Jista' il-Ministru jinformani jekk il-proġett tas-slipway ta' Pembroke ġiex approvat? Jekk fl-affermattiv, meta, kemm se tiġi tiswa flus, meta huwa previst li x-xogħol jibda u jekk il-gvern ċentrali hux se jħallas kollox?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ġie approvat fid-9 ta' Diċembru 2003, iżda l-permess għadu ma nħariġ uffiċjalment mill-MEPA.
Ix-xogħol jiġi stmat u jinbeda hekk kif joħroġ il-permess relevanti.
Jista' jsir it-tindif meħtieġa fl-inħawi tal-Marsa ħdejn il-fabbrika tal-birra għax qed jinġabar ħafna skart li minbarra li hu ikreh joħloq problemi jekk tagħmel ħafna xita?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif ta' l-area msemmija jsir fuq bażi regolari. Barra minn hekk , ser jinbeda programm ta' xogħol fuq manutenzjoni u rranġar tal-water course kollu li jieħu sal-Marsa.
Ministeru għar-riżorsu u infrastruttura — Kiri ta' affarijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tal-ministeru?
Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament?
Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra taż flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet?
Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet?
Jista' jinformani kemm kienet in-nefqa globali għal karozzi u għamara ġdida li nxtrat matul is-sena 2003?
Response (ZAMMIT, NINU)
Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru fil-Mistoqsija tiegħu mhux ser twassal għal xi titjib fl-amministrazzjon pubblika ta' pajjiżna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jinħtieġ f'kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista' jintuża aħjar.
L-Onorevoli Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta.
Jista' jgħid kemm-il darba f'dawn l-aħħar tliet xhur intremew karkassi sħaħ ta' majjali u baqar fil-Magħtab?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li bejn Ottubru u Diċembru 2003 fil-Magħtab intremew 954 tunnellata ta' skart minn proċessar ta' annimali u karkassi sħaħ. Din l-istatistika tinkludi wkoll karkassi sħaħ ta' majjali u baqar.
Triq il-Konservatorju — Bormla - Blokki taż-Żonqor
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnhom il-blokki taż-żonqor li kienu inqalgħu minn Triq il-Konservatorju Bormla, meta nbniet id-dar ta' l-anzjani?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti minn dawn il-Blokki tal-Qawwi ttieħdu il-garage tal-Kunsill Lokali ta' Bormla, mis-Sindku is-Sur Joe Carbonaro, sabiex jiġu maħżuna.
Il-parti l-oħra ttieħdet għand il-Kuntrattur sabiex jitqattgħu u jintużaw għall-kurduna, li fil-fatt tqegħdet fl-istess triq, jiġifieri fi Triq il-Konservatorju.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnu l-proġett ta' Pjazza S. Margerita Bormla? Jaf il-Ministru li dan il-proġett ilu jiġi mwiegħed sa mill-ewwel snin ta' Gvern Nazzjonalista fl-1987? Jista' jara li wegħda li saret mal-poplu Bormliż minn Ministri differenti li kellhom id-dekasteru tiegħu tiġi fl-aħħar imwettqa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi quddiem id-dar ta' l-anzjani tlestiet fis-sena 2000. Il-kumplament tax-xogħol ma tkompliex minħabba nuqqas ta' qbil fil-Kunsill Lokali.
Xogħol fuq toilets ġodda ser jibda f'Ġunju. Il-kumplament tal-proġett jitkompla s-sena d-dieħla. Parti mill-proġett ma jistax isir qabel ikun hemm konferma tal-finanzjament mill-Malta Tourism Authority.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' quddiem il-każin tal-Banda San Ġorġ Bormla, cioe' Pjazza Paolino Vassallo, li kien imwiegħed mill-Cottonera Rehabilitation Committee hux ser isir?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għandu jibda fi ftit ġimgħat oħra, wara li jispiċċa x-xogħol fi Triq Desein, Birgu.
Engineered landfill ta' l-Għallis — Ġebel tal-qawwi
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm se tkun il-kwantita' ta' ġebel tal-qawwi li se jinqata' biex issir il-landfill ta' l-Għallis? Jista' jgħid x'se jsir minn dan il-materjal maqtugħ u jekk huwiex se jintuża?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta' materjal li jrid jinqata' biex issir il-landfill ta' l-Għallis, x'ser isir minn dan il-materjal u jekk huwiex ser jintuża qed jiġi determinat fl-Environmental Impact Assessment (EIA). Madanakollu, huwa stmat li l-ammont ta' materjal li jrid jiġi mqatta' sabiex l-ewwel cell ġo dan is-sit tkun tista' tibda
topera jammonta għal madwar 4.5 miljun tunnellata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-safar li sar fuq xogħol uffiċjali minn uffiċjali governattivi jew oħrajn li tħallsu mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu matul is-sena 2003? Min siefer? Fejn kienet kull safra? Kemm kienet l-spiża ta' kull safra? Min awtorizza kull safra? Min minn dawk li siefru mar first class jew club class?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jistgħu jittieħdu passi biex ma jkunx hemm residenti ta' l-Imdina li jqaxxru u joborxu il-faċċati tal-bini tagħhom għax hekk qed iħassru l-ġebla u din se titmermer iżjed malajr u titħassar id-dehra tal-belt antika?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina jiġi mitlub permess biex isir xogħol bħal dan qatt ma jkun favorevoli. Infakkar ukoll li l-Kumitat għandu skema ta' għajnuna għal min irid jirrestawra l-faċċati ta' bini fl-Imdina. Iżda l-permessi għal xogħol bħal dan joħorġu mill-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-landfill il-ġdida ta' l-Għallies?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' l-istudju dwar l-Impatt Ambjentali għadu għaddej. Kemm l-applikazzjoni kif ukoll id-disinji u dettalji tekniċi tal-kostruzzjoni ta' l-Engineered Landfills, inkluż dik għall-iskart perikoluż, ġew sottomessi lill-MEPA biex tiġi approvata it-teknoloġija li għandha tiġi addottata.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-waste transfer station f'Għawdex in vista tal-fatt li hemm rabta ma' l-Unjoni Ewropea li l-miżbla tal-Qortin trid tagħlaq fl-1 ta' Mejju, 2004?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' l-istudju dwar l-Impatt Ambjentali wassal biex intgħażel is-sit preferut. Għalkemm ġiet sottomessa l-applikazzjoni għal dan l-iżvilupp, il-MEPA għad trid tikkonferma dan is-sit u jitkompla l-istudju dwar l-Impatt Ambjentali fuqu.
Jista' il-Ministru jinformani jekk it-tkomplija tal-proġett ta' l-embellishmenti tal-promenade ta' Tas-Sliema, il-parti bejn il-Fortizza ta' Qui-si-Sana se jitkompla?? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tax-Xogħlijiet m'għandha l-ebda pjanijiet għas-sit imsemmi mill-Onor. Membru.
Il-proposti ta' żvilupp għal dan is-sit qed tieħu ħsiebhom il-MEPA.
Jista' il-Minsitru jgħid jekk hemmx xi pjan biex tissolva l-problema ta' l-għargħar kawżati mill-ilmijiet li jinżlu fl-inħawi tal-Grazzja f'Ħaż-Żebbuġ, Malta u li jaffettwaw it-toroq tal-Grazzja, Xmurn Attard, Prof. Daniel Callus u Fra Fred Mattei?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ir-risposta mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Miżbla tal-Magħtab/Impjant ta' Sant'Antnin — Ħaddiema
Question
B'riferenza għal ħaddiema tal-wastesew li jaħdmu fil-Magħtab u fl-impjant ta' Sant'Antnin, jista' il-Ministru jgħid għaliex: 1) dawn il-ħaddiema ma tħallsux l-allowance tal-ħmieġ kif kien ġie mwiegħed lilhom fil-budget 2003? 2) ma tħallsux ta' l-overtime dovut lilhom minn Settembru 2003 sal-lum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema li qiegħed jirreferi għalihom ser jitħallsu l-allowances dovuti hekk kif dawn l-allowances jiġu riveduti skond il-ftehim milħuq mal-Unions.
Dwar l-overtime li dawn il-ħaddiema tqabbdu jagħmlu mill-WasteServ Malta Ltd., ninforma lill-Onor. Membru li dawn ser jitħallsu.