Jikkonferma l-Ministru li wara li Malta ssir membru ta' l-UE, l-Gvern Nazzjonalista ma jdaħħalx it-TARIC fuq il-materja prima ta' l-ikel importat għall-industriji lokali, ta' l-ikel, ħelu u minerali (drinks)
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta Malta ssir membru ta' l-U.E. hija ssegwi r-regoli li jsegwu l-Istati Membri l-oħra dejjem fil-kuntest ta' dak li jkun ġie negozjat u aċċettat waqt in-negozjati ta' qabel is-sħubija.
Jista' l-Ministru jara li jiġi konkluż appell dwar il-VAT ta' sajjied, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separtament peress li ilu pendenti għal żmien twil? Jistgħu l-aħħar żviluppi jintbagħtu direttament lil din il-persuna?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-appell li għaliħ qed jirreferi tressaq quddiem il-Bord ta' l-Appelli tal-VAT fis-27 ta' Settembru 2000. Qed isir kull sforz sabiex l-appelli pendenti quddiem il-Bord jintemgħu mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid minn nefqa li se jkun qed jagħmel il-Gvern din is-sena biex iżid lill-impjegati tal-Gvern u lill-pensjonanti skond il-ftehim kollettiv 1998, kemm huwa stmat li se jiġbor il-gvern lura f'taxxa tad-dħul u f'bolla tas-sigurta' soċjali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena l-Gvern jistma li ser jiġbor Lm6 miljuni mit-taxxa tad-dħul u Lm2 miljuni f'kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali mingħand l-impjegati tal-Gvern in konnessjoni ma' l-istruttura l-ġdida ta' pagi skond il-ftehim kollettiv 1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallsu VAT: (a) barranin li ngħataw permess jaħdmu f'Malta s-sena l-oħra u kemm huwa n-numru ta' dawn il-persuni; (b) organizzaturi ta' rave parties u/jew parties oħra bħal dawk li saru lejliet l-ewwel tas-sena, is-sena l-oħra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li :
a) matul is-sena 2000, 914 persuna b'Karta ta' Identita' jew b'indirizz postali barrani reġistrati mad-Dipartiment ħallsu bejniethom Lm662,894.86 f'taxxa tal-VAT.
b) matul l-istess sena, 570 persuna reġistrati mad-Dipartiment taħt in NACE Code 9234 - Other Entertainment ħallsu bejniethom Lm206,800.61 f'taxxa tal-VAT.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mis-sejħa ta' l-offerti għall-provvista' ta' makni tal-biljetti elettroniċi għall-karozzi tal-linja, ġewx esklużi mill-ewwel xi kumpaniji / individwi għax ġew black listed fid-dawl tar-rapport li kien għamel Dr Edgar Mizzi fuq x'ġara meta saret l-ewwel sejħa għall-offerti tal-biljetti elettroniċi xi snin ilu? Liema kumpaniji ġew esklużi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-ditta Wayfarer Transit Systems Ltd ta' l-Ingilterra u d-ditta Maltech Ltd ta' Malta kif ukoll id-Diretturi jew persuni li jiġu mid-Diretturi tagħhom ġew iddikjarati mhux eliġibbli li jitfgħu offerta la direttament u l-anqas indirettament għal kuntratt imsemmi. Pero' niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Membru li din id-deċiżjoni ittieħdet fid-dawl tal-konklużjoni ta' l-inkjesta magħmula mill-Imħallef Caruana Colombo u mhux b'riżultat tar-rapport ta' Dr. Edgar Mizzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ikkummisjonati rapporti mad-dekasteru tiegħu marbuta mas-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea minn Ottubru 1998 sallum?
Jista' jgħid wkoll fuq liema suġġett kienu, min għamel dan ir-rapport u kemm tħallas ta' dan ir-rapport?
Jista' ġentilment ipoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija parti min-negozjati ta' l-U.E. u għalhekk mhinix f'pożizzjoni li ngħaddi l-ebda dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jiksru l-liġi tal-VAT is-sena l-oħra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2000 kien hemm 1,664 każ li ġew referuti sabiex tittieħed azzjoni bil-Qorti dwar abbużi taħt l-Att tal-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jkollu jonfoq iżjed għall-pagi u spejjeż oħra ammnistrattivi meta mill-bidu tas-sena 2002 l-pixxina nazzjonali tibda titmexxa minn kumpannija flok tibqa' taħdem b'impjegati sekondati magħha minn dipartimenti differenti tal-gvern?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isiru diskussjonijiet bejn dawk kollha kkonċernati fis-suġġett, rigward it-tmexxija futura tal-pixxina nazzjonali u l-kumpless kollu sportiv ta' l-Universita'.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 22914 dwar pensjonanti, qed nirreferi għal pensjoni tan-national insurance tal-ħaddiema tal-Gvern li fl-aħħar li ġiet riveduta kien għall-perjodu 1991-1998. Jista' issa l-Ministru jagħti tweġiba?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk xi ħadd single li bena l-ewwel dar għalih, fejn jgħix, hux intitolat li jieħu refund tal-VAT
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Avviż Legali 51 ta’ l-1999 li jirregola l-Iskema S ta’ l-Awtorita tad-Djar Dwar Ħlas Lura ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud Imħallsa fuq l-Ewwel Dar ta’ Abitazzjoni, l-iskema msemmija tapplika biss għall-koppji għarajjes, koppji miżżewġa, ġenitur wieħed, ġenitur wieħed li hu legalment separat u li għandu/għandha t-tfal igħixu miegħu/magħha u romol li għandhom it-tfal igħixu magħhom. Għaldaqstant l-iskema ma tapplikax għall-persuna li tgħix waħedha.
Ma jaħsibx il-Ministru li hija konferma tal-mod kif il-poplu huwa ntaxxat iżżejjed li l-Gvern ser jenħtieġlu li jkollu żieda ta' Lm 56.5 miljuni fit-tax revenue tiegħu biex inaqqas id-deficit strutturali b'Lm6 miljun biss?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond paġna 3 tal-Financial Estimates 2001, id-deficit strutturali ser jonqos bi Lm12-il miljun bejn s-sena 2000 u din is-sena. Dan meta hemm żieda ta' Lm25 miljun f'salarji etċ. ta' l-impjegati tal-Gvern bis-saħħa tal-Ftehim Kollettiv u żieda ta' Lm15-il miljun f'pensjonijiet u benefiċċji soċjali. Dawn huma kollha fondi ġodda li jispiċċaw fil-bwiet tal-poplu.
Għalhekk, ma naqbilx ma l-argument li qed jipprova jġib l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid id-dipartiment tat-taxxi interni kemm qed jistenna li jiġbor income tax miż-żieda fil-pagi tal-ħaddiema tal-gvern li kien hemm fil-ftehim kollettiv, dan meta t-tax bands baqgħu iffriżati?
Kemm mistenni jdaħħal taxxa l-gvern mill-
fringe benefits tax?
Kemm mistenni jdaħħal taxxa l-gvern b'riżultat tat-taxxa ta' 15% fuq il-collective investment schemes?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li setgħet tingħata, ngħatat fid-diskors tal-budget.
Jista' l-Ministru jgħid fl-1999, fl-2000 u fl-2001 x'kienet u x'mistennija tkun it-tax intake u l-ispiża tal-gvern bħala persentaġġ rispettiv tal-GDP tal-pajjiż?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul mit-taxxi u l-ispiża tal-Gvern bħala perċentaġġ tal-G.D.P. tal-pajjiż huma kkalkulati kif ġej:
1999
2000
2001 (stima)
G.D.P.
Lm1,447m
Lm1,550m
Lm1,660m
Dħul mit-taxxi
Lm481m
Lm543.5m
Lm599.7m
Perċentaġġ
33.24%
35.06%
36.13%
Tajjeb li wieħed jinnota li, fil-maġġoranza tagħha, ż-żieda fid-dħul minn sena għall-oħra hi dovuta mill-infurzar tal-liġijiet li permezz tagħhom jinġabru t-taxxi.
Spiża Kurrenti u Kapitali
Lm676.3m
Lm705.8m
Lm749.4m
Perċentaġġ
46.74%
45.53%
45.14%
Peress li n-news release tal-COS dwar finanzi pubbliċi turi li d-dejn tal-Gvern żdied b'Lm73.3 miljun sa tmien Novembru 2000, għalfejn il-ministeru tal-finanzi fl-aħħar estimi finanzjarji ppreżenta data li turi li ma kien hemm ebda żieda fid-dejn lokali tal-gvern - financial estimates 2001 paġni 3, 7, 8,15?
Billi l-Gvern kellu bżonn jissellef Lm 61 miljun biex jiffinanzja l-cash deficit tiegħu matul is-sena għaliex jissellef Lm 73.3 miljun? X'kienu jirrappreżentaw it-Lm 12.3 miljun extra? Jikkonferma li matul is-sena 1999, il-Gvern għamel over financing tal-cash deficit tiegħu b'aktar minn LM 45 miljun? Jikkonferma li skond l-aħħar estimi finanzjarji, il-Gvern ser jgħamel over-financing tal-ħtiġijiet fiskali uffiċjali tiegħu b'Lm77 miljun fis-sena li qegħdin fiha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-paġni ndikati fil-mistoqsija jikkonċernaw il-Fond Konsolidat u d-Dħul tal-Gvern.
L-informazzjoni fil-Financial Estimates 2001 fuq id-dejn pubbliku hi mgħotija f'Appendix C paġna 363 ta' l-istess pubblikazzjoni fejn hu indikat il-bilanċ stmat fl-aħħar tas-snin 2000 u 2001.
Il-cash flow tal-Gvern tkopri kemm il-Fond Konsolidat kif ukoll it-Treasury Clearance Fund. Billi fis-sena 2000 ma kienx hemm dħul minn privatizzazzjoni ġdida, sar finanzjament permezz ta' self temporanju u għal żmien qasir ta' Treasury Bills.
Fis-sena li qegħdin fiha, aktar ma jirrendi d-dħul mill-privatizzazzjoni, anqas ikun il-bżonn li jsir rikors għal self. Fil-fatt, il-mitt mijlun self ġdid fit-tul u l-Lm120miljun Treasury Bills, minbarra li jkopru l-iżbilanċ tas-sena 2000, huma marbuta ma' stima konservattiva ta' Lm40 miljun dħul mill-privatizzazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħaddiema li fl-1987 kienu mal-kumpanija sussidjarja ta' l-Airmalta - Air Supplies u li ġew trasferiti mal-Gvern u li fir-reviżjoni tas-salarji li saret skond il-collective agreement ta' l-1998 ma ħadux iż-żidiet u spiċċaw jitħallsu anqas minn ħaddiema fl-istess katergorija fi skali 18 jew 17?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment konċernat se joħroġ l-Lm20 mill-fondi li vvota l-gvern meta seħħ s-sussidju minn fuq il-ħobż għat-tnejn mit-tliet residenti li joqogħdu fi Flat 8, Block C, Triq Bertha K, ILG, San Ġiljan u li minkejja li għadda dan iż-żmien kollu baqgħu ma tħallsux?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jissupplixxi l-ismijiet u n-numri tal-Karta ta' l-Identita' tal-persuni li għalihom qed jirreferi fil-mistoqsija parlamentari biex id-Dipartiment jkun f'pożizzjoni biex jivverifika l-ilment imressaq.