Legislature:
Category:
Reset
Active:

Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol — Twinning Project

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu fil-kuntest tat-twinning project b'fondi mill-Unjoni Ewropea, bejn l-Awtorita' Maltija għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol u l-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda? Kemm ser idum għaddej dan il-proġett? Ġew evalwati dawn l-inizjattivi u jekk iva, x'kien l-eżitu ta' din l-analiżi? Kemm ibbenefikaw nies minn dawn l-inizjattivi? Kemm kien l-ammont jew is-somma ta' flus/fondi li rċevejna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Aġenzija Appoġġ — Impjegati casual

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li impjegati casual ma' l-Aġenzija Appoġġ u qabel impjegati ma' Dar il-Wens, ilhom madwar erbgħa snin b'kuntratt definit li jiġi mġedded sena b'sena? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jiġri minn dawn l-impjegati? X'opportunitajiet hemm maħsuba għalihom? B'liema kuntratt se jiġu mpjegati dawk li se jaħdmu fit-Taqsima tas-Supported Living?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li l-Aġenzija Appoġġ m'għandhiex impjegati casuals li kienu mpjegati ma' Dar il-Wens. Informat ukoll li l-impjegati li ser jaħdmu fis-Supported Living Division ser ikunu mpjegati fuq kuntratt definit ta' sena.

Fabbriki — Ħaddiema bis-sensja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37565 u ċioe' jista' jgħid kemm għalqu fabbriki mill-1998 sal-lum u kemm kienu l-ħaddiema li tilfu x-xogħol? Jista' jgħid kemm fetħu fabbriki ġodda fl-istess żmien u kemm ħadmu ħaddiema magħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Twegiba tinghata f'xi seduta ohra.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37569 u ċioe' jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jieħdu s-servizz tal-home help? Minn liema lokalita' huma u kemm ilhom jieħdu s-servizz u kemm għandhom sigħat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Twegiba tinghata f'xi seduta ohra.

Bord mediku

Question

Jista' il-Ministru jara li l-persuna li qed insemmi separatament tiġi eżaminata minn bord mediku id-dar tagħha mill aktar fis minħabba s-segwenti raġunijiet. a) Din qed tgħix bir-relief biss, għax hija separata; b) Dan inqatgħala wara li ma attendietx għall board mediku l-isptar meta fil-fatt din ma setgħetx tmur u bagħtet ċertifikat fejn talbet li l-bord jiġi jaraha d-dar imma għall xi raġuni jew oħra dan iċ-ċertifikat ma wasalx fejn kellu jasal u għalhekk nqatala ir-relief; c) Din il-persuna ma għandhiex dħul ieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet informata bil-każ tagħha.

Djar — Bini kundannat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mit-talbiet pendenti ta' familji li jgħixu f'bini kundannat ġew milqugħa? Jista' jara li jsiru l-investigazzjonijiet fuq it-talbiet pendenti ħalli jkunu evitati inċidenti fatali li kawża tax-xita li għamlet, il-bini kompla jiddeterjora?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien informat li quddiem id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar hemm approvati 182 talbiet biex jinbidlu jew jissewwew soqfa perikolużi b'bini tal-Gvern.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37535 u ċioe' jista' jgħid kemm-il persuna nqatgħet mir-Reġistru mill-1998 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Laqgħat ta' Bordijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru separatament mill-bordijiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita` tal-Ministeru matul din is-sena? X'proposti ġew rikmandati u liema ġew milquha u liema miċħuda u/jew għadhom pendenti.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sakemm ma tingħatax raġuni konvinċenti l'għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li nitlob li jinħela ħafna ħin biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onor. Interpellant fl-ewwel parti u, iżjed u iżjed fit-tieni parti tal-mistoqsija.

SVPR — Proġett tas-swali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa s'issa l-proġett tas-swali 1, 2, 3 u 4 tan-nisa u l-irġiel li qed isir f'San Vinċenz de Paule? Meta se jitlesta u kemm se jiġi jiswa? Kemm tħallas s'issa l-kuntrattur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tas-swali l/2/3/4 irġiel u nisa fir-Residenza ta' San Vinċenz s'issa sewa Lm649,198. Dan il-proġett ser jitlesta s-sena d-dieħla u ser jiġi jiswa Lm3,556,142. Il-kuntratturi s'issa tħallsu Lm649,198.

SVPR — Proġett tas-swali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi jaħdmu fuq il-proġett tas-swali 1, 2, 3 u 4 irġiel f'San Vinċenz de Paule u min huma u x'inhu x-xogħol tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-proġett tas-Swali l/2/3/4 irġiel u nisa fir-Residenza ta' San Vinċenz hemm żewġ (2) kuntratturi: 1. Schembri & Sons Ltd. - Construction and Finishing Works 2. Central Power Installations Ltd. - Mechanical and Electrical Works

SVPR

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 36544 u ċioe' jista' jgħid kemm mietu anzjani ġewwa r-residenza San Vinċenz de Paule sena b'sena mill-1990 u kemm kienet tvarja l-eta' tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Djar — Djar vojta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti statistika ta': 1) kemm għandu f'idu s-Social Housing Department djar li fil-preżent huma vojta ġewwa: Ħaż-Żabbar; iż-Żejtun; u Wied il-Għajn? 2) Jista' jgħid kemm hemm talbiet għal social housing minn dawn it-tliet lokalitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien informat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandux postijiet battala fil-lokalitajiet indikati. Applikanti minn Żabbar, Żejtun u Wied il-Għajn hemm 90, 69 u 37 rispettivament.

Ħaddiema Għawdxin — Boarded Out

Question

Kemm ġew boarded out ħaddiema Għawdxin fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002. Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-age groups tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal persuni li jirċievu l-Pensjoni għall-Invalidita' mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, ninsab informat li d-Dipartiment ma jżommx statistika skond il-lokalita' u l-etajiet ta' dawk li qed jirċievu din il-pensjoni.

Stallazzjoni ta' lift

Question

Hemm xi żviluppi dwar l-istallazzjoni ta' lift f' 55, Triq is-Suq Floriana u Block A2, Triq Joe Gasan Ħamrun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dwar il-lift f'55 Triq is-Suq, Floriana nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall Mistoqsija Parlamentari Numru 35648 f'Seduta 794. Dwar il-lift fi Blokk A2, Triq Joe Gasan, Ħamrun, ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar m'għandiex applikazzjoni għal installazzjoni ta' lift f'dan l-indirizz. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni dwar installazzjoni ta' lift fi Blokk A2, Triq id-Duluri, Pieta', ninsab informat li l-lift ġie ordnat.

SVPR — Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani fir-residenza SVPR, kemm minnhom huma irġiel, kemm nisa u x'inhi l-eta' tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule hemm l,010 resident, li minnhom 335 huma rġiel u 675 huma nisa. L-etajiet ivarjaw bejn l-20 u l-103 snin.

Żieda fin-numru ta' karozzi — Mill-1996 l-hawn

Question

Kemm żdiedu n-numri ta' karozzi, vetturi, etc mikrija u jew ġodda mill-1996 l'hawn sena b'sena sal-lum fil-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet etc, li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.