B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1529 u t-tweġiba mogħtija mill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin fis-seduta 34, billi l-poplu Malti qed jagħmel investiment finanzjarju biex iżomm l-Ambaxxaturi u l-Ambaxxati Maltin, naħseb li l-poplu Malti għandu d-dritt ikun jaf x'xogħol sar mill-kapijiet ta' l-Ambaxxati Maltin u x'ħareġ b'mod konkret minn dawn il-laqgħat matul dawn l-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jipprovdi t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 1529?
Response (BORG, JOE)
Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1529.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti sabiex tintbagħat delegazzjoni fl-Air Base Taljana ta' Lecce Galantina sabiex tattendi preżentazzjoni ta' armamenti u equipment systems ġodda?
Response (BORG, JOE)
L-istedina lill-Gvern Malti sabiex tintbagħat delegazzjoni fl-AirBase Taljana ta' Lecce Galantina ma' setgħatx tiġi milqugħa minħabba impenji oħra.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-tweġiba ta' l-Ambaxxatur Licari tat-18/09/03 lill-World Heritage Age Centre dwar il-kwestjoni ta' l-interim landfills qrib it-tempji ta' l-Imnajdra?
Response (BORG, JOE)
M'hijiex il-prassi tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin li jpoġġi l-korrispondenza tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti anke minħabba f'raġunijiet ta' sensitivita' politika għall-pajjiż fil-qasam tar-relazzjonijiet barranin. Madanakollu, jien lest li fuq bażi personali ngħaddi kopja ta' l-ittra li l-Ambaxxatur Licari kiteb lill-World Heritage Centre tal-UNESCO f'Settembru li għadda, lill-Onorevoli Membru. Nixtieq inżid li f'din l-ittra l-Ambaxxatur Licari informa lid-Direttur tal-World Heritage Centre tal-UNESCO li l-Gvern ta' Malta kien ħareġ għall-konsultazzjoni u kummenti Project Description Statement dwar ir-restawrar tal-barrieri billi jimtlew bi skart 'inert' non-tossiku. Dan sar bħala l-ewwel pass qabel il-proġett jitpoġġa quddiem il-MEPA għall-approvazzjoni. Il-MEPA għandha l-obbligu bil-liġi li tagħmel studju fuq l-impatt ambjentali tal-proġett (Environment Impact Assessment), li fil-fatt qiegħed isir bħalissa. Meta jitlesta dan l-istudju jiġi ippublikat u tingħata kopja lill-istess Direttur.
Fondi ta' għajnuna għall-ħsarat kawżati mill-maltemp
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa biex jinġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea biex jgħinu lill-vittmi ta' l-għargħar li kellna dan l-aħħar? Kemm intalbu fondi? Għal liema tip ta' ħsarat?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 1561 fis-seduta Parlamentari tad-29 ta' Settembru 2003. Għalissa ma għandi xejn x'inżid ma' l-informazzjoni mogħtija f'dik it-tweġiba.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema proġetti se jintnefqu l-fondi, każ b'każ, li se toħroġ l-Unjoni Ewropea lil Malta fit-tliet snin li ġejjin? Għal kull proġett, x'parti se toħroġ l-Unjoni Ewropea u x'parti se toħroġ Malta?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-programmi kollha ta' l-Unjoni Ewropea li bħalissa pajjiżna qed jieħu sehem fihom? Kemm qed toħroġ fondi l-Unjoni Ewropea għal kull programm u kemm qed toħroġ Malta? Fiex jikkonsistu dawn il-programmi differenti?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ditti, kumpanniji kummerċjali, azjandi, aġenziji tal-gvern u/jew istituzzjonijiet pubbliċi li wrew lill-gvern Malti li xtaqu b'xi mod jipparteċipaw f'xi pjani ta' rikostruzzjoni ta' l-Iraq?
Response (BORG, JOE)
Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr informa lill-Ministeru tiegħi illi kien ressaq proposta lill-UNESCO sabiex ikun involut fil-pjanijiet ta' rikostruzzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tar-restawr tal-wirt kulturali, ta' l-Iraq. Sa dan it-tant, tagħrif miksub mill-Ambaxxata Maltija fi Spanja dwar Konferenza Internazjonali li se tittratta l-irwol tas-Settur Privat fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq, li se ssir f'Madrid fit-23 ta' dan ix-xahar, intbagħat għall-attenzjoni tal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp u tal-METCO.
Jista' il-Ministru jgħid meta mistenni jiġi ffirmat l-EEA Enlargement agreement? Huwa minnu li fin-negozjati dwar l-EEA li saru aktar kmieni din is-sena, Malta diversi drabi wriet in-nuqqas ta' qbil tagħha dwar il-mod kif kien se jiġi mplimentat l-hekk imsejjaħ distribution key fl-EEA Enlargement agreement? X'kienu r-raġunijiet għal dan?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Trattat tal-EEA ġie ffirmat minni fil-Lussemburgu fit-13 t'Ottubru 2003.
Huwa minnu li Malta esprimiet ir-riservi tagħha fuq l-implimentazzjoni ta' l-hekk imsejjaħ distribution key fil-ftehim. Il-Kummissjoni Ewropea ibbażat id-distribution key fuq id-daqs tal-popolazzjoni u l-prodott Gross Domestiku ras għal ras. B'dan il-mod, pajjiżna, bħala wieħed mill-aktar sinjuri fost il-pajjiżi li ser jidħlu fl-Unjoni s-sena d-dieħla, ma jiġix affettwat daqstant tajjeb fit-tqassim tal-fondi provenjenti minn dan il-ftehim.
Malta, flimkien ma' l-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja, liema pajjiżi wkoll ħadu l-istess pożizzjoni ta' Malta, spiċċat biex aċċettat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea wara li ntlaħaq qbil li fid-dokument tiġi inkluża dikjarazzjoni li tgħid li hija l-fehma ta' dawn il-pajjiżi illi d-distribution key użata ma tifformax preċedenti u m'għandiex tkun ta' preġudizzju għal kwalunkwe proposta magħmula fil-futur dwar id-distribution key li għandha tintuża fir-rigward tal-iStructural and Cohesion Instruments.
L-erba pajjiżi aċċettaw it-Trattat ta' EEA b'din id-dikjarazzjoni li tinsab f'Artiklu 5 tal-Protokol 38 A fl-EEA Financial Mechanisms.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-gvern Malti għall-attakk Iżraelit li sar fuq territorju Sirjan kif ukoll għal-lobby li dejjem qed jikber fl-Istati Uniti biex jiġu imposti sanzjonijiet ekonomiċi fuq is-Sirja?
Response (BORG, JOE)
Attakki bla rażan u l-qtil spjetat ta' bnedmin, b'mod speċjali kif sfortunatament għadhom iseħħu b'mod regolari fil-Lvant Nofshani, dejjem ġibdu l-kundanna mingħajr kwalifika tal-Gvern Malti. Mif jaf tajjeb l-Onorevoli interpellant, esponenti ewlenin tal-Gvern dan jistqarruh pubblikament kemm verbalment kif ukoll bil-miktub. Żgur li politika ta' botta u risposta, kif ġara f'Haifa u viċin Damasku dan l-aħħar, ma tgħinx sabiex jitkompla d-djalogu għat-twettiq tal-pjan ta' paċi bejn il-partijiet kollha konċernati.
Nikkonferma li, fid-dawl tal-fatti li jaf sallum, il-Gvern Malti mhux qed jikkunsidra li jissieħeb ma xi 'lobby' sabiex jittieħdu sanzjonijiet ekonomiċi kontra xi pajjiż jew pajjiżi fir-reġjun.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm milli jinħatar ambaxxatur Malti fi Brussell?
Response (BORG, JOE)
Il-Proċeduri amministrattivi dwar in-nomina ta' Rappreżentant Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell qegħdin mexjin. Fil-frattemp, ix-xogħol ta' Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell ġie assenjat temporanjament lis-Sur Tarcision Zammit li ġie nominat bħala Ambaxxatur ta' Malta għall-Belġju.
Fondi ta' għajnuna għall-ħsarat kawżati mill-maltemp
Question
Il-fatt li ninsabu mingħajr ambaxxatur fi Brussell, jista' il-Ministru jgħid x'effetti ħalla fuq it-talbiet għall-fondi biex jgħinu lil min ġarrab ħsarat fl-għargħar ta' nofs Settembru 2003?
Response (BORG, JOE)
Sakemm jinħatar Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell, is-Sur Tarcisio Zammit qiegħed jagħmel ix-xogħol bħala Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell fuq bażi temporanja u għalhekk ix-xogħol kollu relatat ma' din il-kariga qiegħed isir minnu flimkien ma' l-uffiċċjali pubbliċi fil-Missjoni Permanenti Maltija hemmhekk. Meta jiġi deċiż li tintefa' l-applikazzjoni għall-kumpens għad-danni kawżati mill-għargħar tal-15 ta' Settembru 2003, ma għandix dubju illi l-uffiċċjali Maltin fi Brussell se jmexxuha skond kif ikun hemm bżonn.
Studji — Rapporti - Malta - EU - Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin
Question
Jista' il-Ministru jgħid matul l-2000, l-2001 u l-2002 u l-2003 kemm ġew ikkontrattati rapporti u studji fuq aspetti legali, aspetti ekonomiċi u fiskali u oħrajn, dwar id-dħul ta' Malta fl-UE? Jista' il-Ministru jgħid min huma n-nies li ġew maħtura sabiex iħejju tali rapporti u studji u jagħti dettalji dwar dawn in-nies?
Response (BORG, JOE)
Għas-sena 2000 u l-ewwel parti tas-sena 2001 nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt matul il-leġiżlatura l-oħra għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23478 waqt li għall-kumplament tal-2001, għas-sena 2002 u s-sena kurrenti il-Ministeru tiegħi ma kkummissjonax rapporti jew studji fuq aspetti legali, ekonomiċi, fiskali jew oħrajn dwar id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea biex isiru minn individwi jew ditti privati.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' l-advisor tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-CV tiegħu kif ukoll jagħti dettalji dwar xogħlu fil-ministeru ?
Response (BORG, JOE)
Il-persuna li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament għandha l-inkarigu li:
(a) Tagħti pariri lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar il-formulazzjoni ta' sistema ta' distribuzzjoni t'informazzjoni permezz ta' l-ambaxxati Maltin.
(b) Tagħti pariri lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin dwar il-formulazzjoni ta' information security policy u sabiex timplementa programmi ta' sigurta' fejn ix-xogħol tad-diplomazija Maltija u l-promozzjoni ta' l-interessi ta' Malta fid-dinja jistgħu isiru f'ambjent ta' sigurta'.
(c) Tiżviluppa, tispezzjona u tagħti pariri dwar faċilitajiet u proċeduri u kontrolli biex titħares informazzjoni klassifikata (flimkien ma l-infurzar ta' dawn il-proċeduri) kif tapplika għal Malta madwar id-dinja.
(d) Twaqqaf proċeduri ta' spezzjonar u żżomm għaddej taħriġ għall-impjegati li għandhom x'jaqsmu ma' informazzjoni konfidenzjali.
(e) Tagħti pariri u timplimenta l-provvedimenti tal-Common Consular Manual fil-kuntest ta' Operazzjonijiet marbuta mal-Kontrolli fil-Fruntieri.
(f) Tirrappreżenta d-Direttorat għall-Affarijiet Konsolari, Protokallari u ta' l-Informazzjoni fejn hemm imdaħħla protezzjoni ta' data.
(g) Tagħti u tiżviluppa sistema ta' mmaniġġjar ta' records fid-Direttorat għall-Affarijiet Konsolari, Protokollari u ta' l-Informazzjoni fejn jirrigwarda l-missjonijiet diplomatiċi akkreditati għal Malta u l-privileġġi konnessi ma dawn.
Ma nħossx li għandi nagħti dettalji personali tal-persuna konċernata b'mod partikolari in vista tal-fatt li l-isem ta' din il-persuna ġie mgħoddi lili separatament mill-Onorevoli Interpellant. Lest, pero, li ngħaddi kopja tas-CV tal-persuna konċernata lill-Onorevoli Interpellant personalment
Il-persuna li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaliha qed tagħmel xogħol siewi skond it-termini elenkati aktar' il fuq.
Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk huwiex minnu li saret rappreżentanza minn ambaxxatur barrani residenti f'Malta u li anke ġie ppreżentat dokument dwar l-operat/attitudni ta' wieħed mid-diplomatiċi Maltin residenti f'Tuneż? Jekk il-Ministru jikkonferma dan, jista' jgħid x'passi ttieħdu u x'kien il-każ?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat illi, xi xhur ilu, kien sar ilment verbali minn wieħed mill-Ambaxxaturi barranin residenti f'Malta dwar inċident li kien seħħ barra minn Malta fejn diplomatiku Malti kien qal xi diskors li kien urta lil uffiċċjal għoli tal-pajjiż konċernat, waqt li dawn it-tnejn kienu qed isuqu l-karozzi rispettivi tagħhom fit-toroq tal-belt kapitali. Intenni illi l-ilment li sar kien wieħed verbali u l-awtoritajiet tal-pajjiż konċernat dejjem qalulna illi ma xtaqux illi jagħmlu rapport formali. Għaldaqstant, qatt ma ġie ppreżentat xi dokument miktub lill-awtoritajiet Maltin dwar l-inċident, kif semma l-Onorevoli Interpellant.
Id-diplomatiku involut f'dan l-inċident ġie nfurmat li kien tressaq ilment b'mod informali mill-awtoritajiet tal-pajjiż fejn qiegħed iservi u huwa kien imwissi sabiex jassigura ruħu illi bħala diplomatiku Malti jżomm id-dekor ta kariga tiegħu f'kull ħin, u jiddeporta ruħu sew ma' kull min jagħmilha miegħu.
B'riferenza għall-posting order nru. 3/2003, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti diplomatiċi ngħataw extension tal-posting tagħhom li tvarja bejn sentejn u tliet snin? Ma jaħsibx li b'dawn l-extensions qed iwassal messaġġ ħażin lid-diplomatiċi fis-sens li jekk inti għandek il-parrinu tista' tingħata extension u tibqa' fil-post għal kemm trid?
Response (BORG, JOE)
Niskanta kif l-Onorevoli Interpellant qed iqiegħed il-postings ta' uffiċċjali fil-Korp Diplomatiku Malti u l-estensjonijiet li jkun jeħtieġ li jsiru, minn żmien għal żmien, għal uħud minn dawn il-postings f'kuntest ta' patroċinju minn fuq. Naċċerta lill-Onorevoli Membru illi l-estensjonijiet dejjem jingħataw wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi prevalenti fil-pajjiż li jkun, u xi drabi, jittieħdu in konsiderazzjoni anki ċ-ċirkostanzi ta' l-individwu nnifsu. Inħossni sorpriż meta nara illi, fil-Posting Order Numru 3/2003 iċċitata mill-Onorevoli Membru, huma biss tnejn l-uffiċċjali illi ingħataw estensjoni ta' bejn sentejn u tliet snin kif semma huwa, u nassigurah illi dawn iż-żewġ każijiet ġew ikkunsidrati skond il-kriterji li għadni kif indikajt.
Il-Ministeru taħt it-tmexxija tiegħi dejjem kien u jibqa' konxju billi jgħarbel b'sens ta' dover u umaniżmu kull każ li jitressaq quddiemu. Tant hu hekk illi saħansitra, f'mill-anqas każ wieħed f'dawn l-aħħar snin, ntlaqgħet it-talba li għamel uffiċċjal fil-Klassi Diplomatika sabiex il-posting tiegħu jintemm qabel l-iskadenza tiegħu.
Fl-aħħarnett, niċħad l-argument li qed iressaq l-Onorevoli Interpellant illi estensjoni ta' posting barra b'xi mod tiddemotiva lid-diplomatiċi Maltin. Fl-istess Posting Order li hu qed jirreferi għaliha hemm għaxar postings ta' uffiċċjali minn Malta biex imorru jservu barra: uħud minn dawn ilhom biss ftit aktar minn sentejn li daħlu fil-Klassi Diplomatika.
Maltempati kbar — Għajnuna finanzjarja lil min ġarrab ħsarat
Question
Fid-dawl tal-fatt li huwa fatt magħruf li l-prinċipji ewlenin tal-Bank Ewropew għall-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewroa, li tiegħu Malta ilha membru għal dawn l-aħħar 30 sena, huma li jgħinu lill-vittmi ta' diżastri naturali f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, billi jirreaġixxi b'urġenza u jagħti għajnuna finanzjarja, u fid-dawl li l-Gvern, fi stqarrijiet uffiċjali, jirrikonoxxi li matul il-maltempati kbar u xita qalila (li saħansitra ġew imsejjħa mill-mezzi tax-xandir bħala diżastru naturali) kien hemm aktar minn 1,000 talba għall-għajnuna minn diversi persuni li daħlilhom l-ilma fi djarhom u kien hemm 'il fuq minn 60 persuna li ġew salvati mill-għargħar, il-maltempati affettwaw kemm lil Malta kif ukoll lil Għawdex u ntlaqtu kull settur tal-ħajja, kif ukoll l-infrastruttura tal-pajjiż, u sabiex is-sitwazzjoni ġiet taħt kontroll kien hemm bżonn ta' ħidma kontinwa ta' volontieri, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li mexxa ħidma ta' salvataġġ bl-għajnuna tal-pulizija, il-Forzi Armati, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u s-Soċjeta' Maltija tas-Salib l-Aħmar, jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk saritx jew jekk hemmx il-ħsieb li ssir talba formali lil dan il-Bank Ewropew sabiex tingħata għajnuna finanzjarja lill-Gvern Malti u b'hekk ikun jista' jikkompensa lill-vittmi Maltin u Għawdxin tal-ħsarat kawżati mill-maltempati kbar li laqtu l-gżejjer Maltin f'nofs Settembru 2003?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru kuntatti biex il-Gvern jara jekk għajnuna bħal dik imsemmija minnu hijiex possibbli.
Malta — Map Secretariat tal-Mediterranean Action Plan
Question
Xi tweġiba kellha Malta mid-diversi pajjiżi li ġew avviċinati bħala parti mill-eżerċizzju ta' lobbying sabiex jinkiseb appoġġ għall kandidatura Maltija għall kandidatura Maltija għall post ta' ko-ordinatur tal-Map Secretariat tal-Mediterranean Action Plan?
Response (BORG, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, wara li saret sejħa pubblika mill-UNEP f'Nairobi għall-post ta' Ko-ordinatur tas-Segretarjat ta' l-MAP f'Ateni, l-għażla għal din il-kariga ssir mid-Direttur Eżekuttiv ta' l-UNEP.
Il-Kuntatti li saru ma' diversi pajjiżi membri ta' l-MAP kienu bil-ħsieb li jinġieb għall-attenzjoni tagħhom il-fatt li fost l-applikanti hemm ukoll applikant Malti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex ħsieb li taħtar Political and Security Committee Ambassador għall-UE?
Response (BORG, JOE)
Ħuwa maħsub li l-laqgħat tal-PSP jattendi għalihom l-ambaxxatur ta' Malta akkreditat għall-Belġju dejjem taħt ir-responsabbilta' tar-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea li ser ikun responsabbli għall-ħidma tal-Gvern Malti fl-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea.