Stabilimenti tal-catering — Strutturi ta' l-aluminium
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-gvern fir-rigward ta' strutturi ta' l -aluminium fuq barra ta' stabilimenti tal-catering eċċ., u dan biex tiġi estiża l-kapaċita' tal-post?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-estensjonijiet ta' stabbilimenti tal-catering permezz ta' struttura ta' l-aluminium jeħtieġu qabel kollox, il permess tal-MEPA u, jekk fuq art pubblika, il-permess ukoll tad-Dipartiment ta' l-Artijiet. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministri konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru lmenti minn studenti barranin fuq familji li kienu qed jospitawhom? F'liema lokalitajiet? X'passi ttieħdu? Kemm saru spezzjonijiet fid-djar tal-familji matul din is-sena biex jaraw li kollox kien kif suppost skond il-liċenzja maħruġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' lmenti li saru matul din is-sena minn studenti barranin kien ta' erba' (4). Kien hemm ilment wieħed minn kull waħda minn dawn il-lokalitajiet: Sliema, San Ġwann, Swieqi u San Pawl il-Baħar.
Dawn l-ilmenti ġew investigati mid-Direttorat ta' l-Infurzar imma ma ttieħdet l-ebda azzjoni legali minħabba li l-allegazzjonijiet ma setgħux jiġu ppruvati. Il-familji kienu mwissija dwar l-obbligi tagħhom bħala familji ospitanti.
Mill-ewwel ta' Jannar 2005 sal-lum saru 80 spezzjoni fir-residenzi ta' familji ospitanti. 54 minn dawn l-ispezzjonijiet saru mingħajr avviż biex jiġi iċċekjat li l-kondizzjonijiet tal-liċenza qed jiġu osservati. 26 spezzjoni oħra kienu investigazzjonijiet ta' lmenti li rċieva d-Direttorat kemm minn Maltin kif ukoll minn barranin.
Matul din is-sena ttieħdu dawn l-azzjonijiet legali mid-Direttorat ta' l-Infurzar:
- Ħames każi dwar familji ospitanti li ma osservawx il-kondizzjonijiet tal-liċenza;
- Tliet każi dwar familji li operaw bħala familji ospitanti mingħajr ma kienu fil-pussess ta' liċenza valida;
- Tliet każi kontra Skejjel tal-lingwi barranin li rreferew studenti għand familji li ma kellhomx liċenza.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13585 u jagħti l-ammont total ta' l-ispejjeż kollha involuti f'safar (trips abroad) minn uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kif ukoll minn uffiċjali li jaħdmu f'enti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru għas-snin 2003, 2004 u 2005 sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ammont totali li ntefaq fuq safar matul is-snin 2003, 2004 u 2005 (sa l-aħħar ta' Ġunju) minn entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi huwa kif jidher hawn taħt:
2003 2004 2005 (sa' l-aħħar ta' Ġunju)
Ministeru / Dipartimenti Lm 10,596 Lm 28,196 Lm 22,529
Entitajiet Pubbliċi Lm 100,789 Lm 95,586 Lm 54,472
Irrid niċċara li, fil-każ ta' l-ispiża tal-Ministeru / Dipartimenti, l-ammonti ndikati juru n-nefqa li tidher taħt it-Travel Vote (Item 28) ta' l-Estimi.
Irrid inżid ukoll li peress li parti minn dan is-safar kien konness ma' laqgħat ta' l-Unjoni Ewropeja, l-ammont ta' Lm 36,684 diġa` ġie jew għandu jiġi mogħti lura (refunded) lill- Gvern Malti.
Jistax il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess, sakemm ma jkunx diġa' gie rez pubbliku sakemm tigi mwiegba din l-interpellanza, jew fiex waslu d-diskussjonijiet, sabiex Ryanair jibdew joperaw minn u lejn Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-taħdidiet ma’ Ryanair u low-cost airlines oħra għadhom għaddejjin. F’dan l-istadju ma nħossx li għandi nagħti aktar dettalji fuq dawn id-diskussjonijiet.
Jistax il-Ministru jgħid meta ser tidħol fis-seħħ il-miżura mħabbra fid-diskors tal-Budget tas-sena l-oħra biex min jagħti oġġetti ta' valur lil mużewijiet tagħna jingħata benefiċċji fiskali jew simili?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li wara li saru laqgħat u konsultazzjoni mad-Dipartimenti u Entitajiet konċernati, fosthom il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Heritage Malta u Fondazzjoni Patrimonju Malti, d-Dipartiment tat-Taxxi Interni qed jagħmel l-aħħar preparamenti sabiex jinħareġ l-Avviż Legali meħtieġ. Ninsab infurmat ukoll li l-proviżżjonijiet ta’ dan l-Avviż Legali se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2005.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il Malta Tourism Authority impjegat gradwati fil-BA (Hons) Tourism Studies minn kemm ilu mwaqqaf il-kors fl-Universita' ta' Malta?
Kemm gradwaw studenti f'dan il-qasam ta' studju minn kemm ilu mwaqqaf il-kors fl-Universita' ta' Malta?
X'inhu l-futur ta' dawn iż-żgħażagħ li qed jispeċjalizzaw fil-qasam tal-politika u r-riċerka turistika?
X'opportunitajiet ta' xogħol hemm għalihom fil-preżent u x'qed ikun ippjanat mill-gvern biex jinħolqu opportunitajiet fil-futur għal dawn il-gradwati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kemm ilu mwaqqaf il-kors tal-BA (Hons) Tourism Studies fl-Universita' ta' Malta, l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu mpjegat tliet gradwati. Il-kors beda jiġi organizzat fl-Universita mill 2001 'il hawn.
Kien hemm 69 student li ggradwaw kemm ilu mwaqqaf il-kors.
Dan il-kors huwa ntiż biex jagħti lill-istudenti bażi wiesgħa ta' studji li filwaqt li jiżviluppaw il-ħiliet u l-karattru tagħhom, jiksbu tagħrif dwar l-oqsma varji tat-turiżmu f'Malta fi sfond internazzjonali. L-istudji jkopru l-aspetti soċjo-kulturali, ekonomiċi, maniġerjali u finanzjarji tat-turiżmu. Għalhekk il-gradwati jkollhom il-possibilta' jaħdmu f'diversi oqsma ta' din l-industrija importanti għall-Malta u fl-istess waqt jikkontribwixxu biex din l-industrija tkun aktar diversifikata fil-futur.
Il-parti l-kbira ta' l-istudenti li jiggradwaw f'dan il-Kors jaħdmu f'xogħol konness mal-industrija tat-turiżmu, kemm fis-settur privat u kemm fis-settur pubbliku.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13504 u jgħid liema kienu l-kumpanniji differenti li matul l-2004 u l-2005 s'issa għamlu xi xogħol ta' marketing għall-awtorita' Maltija tat-turiżmu? Jista' jgħid kemm tħallsu f'kull każ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol ta’ marketing li tagħmel l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta jinkorpora fih advertising, parteċipazzjoni f’fieri, konferenzi u incentive trips, attivitajiet ta’ public relations, tour operators support, organizzazzjoni ta’ familiarisation visits u xogħol ta’ printing ta’ diversi publikazzjonijiet, fost affarijiet oħra. Mhux prattiku u l-anqas jagħmel sens kummerċjali li tingħata l-informazzjoni mitluba fuq kull min għamel xogħol f’dan il-qasam. Nista’ ngħid li ċ-ċifra globali hija ta’ Lm 3,924,793 għal 2004 u Lm 2,398,115 għal 2005 (sa Mejju).
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi li fil-preżent tressqu quddiem il-public service commission? Kemm ilha l-aktar talba li hija pendenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kien hemm tlett każi li tressqu quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Wieħed minnhom għadu pendenti quddiem il-Kummissjoni minn Frar 2005, waqt li ieħor ġie konkluż. Hemm ukoll każ kriminali li ġie sottomess lill-Kummissjoni in termini tar-regolament 14 tar-Regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) u l-każ għadu pendenti quddiem il-Qorti minn Lulju ta’ l-2004.
Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti — Esibizzjoni tal-Pittura
Question
B'riferenza għall-esibizzjoni tal-pittura "Six generations of Maltese contemporary artists", organizzata mill-kunsill Malti għall-kultura u l-arti, jista' il-Ministru jgħid xi kriterji oħra ntużaw biex jintgħażlu l-artisti, apparti dik tas-sena li fiha twieldu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-eżibizzjoni Six Generations of Maltese Contemporary Artists kienet imtellha mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fuq tliet kriterji, li huma kif ġej :
1. Il-validita ta’ kull biċċa xogħol magħżula;
2. Perspettiva wiesgħa kemm jista’ jkun ta' l-istorja u l-kontribut għal spettru ta’ l-aħjar xogħolijiet fl-Arti Viżwali f’ Malta llum;
3. Selezzjoni proporzjonata ta’ artisti kontemporanji attivi f’kull wieħed mis-sitt ġenerazzjonijiet ta' l-esibizzjoni.
Kunsill Malti għall-kultura u l-arti — Esibizzjoni tal-pittura
Question
B'riferenza għall-esibizzjoni tal-pittura "Six generations of Maltese contemporary artists" organizzata mill-kunsill Malti għall-kultura u l-arti, jista' il-Ministru jgħid jekk l-artisti ġewx magħżula minn panel ta' esperti? Jekk iva, jista' jgħid min huma? Jekk ġew magħżula minn persuna waħda, min hi din il-persuna u xi kwalifiki għandha biex tagħmel din l-għażla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-esibizzjoni Six Generations of Maltese Contemporary Artists organizzata mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kienet fdata f’idejn membru tal-Kunsill, ċioe', is-sur George Glanville. Huwa fatt magħruf illi s-Sur Glanville għandu track record impressjonanti ħafna f’dik li hi organizazzjoni ta’ eżibizzjonijiet ta' l-arti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Malti għall-kultura u l-arti jikkordinax ma' soċjetajiet oħra ta' l-arti biex avvenimenti ta' l-arti, speċjalment meta jkunu jittrattaw fuq l-istess materja u li fihom jieħdu sehem l-istess artisti, ma jsirux fl-istess ġranet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li teżisti ko-ordinazzjoni qawwija bejn il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u soċjetajiet oħra ta’ l-Arti. Dan ma jeskludix iżda li minħabba l-attivita' artistika qed tiżdied ħafna, jinzerta li jkun hemm żewġ esibizzjonijiet fl-istess ġurnata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet ta' twaqqigħ ta' ħitan tas-sejjieħ fil-Ġgantija, eżattament 'il ġewwa mill-fence fil-buffer area, kenux koperti bil-permessi opportuni tal-MEPA?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-buffer area tal-Ġgantija m'hu qed jitwaqqa' l-ebda ħajt tas-sejjieħ. Bħala parti mill-pjan sħiħ għall-konservazzjoni u t-tgawdija aħjar ta’ dan is-sit uniku, Heritage Malta bdiet issewwi u tibni mill-ġdid il-ħitan tas-sejjieħ kollha li jinsabu fl-imsemmija buffer area. Dan qed isir bil-għan li jiġi rrestawrat il-kuntest ambjentali tal-Ġgantija, li jitwaqqaf il-process ta’ l-erożjoni tal-ħamrija, u li tittejjeb is-sistema ta’ sigurta` mingħajr l-installazjoni ta’ strutturi mhux kompatibli ma’ l-ambjent pittoresk ta’ l-inħawi. F’dan il-kuntest, f’April li għadda l-ħaddiema ta’ Heritage Malta bdew jibnu mill-ġdid ħajt tas-sejjieħ ta’ madwar metru għoli mad-dawra tal-masġar taż-żebbuġ li jinsab fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-Ġgantija, filwaqt li f’dawn il-ġranet qed tiġi aġġudikata tender għar-restawr tal-ħajt tas-sejjieħ li jinsab max-xifer ta’ l-irdum fuq in-naħa tax-Xlokk tal-Ġgantija. F’ċirkostanzi oħra dan ix-xogħol m’għandu bżonn t’ebda permess, iżda wara site inspection minn diversi uffiċjali tal-MEPA kien hemm qbil li jkun aħjar jekk tiġi sottomessa applikazzjoni waħda għall-bini tal-ħitan tas-sejjieħ kollha.
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu l-kumpanniji differenti li matul l-2004 u l-2005 s'issa għamlu xi xogħol ta' marketing għall-awtorita' Maltija tat-turiżmu? Jista' jgħid kemm tħallsu f'kull każ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha ma nġabritx u tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13347, jista' il-Ministru jgħid x'reklamar sar fuq gazzetti Ingliżi għall-perijodu Jannar sa Lulju 2005 mill-awtorita' Maltija għat-turiżmu? Kemm ġew iqumu f'kull każ, meta saru, fuq liema gazzetti saru u jista' jpoġġi kopja ta' dawn ir-riklami fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha ma nġabritx u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' amalgamazzjoni taċ-ċentru tar-restawr ta' Bighi mal-Heritage Malta?
Jista' jgħid ukoll x'se jiġri mill-aspett akkademiku ta' l-istess ċentru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proċess biex il-MCR qed jiġi assorbit fl-aġenzja Heritage Malta għaddej skond kif ippjanat. Wara li natgħat l-aħbar fil-Budget fl-24 ta' Novembru li-għadda, bdew negozjati bejn il-Ministeru u l-Aġenzija. Fil-22 ta' Marzu Heritage Malta ħadet f'ideja t-tmexxija taċ-Ċentru. Bħalissa il-Parlament qed jiddiskuti emendi għal Cultural Heritage Act liema emendi huma neċessarji sabiex isseħħ din l-integrazzjoni.
Wara diskusjonijiet bejn il-management ta' Heritage Malta u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, tfasslet l-management structure ta' l-aġenzija ġdida.Tfaslu ukoll il-pjani għall-integrazzjoni tal-ħaddiema fl-istruttura ta' Heritage Malta. Bħalissa qed isiru diversi laqgħat mal-haddiema tal-MCR u HM kemm fi gruppi għal kulħadd u kemm individwali għal dawk li jixitiequ.
L-aġenzija Heritage Malta se jkollha fi ħdanha ukoll l-aspett akkademiku u vokazzjonali. Qed jitfasslu Memoranda of Understanding bejn l-aġenzija u l-Universita ta' Malta u mal-MCAST. Heritage Malta ħadet l-inizzjattiva biex issir evalwazjoni akkademika minn espert bl-għan li jsir studju tal-programmi offruti u suġġerimenti intenzjonati biex jsaħħu dawn il-programmi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dħul mis-settur turistiku li jidher fl-istatistika li tinħareġ kultant żmien jinkludix l-airport tax? Jista' jgħid kif kien id-dħul mit-turiżmu għal kull ras għall-perijodu Jannar sa l-aħħar ta' Mejju ta' l-aħħar ħames snin u jekk minn dan tnaqqsitx din it-taxxa? Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi porzjon ta' din it-taxxa li qed tmur għall-awtorita' Maltija għat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-istatistika li tinħareġ mill-NSO kull xahar dwar l-infieq tat-turisti, tinkludi fiha l-infieq tat-turist li jsir barra minn Malta meta jagħmel booking għal vakanza f'Malta u l-infieq li jsir f'Malta mit-turist waqt il-mawra tiegħu f'Malta. Għalhekk iċ-ċifra ta' l-infieq tinkludi l-airport tax. Iċ-ċifra ta' l-infieq tinkludi dħul għal Malta u anke flus li jibqgħu jew mmorru barra minn Malta, leakages.
L-infieq tat-turist għal kull ras għal perjodu Jannar sa Mejju ta' l-aħħar erba' snin tinkludi ukoll l-airport tax.
Jannar sa Mejju
(Total Expenditure/Total Tourist Departures)
2005 - Lm 345
2004 - Lm 340
2003 - Lm 364
2002 - Lm 363
Jannar sa Mejju
L-infieq tat-Turisti - Weighted Average
2005 - Lm 173
2004 - Lm 170
2003 - Lm 182
Dawn iċ-ċifri pubblikati mill-NSO huma bbażati fuq Tourstat Survey. Ċifri għal perjodu Jannar sa Mejju għas-sena 2001 ma kienux ipubblikati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa kull reklam li nstab fuq gazzetti Ingliżi "Daily Telegraph" tal-14 ta' Ġunju u l-"London Sunday Times" tal-15 ta' Ġunju u jistax ipoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma kellha l-ebda reklam fil-ħarġa tal-14 ta' Ġunju tal-ġurnal Ingliż Daily Telegraph u lanqas fil-ġurnal London Sunday Times tal-15 ta' Ġunju.
Fil-każ ta' dan ta' l-aħħar, id-data msemmija, il-15 ta' Ġunju, kienet il-ġurnata ta' l-Erbgħa mentri kif jindika ismu, dan il-ġurnal partikolari joħroġ nhar ta' Ħadd.
Jista' il-Ministru jgħid jekk itteħditx inizjattiva hekk kif għadna fil-bidu tas-sajf, biex jiġi aċċertat li jkun hemm biżżejjed bins fix-xtajtiet, speċjalment dawk l-aktar frekwentati?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ġew imqegħda 1,200 bin madwar ix-xtajtiet kollha ta’ Malta. Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, permezz tal-Beach Cleaning Section u l-Product Planning and Development Directorate rispettivament, ser ikunu qed jevalwaw diversi aspetti ta’ beach management inkluż l-indafa u dan sabiex inkunu nistgħu nieħdu azzjoni fejn ikun meħtieġ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kellna holiday villages f'pajjiżna f'Diċembru 1998 u kermm għandna llum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'Diċembru tal-1998 kien hemm 4 Holiday Villages reġistrati mal-MTA filwaqt li din is-sena hemm 1. Tnejn kienu għalqu fl-aħħar tas-sena 2004 u oħra ġiet liċenzata bħala hostel f'Jannar 2004.