Legislature:
Category:
Reset
Active:

Noise Pollution Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jniedi noise pollution policy li tirrifletti r-realtà tal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li naħseb li taf tajjeb li mid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar il-liġi ġdida tal-ambjent, l-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi ser ikollha l-obbligu li tipprepara strateġija ġdida għall-ambjent. Ovvjament din l-istrateġija ser tinkludi it-tematiċi ambjentali relevanti kollha inkluż il-ħsejjes/storbju. Billi hemm miżura fil-Budgetdwar dan, qed naħsbu dwar kif dan il-proċess marbut mat-tniggis tal-ħsejjes għandu jingħata spinta fis-sena finanzjarja ġdida.

Frott tat-tin u tut — skarsezza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17980, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ tender sabiex jingħata servizz ta’ konsulenza relatat mal-istudju u konservazzjoni sostenibbli ta’ varjetajiet lokali ta’ pjanti? Jekk dan it-tender ingħata, minn ħa dan it-tender u x'esperjenza għandu f'dan is-settur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, it-tender sabiex jingħata servizz ta’ konsulenza relatat mal-istudju u konservazzjoni sostenibbli ta’ varjetajiet lokali ta’ pjanti issa jinsab fi stadju ta’ ċċekkjar, skrutinju u approvazzjoni sabiex ikun jista’ jinħareġ it-tender, fil-ġimgħat li ġejjin, u sabiex jiġu identifikati l-esperti meħtieġa għal dan l-istudju.

Għaqda Bdiewa Produtturi tat-Tadam Maltin u Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li waqt il-Laqgħat Ġenerali tal-Għaqda Bdiewa Produtturi tat-Tadam Maltin u tal-Għaqda Għawdxija Produtturi tat-Tadam, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Agrikoltura u Sajd kien iddikjara li għall-2015, is-sussidju kien ser ikun marbut ma’ kull kilo tadam u dan is-sussidju ma kellux ikun inqas minn €0.10 kull kilo? Jekk fl-affermattiv, x’inhi r-raġuni li l-ftehim finali dwar is-sussidju li ser jingħataw il-bdiewa għall-2015 jgħid illi s-sussidju hu marbut ma kemm tipproduċi tadam tomna raba’? X'wassal biex finalment is-sussidju mhux ser jinħadem kif kien indikat lilhom mis-Segretarju Parlamentari waqt il-Laqgħat Ġenerali Annwali li għalihom kienu preżenti diversi bdiewa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ta’ min ifakkar illi l-mod kif ikun ikkalkulat is-sussidju huwa marbut f’qafas regolatorju speċifiku tal-UE. Forsi l-Onorevoli Interpellant nesa illi s-sussidju dirett fuq it-tadam għall-ipproċessar spiċċa hekk kif spiċċa il-programm SSMPMA fl-aħħar tas-sena tal-2014 fejn permezz ta’ din l-iskema l-aħħar sena li tħallset kienet fil-fatt l-2014 fejn it-tadam tħallas bir-rata ta’ €0.09 kull kilo. Mis-sena 2015 ‘l quddiem il-Gvern ħa ħsieb biex ikun jista’ jgħin lil dan is-settur permezz ta’ skema speċifika msejħa Għajnuna Akkoppjata Volontarja u dan taħt is-sistema ta’ għajnuniet diretti fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni l-ġdida. L-għajnuna taħt din l-iskema għandha tkun f'forma ta ' pagament annwali b’allokazzjoni ta’ €900,000 li għandu jitqassam fil-limiti kwantitattivi stabbiliti u bbażati fuq l-għelieqi speċifiċi u l-produzzjoni, hekk imsejħa yield. Dan għaliex il-ħlas huwa bbażat fuq produzzjoni li hu kkalkulat fuq l-għelieqi kkultivati mill-bidwi għat-tadam għall-ipproċessar kif marbut mal-kuntratt li l-bidwi jkun iffirmat mal-PO/ Kooperattiva fis-settur. Dan il-metodu ta’ pagament hu stabbilit mir-regoli tal-Unjoni Ewropea, u meta wieħed jagħmel estimi bbażati fuq il-massimi totali prodotti f’dawn l-aħħar snin, jinduna li r-rata medja ta’ ħlas kull kilo għandha tkun ogħla minn dawk preċedenti. Il-figura msemmija mill-Onorevoli Interpellant għandha tittieħed f’dan il-kuntest globali u mhux kif qed jalludi hu. Il-punt jibqa’ li l-Gvern sab mezz kif jibqa’ jgħin lill-bdiewa u ma nafx għaliex l-Onorevoli Interpellant donnu jrid jagħmel ballun politiku anke minn din il-ħaġa.

MEPA — policies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saru l-aħħar sottomissjonijiet mill-Ministeru għal dak li jikkonċerna l-policies li hemm jew li kien meħtieġ li jinbidlu għal dak li jikkonċerna l-MEPA, u liema kienu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-Ministeru fuq diversi policies li jikkonċernaw l-MEPA huwa kontinwu.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – reklamar dwar il-Budget 2016

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew ir-reklami dwar il-Budget 2016, kemm dawk fuq it-television, kemm dawk fuq ir-radju, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals kif ukoll dawk bħala google adverts, sew jekk diġà dehru u kemm jekk għad iridu jidhru, in konnessjoni ma’ materja li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li s’issa ma kien hemm l-ebda nefqa fi ħdan il-Ministeru fuq reklamar dwar il-Budget 2016.

Baqar morda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hawnx baqar morda bil-mard tal-brucellosis jew TB f'Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n-numru ta' baqar li huma milquta minn dan il-mard f'Malta u f'Għawdex separatament? X'passi qed jieħu l-Gvern u kif qed jiġu megħjuna r-raħħala biex, jekk hawn xi baqar milquta minn dan il-mard, dawn jiġu kkontrollati u konsegwentament eliminati kompletament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari f’Malta u f’Għawdex ma hawnx baqar morda bil-mard tal-brucellosis jew TB.

CIHEAM — scholarship

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il scholarship ingħata mis-CIHEAM lill-istudenti/professjonisti Maltin u Għawdxin, sena b'sena, mill-2005 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mis-Segretarju Parlamentari li l-mistoqsija tiegħu ma tistgħax titwieġeb mill-Gvern minħabba li tikkonċerna informazzjoni li tirrigwarda korsijiet li jidħlu għalihom ċittadini privati ma’ istituti privati. Ninsab infurmat ukoll dawk li japplikaw u jirċievu scholarships jagħmlu hekk direttament mal-istituti kkonċernati, bla ħtieġa li jgħaddu minn ebda proċess tal-Gvern Malti. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma hix f’kompetenza ta’ dan il-Ministeru.

Frott tat-tin u tut — skarsezza

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17980, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li jistabbilixxi inventarju ta’ siġar biex ikun f’pożizzjoni li jevalwa aħjar is-sitwazzjoni u l-istat ta’ siġar f’riskju ta’ estinzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qiegħed preżentament fi stadju ta’ ttestjar u familjarizzazzjoni ta’ din is-sistema ġdida tal-informatika li saret referenza għaliha fit-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17980. Din l-istess sistema għandha tkun kompletament funzjonabbli sal-aħħar ta’ Novembru u dan il-Ministeru ħa jkun qed javża meta u fejn ser issir ir-reġistrazzjoni biex jibda jiġi stabbilit l-inventarju ta’ siġar tat-tin u eventwalment ta’ varjetajiet ta’ siġar oħrajn.

Frott tat-tin u tut — skarsezza

Question

Peress illi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17980 saret referenza għall-proġett dwar konservazzjoni ta’ siġar, jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti dan il-proġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fl-2013 id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ffirma ftehim għall-implimentazzjoni tal-proġett bl-isem “Studju u l-Konservazzjoni Sostenibbli ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti Lokali”, li ġie ffinanzjat taħt il-Pjan ta’ żvilupp Rurali għal Malta 2007-2013, permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, b’valur ta’ madwar 2.2 Miljun Ewro. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jnaqqas milli ssir iktar degradazzjoni u jippromwovi wkoll bosta landraces ta’ varjetajiet ikkultivati u selvaġġi ta' numru ta' pjanti li huma magħrufa li jkunu ġew ġenetikament imdgħajfa kif ukoll huma f’riskju ta’ estinzjoni. Ninsab infurmat li s-sit ta’ madwar 4,000 metru kwadru li jifforma parti mid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti, f’Tal-Kmand bejn Ħal Lija u Ħ’Attard ġie konvertit fi ġnien botaniku, maqsum f’abitats tipiċi Maltin iddedikati għall-konservazzjoni ta’ pjanti ex-situ. Fil-post inbena wkoll media centre kif ukoll faċilitajiet edukattivi bil-għan li jservi bħala katalista għal aktar studji xjentifiċi dwar is-suġġett u jkun ukoll portal ta’ informazzjoni dwar il-proġett. Iċ-ċentru ser jintuża wkoll biex jiġu organizzati żjarat għall-istudenti ta’ kull età biex tinħoloq kuxjenza u tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-Pjanti Maltin. Ninsab infurmat ukoll li l-kumpless jinkludi laboratorju ddedikat għall-kwalità taż-żerriegħa u laboratorji dijanjostiċi tal-pjanti, li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ pesti u mard li jagħmel ħsara lill-pjanti lokali. Inkluża fil-proġett kienet l-għażla klonali u s-sanità ta’ varjetajiet lokali ta’ speċi taċ-ċitru sabiex tittejjeb l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi. Għażla ta’ speċi taċ-ċitru ġew ivvalutati għall-istat tas-saħħa tagħhom u ġew prodotti siġar li huma ħielsa mill- viruses għal skopijiet ta’ konservazzjoni. Il-proġett jinvolvi wkoll ħolqien ta’ sistema informatika sabiex jiġi stabbilit inventarju ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti Maltin.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — nefqa f'konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu f’konsulenti fil-Ministeru tiegħu nkluż dipartimenti u entitajiet bejn l-2008 u Marzu 2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jireferri għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 1542.

Sajjieda – kors tal-kaptani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu illi biex sajjieda jagħmlu l-Kors tal-Kaptani qegħdin jintalbu jħallsu €115 kull persuna? X'inhi r-raġuni li l-Gvern, bħal Gvern preċedenti, ma jagħmilx tajjeb finanzjarjament biex isiru dawn it-tip ta' korsijiet, aktar u aktar meta f'dawn iż-żminijiet tas-sena, id-dħul għas-sajjieda jkun minimu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-kors li qed jirreferi għalih fil-fatt huwa dwar Basic Seamanship and Safe Boat handling. Dan huwa kors li jwassal biex tinkiseb il-liċenzja nawtika u huwa obbligatorju għal kull min isuq bastiment b’saħħa ta’ aktar minn 30HP, iżda min ma jkollux mhux suppost jitħalla jsuq il-bastiment. Ninsab infurmat ukoll li sabiex ma jkollux għalfejn jinforza tali miżura d-Dipartiment tas-Sajd saħaq li min m’għandux dan il-kors, għandu jagħmlu malajr kemm jista’ jkun ħalli kulħadd ikollu l-kwalifiċi neċessarji. Peress li dan il-kors jingħata minn entitajiet privati approvati minn Transport Malta dan isir bi ħlas. Sadanittant jien infurmat ukoll li l-MCAST waslet fi ftehim mal-Koperattivi tas-Sajd sabiex jiġu organizzati sezzjonijiet apposta għas-sajjieda u bi prezz speċjali għalihom. Mgħarraf ukoll li meta rekwiżit ikun obbligatorju l-Gvern ma jkunx jista’ jagħmel tajjeb hu għaliex, taħt ir-regoli tal-UE, jikkostitwixxi għajnuna statali irregolari. Fil-fatt meta l-Gvern preċedenti għamel tajjeb għall-ispejjeż hu, dan kien fuq materji li ma kinux obbligatorji. Fil-frattemp ninsab infurmat li ilhom għaddejjin taħdidiet bejn id-Dipartiment tas-Sajd u l-Koperattivi tas-Sajd, bl-involviment ta’ Transport Malta, sabiex jiġu identifikati korsijiet oħra li huma siewja għall-operat tas-sajjieda, iżda li mhux obbligatorji. Kif ikun hemm ftehim dwarhom id-Dipartiment ikun jista’ jmexxi u anke jiffinanzjahom, possibilment anke minn fondi Ewropej, u dan għaliex nemmnu bil-qawwa li t-taħriġ tas-sajjieda, speċjalment fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà, għandu jingħata l-importanza mistħoqqa.

Sajjieda – bastimenti reġistrati

Question

Riċentament diversi sajjieda li għandhom aktar minn bastiment wieħed irreġistrat f’isimhom taħt Kategorija A, irċevew ittra dwar il-valur minimu ta' qbid fejn ġew informati illi jekk ma jintlaħaqx l-ammont minimu skont Skeda III li tifforma parti mir-Regolamenti dwar il-Bastimenti tas-Sajd (LS 425.07), il-bastiment jista’ jitlef ir-reġistrazzjoni f'din il-kategorija professjonali u jitniżżel fil-kategorija rikreazzjonali (MFC). Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ illi sajjied għandu aktar minn bastiment wieħed irreġistrat f'ismu f'Kategorija A u jirreġistra ammont ta' qbid fuq bastiment ieħor, li jaqbeż l-ammont totali ta' qbid minimu rikjesta mill-bastimenti kollha f'daqqa, hux ser jitlef xorta r-reġistrazzjoni f'din il-kategorija professjonali ta' xi bastiment jew ieħor reġistrati f'ismu?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li s-settur tas-sajd huwa regolat ħafna mill-UE u li Malta hija obbligata li regolarment tagħti rapporti lill-Kummissjoni sabiex turi s-sostenibbiltà tas-sajd tagħha u biex turi wkoll li s-sajd qed isir skont ir-regoli inkluż traċċabilità sħiħa u konsistenti tal-qabda tal-ħut inkluż mil-liema bastiment ikun ġej. Huwa fil-kwadru ta’ dan kollu illi l-Legislazzjoni Sussidjarja 425.07 dwar Regolamenti Dwar il-Bastimenti tas-Sajd, li ilhom jeżistu sa minn żmien il-Gvern preċedenti, tesiġi li sabiex bastiment iżomm l-kategorija tiegħu dan irid jirreġistra qabda ta’ ħut li ma tkunx inqas mill-minimu stabbilit. Jekk le allura l-bastiment jitlef il-kategorija.

Sajjieda – bastimenti reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il bastiment tas-sajd irreġistrat f'Kategorija A tilfu r-reġistrazzjoni tagħhom f'din il-kategorija professjonali u tniżżlu fil-kategorija rikreazzjonali (MFC) f'dawn l-aħħar 5 snin peress illi l-valur minimu ta' qbid ma kienx jilħaq l-ammont minimu rikjest skont ir-Regolamenti dwar il-Bastimenti tas-Sajd (LS 425.07)?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, in-numru ta’ bastimenti tas-sajd irreġistrati f'Kategorija MFA li tilfu r-reġistrazzjoni tagħhom f'din il-kategorija professjonali u tniżżlu fil-kategorija rikreazzjonali (MFC), f'dawn l-aħħar 5 snin, peress li l-valur minimu ta' qbid ma ntlaħaqx, huwa kif ġej: Sena Numru ta’ Bastimenti 2010 4 2011 2 2012 0 2013 0 2014 0

Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20894 dwar klieb li nstabu mhux chipped,jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien tal-klieb li nstabu bla chip reġax saritilhom follow up visit biex jiġi aċċertat li dawn il-klieb ġew chipped jew inkella s-sidien tagħhom ma' jkunux ħelsu minnhom b'mod illeċitu inkluż hux qed jiġu miżmuma ħażin jew maħqura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-każijiet kollha in kwistjoni kien verifikat li l-klieb kienet saritilhom iċ-ċippa u ġew reġistrati fid-database relattiva. Minnhom kien hemm 8 każi li kellhom bżonn ta’ viżta oħra minħabba nuqqasijiet żgħar bħal nuqqas ta’ iġjene jew ċinga qasira u dawn ukoll ġew indirizzati.

Il-Marsa — Faċilità ġdida għat-trattament tal-iskart tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-faċilità l-ġdida għat-trattament tal-iskart tal-annimali fil-Marsa: (a) hijiex se tilqa’ materjal tossiku; (b) jekk jeżistix pjan ta’ evakwazzjoni f’każ ta’ emerġenza bħalma hu leak ta’gassijiet; (c) x’impatt jista’ tali inċident iħalli fuq il-madwar; u (d) jekk l-impjant huwiex se jilqa’ fih skart minn pajjiżi terzi?

Response (BRINCAT, LEO)

Qabel xejn, l-Onor. kollega jidher li qed jirreferi dwar il-proġett tal-Autoclave li diġà kelli opportunità nitkellem dwaru f’okkażjonijiet pubbliċi li ġew irrapurtati fil-midja. Hemmhekk ġie spjegat kif dan il-proġett għandu finanzjament qawwi mill-UE u li ser jiġi inawgurat dalwaqt biswit l-inċineratur fil-Marsa. Huwa mibni fuq proċess illi minnu jiġu ffrankati eluf kbar ta’ ewro f’diesel, kif ukoll li permezz tiegħu tittieħed l-enerġija li tispiċċa tintuża fl-Impjant ta’ Sant’ Antnin f’forma ta’ gass methane. Għall-mistoqsijiet tal-Onorevoli kollega, ninfurmah illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti: · Il-faċilità l-ġdida għat-trattament tal-iskart tal-annimali fil-Marsa mhux ser tilqa’ materjal tossiku, imma tilqa’ biss materjal mill-iskart tal-annimali. · Pjan ta’ evakwazzjomi jeżisti u qed jiġi implimentat flimkien ma’ miżuri oħra ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. · Dwar l-impatt li jista’ jħalli inċident fuq il-madwar dan jiddependi mill-gravità tal-inċident, iżda l-pjan ta’ evakwazzjoni u l-miżuri li qed jittieħdu huma intiżi biex kull tip ta’ riskju jkun minimizzat kemm jista’ jkun. · Ninsab infurmat ukoll li l-Wasteserv ser tassigura li l-faċilità tal-Autoclave jkollha polza ta’ assigurazzjoni qabel ma tibda topera. · L-impjant ser jittratta skart mill-annimali iġġenerat fil-gżejjer Maltin biss. Ninfurmah ukoll li għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett ser tkun mistiedna l-Kelliema uffiċjali tal-Oppożizzjoni li ser ikollha l-okkażjoni li ddur il-faċilità.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – ħlas ta’ overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas f’overtime mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-awtoritajiet, l-entitajiet u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, bejn l-1 ta’ Jannar 2015 sat-23 ta’ Ottubru 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fil-perjodu msemmi n-nefqa globali fuq sahra mill-Ministeru, d-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, mill-Wasteserv kif ukoll mill-kuntrattur kienet ta’ €1,373,000.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — persuni impjegati full-time jew part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru, jew entitajiet, awtoritajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hemmx persuni impjegati bħala full-time jew part-time,liema impjegati huma jew kienu membri parlamentari bejn l-2008 sal-lum? Jista’ jgħid u jippreżenta fil-Kamra meta ġew impjegati u b’liema kundizzjonijiet u x’pakkett finanzjarju kellhom jew għandhom? Jista’ jgħid kif dawn intgħażlu għal dak l-impjieg u b’liema mod l-attendenza tagħhom fix-xogħol tiġi rrekordjata? Jista’ jippreżenta fil-Kamra x’inhi l-attendenza ta’ dawn l-impjegati li kienu jew huma membri parlamentari fix-xogħol tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali hemm uffiċjal wieħed li huwa Membru Parlamentari. L-uffiċjal huwa impjegat full-time iżda skont klawsola 7.2.3.6 tal-Public Service Management Code jiġi rilaxxat sabiex jattendi għal xogħol relatat mal-Kamra tar-Rappreżentanti. L-uffiċjal ikkonċernat ilu Uffiċjal Pubbliku sa mill-1990 u l-ħatra kurrenti tiegħu hija ta’ Officer in Grade 9. Din ilha effettiva sa mill-1 t’April 2010 u saret fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku skont provvediment li permezz tiegħu Uffiċjali Pubbliċi li jservu b’mod sodisfaċenti bħala Secretariat Officer f’Segretarjat Privat għal aktar minn sitt snin jingħataw ħatra ta’ Officer in Grade li tikkorrispondi mal-iskala ta’ salarju li jkollhom fis-Segretarjat. Għaldaqstant il-pakkett finanzjarju li jirċievi l-uffiċjal huwa ekwivalenti għal skala ta’ Salarju 9. L-attendenza tiegħu tiġi rrekordjata u ċċertifikata skont il-proċeduri applikabbli f’paragrafu 3.1.2 tal-Public Service Management Code. L-uffiċjal għandu wkoll arranġament ta’ telework li permezz tiegħu, kull ġimgħa, huwa jaħdem erbat ijiem mid-dar u ġurnata mill-uffiċċju. Sadanittant fil-kumpanija Wasteserv għandha persuna impjegata fuq siegħat imnaqqsa, li kienet Membru Parlamentari bejn l-2008 sal-2013. Din il-persuna ġiet ingaġġata bħala Project Management Adviser fis-6 ta’ Jannar 2014 fuq bazi ta’ person of trust . Il-pakkett finanzjarju huwa ta’ €16.29 fis-siegħa u intitolata wkoll għal mobile allowance , performance bonus u car allowance . Il- car allowance tiġi mħallsa pro rata skont l-ammont ta’ siegħat li jinħadmu. L-attendenza tagħha tiġi approvata mis-superjur rispettiv qabel ma tiġi pproċessata.

Bini ta' serer u ġwiebi — policies

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20174, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-risposta timplikax li l-Ministeru mhux qed jagħti l-feedback tiegħu lill-MEPA dwar policies marbuta mal-bini ta’serer u ġwiebi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, intenni li r-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 20174 kienet korretta u dan għas-sempliċi fatt li l-mistoqsija kienet dwar ‘policy’ ta’ bini, jew ossia żvilupp, ta’ ġwiebi u serer. Il-Ministeru tiegħi mhux responsabbli mill-politika relatata mal-iżvilupp jew bini ta’ ġwiebi u serer u allura lanqas biex jassigura li tali politika tkun osservata. Min-naħa l-oħra dan bl-ebda mod ma jimplika dak li qed jgħid l-Onorevoli Interpellant ossia li l-Ministeru ma jagħtix ‘feedback’ meta dan jintalab minnu mingħand il-MEPA. Naħseb li l-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf ukoll li lil hinn mil-lat ta’ aspett ta’ żvilupp li jaqa’ taħt il-MEPA, il-Ministeru m’għandux lanqas xi rwol regolatorju speċifiku fil-każ ta’ ġwiebi u serer. Iżda għat-twettiq tal-proċessi tar-Rural Policy and Design Guidance maħruġa mill-MEPA fl-2014, il-Ministeru jipprovdi f'mod regolari u kull meta mitlub l-informazzjoni relevanti lill-Agriculture Advisory Committee li jirċievi kull applikazzjoni li għandha x’taqsam ma’ żvilupp agrikolu.