta' LN 161 ta' l-2006 kienu riveduti t-tariffi taż-żwiġijiet b'forma ċivili fejn iż-żewġ għarajjes ikunu residenti barra minn Malta. Għaldaqstant peress li jkunu meħtieġa proċeduri ulterjuri ta' verifika, b'seħħ minn Lulju 2006 qed jitħallas dritt addizzjonali ieħor ta' għaxar liri, jiġifieri; Jekk il-koppja jgħixu barra minn Malta u ċ-ċerimonja taż-Żwieġ issir fir-Reġistru taż-Żwieġ, it-tariffa minn Lm20 ġiet riveduta għal Lm30 . Jekk il-koppja jgħixu barra minn Malta u ċ-ċerimonja taż-żwieġ issir f'post ieħor li mhux fir-Reġistru taż-Żwieġ, it-tariffa minn Lm30 ġiet riveduta għal Lm40 . _____________________________________ Ninsab infurmat li mill-1 ta' Diċembru 2006, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates beda joħroġ permessi uniformi ta' residenza (Uniform Residence Permits) lill-ċittadini minn pajjiżi terzi, bi ħlas ta' Lm10 kull permess (għal perijodu ta' sena jew anqas). Dan ix-xogħol qabel kien isir mit-Taqsima tal-Pulizija ta' l-Immigrazzjoni u l-ħlas imsemmi kien diġa' jinġabar minn din it-Taqsima. Kien hemm xi każijiet fejn persuni minn ċerti pajjiżi kienu jħallsu inqas minn Lm10. Mill-1 ta' Diċembru 2006 ġie deċiż li l-ħlas għandu jkun Lm10 għal kull ċittadin li ġej minn pajjiż terz.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Każ dwar fond

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22952, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi u issa tlestewx il-proċeduri msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċeduri biex il-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jerġa jinkera issa tlestew. Fil-fatt dan ser joħroġ bis-sejħa għall-offerti sa nofs Frar.

Ġustizzja u Intern — Bordijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Facilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nies li qegħdin il-ħabs u li qegħdin hemm għaliex ma ngħatawx pleġġ? Kemm hemm nisa? Kemm minnhom huma taħt il-25 sena? Waqt li qed jistennew deċiżjoni tal-Qorti, jingħataw x'jagħmlu fil-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm mija u seba' (107) persuni li qegħdin taħt arrest preventiv. Priġunieri nisa hemm sbatax (17). Minn dawn hemm erbgħa (4) li huma taħt il-ħamsa u għoxrin sena. Il-priġunieri nisa waqt li jkunu jiskontaw sentenza jew taħt arrest jagħmlu xogħol ta' tindif, tisjir, jipproduċu envelopes u jagħmlu xogħol ta' knitting, ganċ u tpinġija. Jingħataw ukoll lezzjonijiet fil-franċiż, taljan, ingliż, filosofija u arti.

Pulizija — Każi ta' arson

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru każi ta' arson is-sena l-oħra u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija kellha 123 ir-rapport ta' każi ta' ħruq mhux aċċidentali, f'dawn il-lokalitajiet: B'Kara Ħamrun M'Xlokk Pembroke St Luċija Żejtun B'Bugia Iklin Mdina Qormi St Venera Żurrieq Bormla Kalkara Mellieħa Qrendi Siġġiewi Kerċem Fgura Kirkop Mosta Rabat Sliema Nadur Għargħur Luqa Msida San Ġiljan Valletta Qala Għaxaq Marsa Naxxar San Ġwann Żabbar Xagħra Gżira M'Scala Paola San Pawl il-Baħar Ħaż Żebbuġ Żebbuġ

Postijiet tad-Divertiment — Tfal taħt l-Eta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm itellgħu persuni akkużati li daħħlu tfal taħt l-eta' ġo postijiet tad-divertiment is-sena l-oħra u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 20 persuna responsabbli minn postijiet ta' divertiment, uħud minnhom aktar minn darba, wara li kienu nstabu 56 persuna taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment. Fil-każi deċiżi s'issa, dawk misjuba ħatja, ingħataw multa.

Tfal li tressqu quddiem il-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal li tressqu l-qorti s-sena li għaddiet u għaliex? X'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-2006, quddiem il-Qorti tal-Minorenni (Malta) kien hemm 92 każ dwar ir-reati hawn taħt imsemmija. Hemm persuni li tressqu iktar minn darba matul is-sena. Dagħa u kliem oxxen fil-pubbliku4 Ferita ta’ natura gravi3 Ferita ta’ natura ħafifa9 Ħruq (Arson)2 Ħsara volontarja3 Inġurji / Insulti8 Ksur ta’ bon ordni12 Ksur ta’ diċenza pubblika2 Tlajjar għal prostituzzjoni7 Pussess ta’ droga2 Serq12 Sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja20 Stupru1 Tipjip f’post ipprojbit7 Total92 L-informazzjoni dwar Għawdex hija s-segwenti:- Sewqan bla liċenzja1 Kaċċa bla liċenzja1 Ksur ta’ bon ordni4 Serq1 Użu minn apparat tat-telekomunikazzjoni għal għan mhux dak li huwa provdut għalih1

Qrati — Bejgħ ta' alkoħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-qorti akkużati li biegħu alkoħol lit-tfal taħt is-16-il sena u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-sena 2006, ninsab infurmat illi t-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.20475 għadha tgħodd.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fir-rank ta' spettur fil-Korp tal-Pulizija? Meta hemm il-ħsieb li jsir l-eżami biex dawn jimtlew? Jista' jgħid kemm spiċċaw spetturi mill-korp matul is-sena li għaddiet u x'kienet ir-raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-futur ser tkun ippublikata sejħa għall-applikazzjonijiet għar-reklutaġġ ta' Spetturi fil-Korp tal-Pulizija. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra ma kienx hemm Spetturi li spiċċaw mill-Korp.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fil-preżent? Kemm minnhom qed iservu sentenza? Kemm minn dawn huma taħt-il 25 sena? Kemm minn dawk issentenzjati qegħdin fit-taqsima taż-żgħażagħ tal-ħabs? Dawn ta' l-aħħar jista' jgħid x'xogħol jingħataw jagħmlu? Għandhom faċilita' li jistudjaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fl-4 ta' Frar 2007 kienet ta' tlett mija u tnejn u tmenin (382), li minnhom, mitejn u ħamsa u sebgħin (275), qed jiskontaw sentenza. In-numru ta' dawk taħt il-25 sena hu ta' tnejn u għoxrin (22), li minnhom, sittax (16) qed jiskontaw sentenza u sitta (6) qegħdin taħt arrest preventiv. Dawk li huma taħt il-ħamsa u għoxrin sena irrispettivament humiex sentenzjati jew arrestati jinżammu fit-taqsima taż-żagħżagħ. Fis-sezzjoni taż-żgħażagħ il-priġunieri jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni fil-bini tal-blokka tagħhom kemm internament u ukoll fuq barra. Jieħdu ukoll ħsieb l-indafa tas-sezzjoni kollha. Kultant jingħataw ukoll xi xogħol li jinġieb mill-fabbrika tal-Playmobile. F'din is-sezzjoni jingħata tagħlim fil-malti, ingliż, computer u artiġjanat. Isiru ukoll laqgħqat bejn il-priġunieri fejn jiġu mgħallma lifeskills.

Espert tal-Qorti

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23435, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi kwalifiki għandu l-espert tal-qorti li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Kemm jitħallas dan l-espert fis-siegħa?

Response (BORG, TONIO)

Kif għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23435, huwa l-Maġistrat Inkwerenti jew il-Qorti li tagħżel persuna biex isservi bħala 'espert tal-Qorti'. Huwa l-istess Maġistrat li jkun sodisfatt mill-kwalifiki u esperjenza tal-persuni magħżula biex tippresta s-servizzi tagħha ta' espert fil-materja li l-Maġistrat Inkwerenti jew il-Qorti jkollha bżonn. L-espert li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ma jitħallasx fis-siegħa. Bħal kull espert ieħor ir-Reġistratur jiddiskuti miegħu s-servizzi li huwa jkun ppresta, jittieħdu ċ-ċirkostanzi kollha relatati mal-ħatra, eg meta, fejn, il-ħin, kemm dam l-inkarigu u l-urġenza tax-xogħol, u wara ssir it-tassazzjoni 'arbitro boni viri'.

Stabbilimenti ta' l-ikel — Ħruġ ta' imwejjed barra

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'policy u/jew proċedura teżisti biex operatur jew sid ta' stabbiliment ta' l-ikel u x-xorb ikun jista' joħroġ imwejjed barra fuq bankina jew fi triq? Min hu responsabbli għall-ħruġ tal-permessi u lil min jitħallsu d-drittijiet? Hu minnu li qed issir distinzjoni bejn bankini li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dipartiment ta' l-art u dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' l-awtorita' dwar it-trasport?

Response (BORG, TONIO)

Il-proċedura sabiex jingħata permess sabiex jitpoġġew imwejjed u siġġijiet fuq bankina jew fi triq hija li wieħed jissottometti applikazzjoni għand l-Awtorita' tat-Turiżmu fuq formola apposta li kienet ġiet ippreparata mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Din il-formola tista' tinġieb mingħand l-istess Awtorita' jew inkella minn fuq il- website tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern f'http: www.gpd.gov.mt taħt is-sezzjoni ' services '. L-istess formola tagħti spjegazzjoni dwar liema dokumenti huma meħtieġa li jiġu sottomessi kif ukoll dwar il-proċedura meħtieġa. Dettalji oħra jinstabu wkoll fil- website tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Ta' min wieħed iżid li wara li l-Awtorita' tat-Turiżmu tagħmel il-kunsiderazzjonijiet meħtieġa mill-lat ta' regolatur tal-liċenzji ta' l-operaturi, din tirreferi l-każ lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern li tikkunsidra l-applikazzjoni mill-lat ta' sid il-proprjeta'. Dan għaliex ġeneralment il-bankina tkun proprjeta' tal-Gvern. Il-permess għall-okkupazzjoni ta' bankini li jkunu proprjeta' tal-Gvern jingħataw mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern u l-Awtorita' dwar it-Trasport m'għandha x'taqsam xejn ma' dawn il-permessi. Il-ħlas dovut isir lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Minn naħa l-oħra it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha x'taqsam xejn ma' bankini li ma jkunux tal-Gvern.

Marsa — Maħżen battal

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu biex il-maħżen li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jinsab fil-Marsa u fi stat battal u ta' abbandun u ġieli qed jintuża għal skopijiet immorali, jgħaddi f'idejn dilettanti tal-Karnival biex jarmaw il-karrijiet tagħhom fih? Dan il-maħżen hu adjacent ma' maħeżen ieħor li diġa' qed jintuża għall-armar tal-karrijiet.

Response (BORG, TONIO)

Infurmat li l-maħżen li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant uffiċjalment huwa f'idejn Fondazzjoni privata.

Persuni Għawdxin — Traffikar ta' droga

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew arrestati u mressqa persuni Għawdxin f'dawn l-aħħar ħames snin in konnessjoni ma' traffikar tad-droga u jindika l-etajiet tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 15-il persuna residenti f'Għawdex li tressqu l-Qorti fuq akkużi li kienu jinkludu traffikar ta' droga. L-iżgħar fosthom kien ta' 20 sena, filwaqt li l-akbar wieħed kellu 55 sena.

Qorti ta' Għawdex — Kawżi ta' separazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu ittri u kawżi għal separazzjoni personali fil-Qorti ta' Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn, kull xahar separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher hawn taħt:- 2005 2006 Noti / Ittri - MedjazzjoniKawżiNoti / Ittri – MedjazzjoniKawżi Jannar3xejn5xejn Frar6141 Marzu5212xejn April9142 Mejju2xejn5xejn Ġunju6xejn6xejn Lulju5xejn13 Awissu4xejn31 Settembruxejnxejn3xejn Ottubru5131 Novembru513xejn Diċembru1231 Total518529

Qrati — Kawzi ċivili/sentenzi pendenti

Question

Jista' l-Viċi Ministru jgħid kemm hemm kawżi civili u sentenzi pendenti mill-Qorti tal-Appell, li ilhom għal deċizjoni minn dik l-Qorti għall-aktar minn ħames snin? Jista' wkoll jgħid x'passi ħadet il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tali kawzi jiġu deċiżi mingħajr aktar dewmien u b'hekk tiġi evitata l-probabbilta' li tali kawzi jiġu riferiti għad-deċizjonijiet fil-Qorti Ewropea għal drittijiet fundamentali tal-bniedem bi ksur tal-konvenzjoni dwar nuqqas ta' smiegħ xieraq u smiegħ fi zmien raġonevoli?

Response (BORG, TONIO)

Il-kawżi ċivili pendenti quddiem il-Qorti ta' l-Appell huma s-segwenti:- 865 quddiem l-Appelli Superjuri u 284 quddiem l-Inferjuri. Ninsab infurmat ukoll li ma hemm ebda kawża fl-Appell li ilha iktar minn ħames snin għas-sentenza.

Qrati — Impjegati tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti talli ħebbew għall-impjegati tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 9 persuni li tressqu l-Qorti mill-Pulizija fuq akkużi ta' ħebb fuq impjegati tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.

Pulizija — Rapporti ta' serq

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru serqiet u/jew hold-ups is-sena l-oħra u kemm ġew solvuti?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 17124, 18971, 18973, 18975, 19492, 20089, 20644, 20646, 22412, 22415, 23463 u 23465.

Pulizija — Rapporti ta serq ta' mobile phones

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm insterqu mobile phones is-sena l-oħra u kemm ġew ritornati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija li nsterqu 1,942 mobile phones. Infurmat ukoll illi l-informazzjoni dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija mhux disponibbli.