Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett tal-Baċir Nru. 1

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, kopja tal-pjanti tal-applikazzjoni li saret mal-MEPA mill-grupp Ronegas dwar il-Proġett tal-Baċir Nru. 1?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jaghmel il-mistoqsija tieghu lill-Ministru kkoncernat.

Siggiewi — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta s-segwenti toroq ġo Siggiewi ser jinfetħu u jkunu rranġati u cioe: Triq Barndun u Triq it-Tank Investiment?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija procedura normali u skond il-ligi li toroq residenzjali jinfethu mill-izviluppaturi tal-bini. Il-gvern jasfalta dawn it-toroq wara li jkunu infethu ghall-pubbliku.

Żvilupp Urban u Toroq — Kiri ta' proprjeta'

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' proprjeta' tal-ministeru, tad-dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ispiża globali matul is-sena 2006 għall-kiri ta' propjeta' magħmula mill-Ministeru/Dipartiment kienet ta' Lm 11,450 filwaqt li tal-ADT kienet tammonta għall-Lm 27,399.

Żvilupp Urban u Toroq — Kiri ta' xtieli/pjanti

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' xtieli/pjanti fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, ma sarx kiri ta' pjanti, la min naħa tal-Ministeru/Dipartiment u l-anqas min naħa ta' l-ADT.

Żvilupp Urban u Toroq — Kiri ta' għamara/pittura

Question

Matul is-sena 2006, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' għamara/pittura tal-ministeru, dipartimenti, dekasteri u enti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006 ma nkriet l-ebda għamara/pittura la min naħa tal-Ministeru/Dipartiment u l-anqas min naħa ta' l-ADT.

Mosta — Triq E.B. Vella

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsiru xi culverts jew sistema għad-drenaġġ ta' l-ilma tax-xita ġo Triq E.B. Vella, l-Mosta, liema triq tkun mgħerrqa fuq kull darba li tagħmel ħalba xita ġmiela? L-iktar naħa li tegħreq fil-fatt hija n-naħa tal-bankina li tmiss mas-Sgħajtar.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li peress li m'hemmx sistema ta' culverts fit-toroq ta' madwar Triq E B Vella ma kinetx ser issir stormwater culvert fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Xorta waħda ser issir konsultazzjoni mad-Drawing Office ta' l-ADT biex forsi tinstab soluzzjoni għal dini l-problema.

Naxxar — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'toroq hemm pjanati għall-2007 biex isiru fin-Naxxar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda tibni numru ta' toroq fil-lokalita' tan-Naxxar. Dawn it-toroq kollha jiffurmaw parti mill-program ta' toroq li ħarġet l-istess Awtorita' u li huwa ppjanat li jitlestew sas-sena 2008. It-toroq li qed jinbnew bħalissa jew li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjien huma :- Triq Baħar iċ-Ċagħaq, Triq Sir Harry Luke, Triq A De Contreras, p/o Triq Ġdida fi Triq San Mark, p/o Triq San Franġisk t'Assisi. Fil-ġimgħat li għaddew tlestew ukoll Triq Porzjunkola u Triq Ġdida fi Triq San Franġisk t'Assisi.

Speed cameras

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra b'urġenza li jitwaħħlu speed cameras fit-triq arterjali li tagħti bejn il-Mosta u l-Mġarr u dan għaliex diversi sewwieqa qegħdin jilmentaw mill-veloċita' eċċessiva li xi ftit sewwieqa qegħdin jużaw f'din it-triq, liema triq diġa' rat vittma? Jekk dan mhux possibbli jista'jsib xi soluzzjoni oħra biex il-ħajja tas-sewwieqa tiġi protetta f'din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Rabat — Triq San Martin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax isir xi ħaġa biex tiġi rranġata t-triq fi Sqaq 1, Triq San Martin, Rabat, Malta u dan għaliex it-triq tinstab fi stat impossibbli mimlija ħofor, iktar u iktar fil-kuntest li Triq San Martin ġiet mogħtija t-tarmac u din il-biċċa tħalliet mhux magħmula?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant hija nkluża fil-programm tat-toroq li jridu jsiru. Ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq ser isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Għawdex — Triq ta' l-Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol li qiegħed isir fuq it-triq ta' l-Imġarr, Għawdex huwa kopert bil-permessi kollha inkluż dawk tal-MEPA? Jekk hemm dawn il-permessi jista' jikkwotali ir-reference numbers ta' dawn il-permessi tal-MEPA?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-permess tal-MEPA ġie sottomess fit-3 ta' Awissu, 2004 u ġie approvat mill-board tad-DCC fis-27 ta' Jannar, 2007. Ir-referenza tal-MEPA hija PA 03602/04. L-ADT għamlet il-garanzija bankarja ta' Lm10,000 hekk kif impost fil-permess. Il-MEPA ħadet żmien twil biex dan il-permess ikun approvat.

Toroq — Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23706 u 23500 u jagħti l-lista ta' direct orders li ngħataw għal xogħlijiet ta' toroq matul is-sena 2006, inkluż il-valur ta' direct orders u lil min ingħata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Limbordin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23512 jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex il-mina li qed tiġi proposta għat-triq ġdida fil-Limbordin (ara tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22918) ma ssirx ħalli ma jitħarbatx l-ilma ġieri ta' taħt l-għolja tax-Xagħra ta' l-għansar li l-bdiewa tant għandhom bżonn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23512 rigward l-impatt tal-mina proposta fuq l-ilma tal-pjan, dan jagħmel parti minn l-istudju tal-impatt ambjentali tal-proġett propost. Dan l-istudju flimkien ma konsiderazzjonijiet tekniċi oħra, jiddeterminaw jekk jitwettaqx dan il-proġett. Mhux opportun illi nagħtu risposta għal dawn il-mistoqsijiet qabel ma jiġu konklużi dawn l-istudji.

Buġibba — St Anthony Street

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23510 jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorita' dwar it-trasport pubbliku biex tagħlaq St Anthony Street, f'Buġibba? X'jiġri fil-każ li r-residenti jkollhom bżonn ambulanza jew fire engine għal xi emerġenza f'din it-triq? Kif se tkun aċċessibbli din it-triq f'każ ta' emerġenza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Birgu — Bankina tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wara li tlesta l-iċċangar tal-bankina tax-xatt tal-Birgu, din reġgħet qegħda titkisser? Min hu responsabbli ta' dawn l-ispejjeż żejda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 22995. Parti mill-ħsarat ġew imħallsa min minn għamel il-ħsara u l-bqija ġew imħallsa mill-gvern. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li minn meta qiegħdna il-planters il-ħsara waqfet u qed inkomplu nilqgħu għal ħsarat simili permezz ta' railings ħdejn rampi għal aċċess pedonali. Qed jittieħdu miżuri wkoll min naħa tal-Mużew Marittimu biex ma jitilgħux aktar vetturi fuq il-bankina.

Bormla — Pjazza G. Gulia

Question

Peress li xhur ilu l-Ministru qal li kienu qed jistennew biex isir xogħol fuq il-kaptelli perikolużi fi Pjazza G. Gulia Bormla, jista' jgħid fhiex waslu l-affarijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ġimgħa d-dieħla ser isir meeting fuq il-post u dan ix-xogħol mistenni jibda' fil-ġranet ta' wara.
Leg 10 PQ #23900 Sitting 496 2007-02-19 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Zejtun — Triq il-President Anton Buttigieg

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23796 li tgħid: Possibbli l-awtorita' dwar it-trasport ġentilment tikkonsidra li ssir private road fi Triq il-President Anton Buttiġieġ, Żejtun minħabba r-riskju kbir li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti ta' din it-triq minħabba l-ammont kbir ta' traffiku li jgħaddi minn din it-triq u inċidenti kontinwi uħud minnhom fatali li qed ikun hemm f'din il-bypass fejn lejl u nhar jgħaddu eluf ta' karozzi? Hija nformata l-awtorita' dwar it-trasport li minbarra inċidenti tat-traffiku, inkluż inċident fatali b'mod regolari diversi familji qed jispiċċaw bil-parapetti tagħhom imkissra minn karozzi li jibqgħu deħlin waqt li familji oħrajn spiċċaw bil-vetturi tagħhom imkissra waqt li jkunu pparkjati quddiem il-bieb għax jidħlu fihom karozzi/trakkijiet li jkunu għaddejjin bi speed eċċessiv? Billi hemm fejn issir private road biex ir-residenti jiġu separati mill-bypass, tistax din l-alternattiva tiġi kkonsidrata bis-serjeta'? Possibbli li l-awtorita' dwar it-trasport tagħmel żjara fuq il-post? Billi qed jingħad li l-awtorita' dwar it-trasport beħsiebha tagħmel bicycle lane f'din it-triq, tista' tikkonsidra l-private road minflok għax jekk issir bicycle lane kif inhi t-triq fil-preżent il-problema tiġi agħar u r-riskju jikber mhux biss għar-residenti imma anke għal min jissogra jmur bil-bicycle tiegħu f'din it-triq? Jimporta jekk l-awtorita' dwar it-trasport tikkonsulta r-residenti ta' din it-triq qabel tieħu deċiżjoni għax fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jafu l-aktar x'jeħtieġu li qegħdin f'riskju kontinwu? Possibbli l-Ministru ġentilment jara li permezz ta' l-awtorita' dwar it-trasport ningħata t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha li għamilt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ta' Xbiex — Triq Emm Galizia

Question

B'referenza għal Triq Emm Galizia, f'Ta Xbiex fejn il-kunsill lokali għamel linji sofor esaġerati għad-dannu ta' parking għar-residenti, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-linji humiex approvati mill-Awtorita' dwar it-Trasport? Jekk le, dawn se jitneħħew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma nstabet l-ebda approvazzjoni għal double yellow lines fi Triq Emm Galizia li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Iżda t-taqsima kienet ukoll infurmat lill-Kunsill Lokali li minħabba li t-triq hija wisa’ biss 7.3metri u hija wkoll 2 ways għaldaqstant mhux rakkomandabli li jsir parkeġġ fit-triq. B’talbiet bħal dawn isir single line mhux double yellow line. It-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku ser tieħu l-passi neċessarji dwar dan il-każ. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima rriżulta li hemm double yellow line għal tul ta’ 8.7metri mill-kantuniera. Skond il-Kodiċi tal-Vettura bil-Mutur, double yellow line f’kantunieri għandhom ikunu tul ta’ 5 metri biss.

Msida — Triq Balliju Guttenberg - parking bay

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-awtorita' dwar it-trasport aċċettat li tawtorizza parking bay qrib stop sign fi Triq Balliju Guttenberg, ma' Triq G. Ellul Mercer fis-Swatar, Msida?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku ma nstabet l-ebda korrispondenza jew approvazzjoni għal Parking Bay li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima ta’ l-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li d-distanza bejn il-kantuniera u l-Parking Bay hija ta’ 7.5 metri. Din id-distanza hija aktar mill-5.0 metri stipulat bil-liġi u hemm double yellow lines fuq in-naħa l-oħra tat-triq u għalhekk hemm wisgħa biżżejjed. Tali parking bay ma tostakolax il-viżibilita’ u l-anqas ma tillimita il-movimenti tal-vetturi f’din il-junction. Ukoll l-iSTOP sign u road markings jidhru sewwa.

San Ġiljan — Petizzjoni dwar time parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjoni ħadet l-awtorita' dwar it-trasport dwar petizzjoni li ġiet mgħoddija lilha mis-sidien tal-ħwienet f'St. George's Road, San Ġiljan xi xhur ilu dwar il-possibbilta' ta' time parking (ta' madwar 30 minuta) b'mod partikolari fl-inħawi tal-ħwienet li hemm quddiem il-ġnien u ħdejn il-Wembley Garage u l-HSBC?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ta' l-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-petizzjoni li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari qatt ma rċevewha.

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li matul l-2006 kien hemm xi tibdil fit-tariffi tat-tags minn naħa tad-Direttorat tat-Trasport Pubbliku. It- tags ta’ l-ADT jingħataw lil xufiera li jsuqu vetturi tat-trasport pubbliku u dawn kienu jinħarġu għall-prezz ta’ Lm2 l-waħda. Barra minn hekk kienu jitħallsu 75c oħra għall-ADT Lanyard (zigarella apposta biex tinżamm it -tag ). Dawn it -tags kienu magħmula mill-kartun miksija bill-plastik u faċilment setgħu jiġu falsifikati. Illum dawn it- tags inbidlu u qed jinħarġu forma ta’ tag tal-plastik soda li hija aktar sikura u diffiċilment tista' tiġi kkupjata. Il-prezz tagħha huwa ta’ Lm5, li jinkludi il- lanyard , ir-ritratt, u plastik apposta biex tinżamm fiha it- tag . Dawn it- tags huma validi għal 5 (ħames) snin u mbagħad iridu jinbidlu. Barra dawn t’hawn fuq, saru wkoll xi reviżżjonijiet fir-rati tal-liċenzji tat-triq ta’ vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-merkanizija. Lista dettaljata ta’ dawn it-tibdiliet qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.