Jista il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37504?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni n-numru ta' karozzi naqas minn 18 fl-1996 għal 13 fl-2002, fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni minn 106 vettura għal 80, u fid-Dipartiment tal-Kultura minn 8 għal 6 vetturi fuq l-istess perjodu.
Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet xtara karozza waħda ġdida fl-2000, id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji xtara karozza waħda fl-1999, filwaqt li fl-Universita` ta' Malta inxtraw 2 vetturi fl-1996, vettura waħda fl-1997 u 2 vetturi fl-2001.
Il-Kavallier ta' San Ġakbu li beda jopera fl-2000, għandu karozza waħda biss mikrija għandu. Fl-MCAST, mill-2001 sal-lum inxtraw 4 karozzi ġodda (fl-2001) u għandu 2 karozzi mikrija. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi għandha karozza waħda mikrija taħt il-kuntratt tal-Ministeru. Filwaqt li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada kriet b'kollox 4 karozzi minn meta ġiet imwaqqfa. Tlieta minn dawn għadhom jintużaw.
Informat ukoll li mill-1996 'l hawn fl-FIS, fil-PBS u fl-MCC ma żdiedet ebda karozza.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 37682?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet ta' tiswija fuq torrijiet, bħat-Torri tal-Lippija, isiru mit-Taqsima tar-Restawr fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Għaldaqstant, il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Jista' issa il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija numru 37681?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bit-tagħrif mitlub fl-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li l-persuna indikata mhux qed tibgħat għall-impjegati tal-Gvern biex jgħidilhom isiru impjegati taċ-Ċentru. L-impjegati tal-Gvern ikunu jistgħu jiġu assunti miċ-Ċentru kif jipprovdi l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali ta' l-2002 (Kap 445).
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37672?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħaddiema tat-Technical Services Section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għamlu l-manutenzjoni meħtieġa sabiex is-servizz tad-dawl jiġi regolarizzat.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Servizz lill-priġunieri
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizz/għajnuna qed jagħti d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni lill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Jista' jgħid:- 1) Kemm hu n-numru ta' għalliema (irġiel/nisa) u kemm jagħtu servizz; u
2) x'materjal ieħor jingħata, per eżempju, ta' library facility/other?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-servizz edukattiv ġewwa l-Faċilita` Korrettiva ta' Kordin hi responsabilita` tal-Ministeru ta' l-Intern u Ambjent u għaldaqstant il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li minħabba li wasluli xi ilmenti li fil-Kulleġġ, li ismu qed jintbagħat separatament, ilhom ma jkollhom lezzjonijiet ta' l-Istorja ta' Malta fit-Tielet u fir-Raba' klassi tas-sekondarja għal aktar minn xahrejn, għaliex m'hemmx għalliem/a għal dan is-suġġett? Jaf il-Ministru li l-ġenituri qatt ma ngħataw raġuni għal dan in-nuqqas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-vakanza f'din l-iskola privata inqalgħet meta għalliema mardet u rriżenjat. Il-Kulleġġ ħareġ numru ta' sejħiet għal għalliem/a iżda l-applikanti jew ma kinux kwalifikati jew inkella irtiraw meta saru jafu li l-vakanza kienet għal għalliem/a part-time. Kien minħabba f'hekk li l-istudenti baqgħu mingħajr lezzjonijiet ta' l-Istorja ta' Malta għal sitt ġimgħat. Sadattant, l-istudenti u l-ġenituri kienu mgħarrfin bir-raġuni għan-nuqqas ta' lezzjonijiet f'dan is-suġġett.
Il-problema issa ġiet solvuta u l-istudenti għandhom lezzjonijiet regolari fl-istorja ta' Malta mis-6 ta' Jannar 2003.
Jikkonferma l-Ministru li kien hemm ilmenti mill-Kumitat Olimpiku Malti dwar nuqqasijiet fil-Pixxina Nazzjonali li qed ifixkel it-taħriġ ta' għawwiema li qed jippreparaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar? X'kienu l-ilmenti tal-KOM? Għaliex il-kumitat li jmexxi l-Pixxina mhux qed isaħħan kif suppost iż-żewġ vaski b'mod adegwat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda lmenti mill-Kumitat Olimpiku Malti dwar xi nuqqasijiet fil-Pixxina Nazzjonali li qegħdin ifixklu t-taħriġ ta' għawwiema li qed jippreparaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda nirreferi lill-Onor. Membru għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37224. Sadanittant li matul il-perjodu li l-Pixxina kienet magħluqa fi żmien il-Milied twaħħal heat exchanger ġdid u reġgħu bdew jissaħħnu ż-żewġ vaski.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-għotja li l-Gvern ta għat-tmexxija tal-Pixxina Nazzjonali f'din is-sena finanzjarja? Jista' jagħti dettalji kif intnefqet fuq salarji, manutenzjoni, eċċ.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għotja li ta l-Gvern lill-Pixxina Nazzjonali matul l-2002 kienet ta' Lm80,000. Il-Gvern alloka wkoll Lm27,000 fil-bidu tas-sena mill-fondi li baqgħu ma ntefqux mill-Vot tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport matul l-2001. Din l-għotja kienet immirata biex jitħallsu xi kontijiet li xi wħud minnhom kienu ilhom pendenti mill-1997.
Informat li m'huwiex possibbli li jiġi identifikat xi tħallas minn dawn il-flus peress li l-għotjiet li jgħaddi l-Gvern lill-Pixxina jiġu amalgamati ma' flus oħra li tiġġenera l-Pixxina stess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul f'din is-sena finanzjarja tal-Pixxina Nazzjonali? Kemm kien minn kirjiet ta' uffiċini, minn timijiet Maltin tal-waterpolo, minn timijiet/gruppi barranin u kemm dħul minn ħlasijiet tad-dħul?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dħul finanzjarju tal-Pixxina Nazzjonali matul l-2002 kien jammonta għal Lm165,018. Dan id-dħul jinkludi:
Lm11,564 minn kirjiet ta' uffiċini
Lm21,860 minn timijiet tal-waterpolo u l-A.S.A.
Lm19,611 minn timijiet / gruppi barranin
Lm30,299 minn ħlasijiet tad-dħul.
Din l-informazzjoni hija waħda proviżorja minħabba li għad trid issir il-verifika minn ditta privata u indipendenti. Ir-rapport mistenni jitlesta sa Marzu 2003.
Jista' l-Ministru jgħid fil-Pixxina Nazzjonali kemm kien id-dħul f'din is-sena finanzjarja minn kirjiet għall-faċilitajiet ta' catering u avviżi fil-Pixxina?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-dħul minn kirjiet għall-faċilitajiet ta' catering u avviżi fil-Pixxina matul l-2002 kien Lm6650 u Lm3450 rispettivament.
Din l-informazzjoni hija waħda proviżorja minħabba li għad trid issir il-verifika minn ditta privata u indipendenti. Ir-rapport mistenni jitlesta sa Marzu 2003.