Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel – libreriji u librara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm libreriji fl-iskejjel, jindika jekk hemmx u jekk hemm libreriji fil-klassijiet, u kemm hemm librara f’kull skola tal-Istat? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kwalifiki ta’ dawn il-librara? Jista’ jindika kemm minn dawn il-librara huma wkoll għalliema, u għal dawk li huma wkoll għalliema jindika x’inhuma s-suġġeti li huma jgħallmu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm librerija f’kull skola medja, sekondarja u post-sekondarja, jiġifieri fi 28 skola. Il-librara f’dawn l-iskejjel huma kollha għalliema. Hemm 64 librar-għalliem b’kollox fl-iskejjel medji, sekondarji u post-sekondarji f’Malta u Għawdex kif ukoll tnejn oħra f’żewġ skejjel primarji f’Għawdex. Hemm ukoll 42 skola primarja fejn hemm librerija li tintuża mill-iskola biss. Hemm oħrajn li jużaw il-librerija pubblika (branch library). Il-kwalifiki tal-għalliema-librara huma prinċipalment tnejn: 28 bid-Diploma in Library and Information Studies mill-Università ta’ Malta; 23 bl-iSchool Library Management Course mniedi mill-Malta School Library Association u l-SSD (DES). Iż-żewġ kwalifiki huma meqjusa Livell 5 mill-MQC. Hemm ukoll żewġ librara li għamlu l-Masters ma’ università barranija u wieħed mal-Università ta’ Malta. Mill-kumplament kollu ta’ għalliema-librara hemm 10 li ma għandhom l-ebda kwalifika fis-suġġett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ għalliema-librara u s-suġġett li jgħallmu.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx minn tal-anqas persuna b’diżabilità f’kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kull entità fid-dekasteru tiegħi għandha persuna b’diżabilità taħdem magħha, għal diversi raġunijiet fosthom in-numru limitat ta’ impjegati f’uħud mill-entitajiet. Madankollu, infurmat ukoll li r-rata ta’ impjegati b’diżabilità f’dawn l-entitajiet tlaħħaq il-medja tat-threshold relattiva.

N.I.S.C. Esplora — attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-attivitajiet li saru sa issa marbuta ma’ N.I.S.C. Esplora?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’Novembru tal-2015 saret l-ewwel attività li titratta t-tejorija tar-relattività ta’ Einstein. Din kienet siegħa ta’ kant, żfin, ċajt, u fuq kollox, xjenza fejn kemm kbar kif ukoll żgħar ipparteċipaw b’mod attiv.

Skola Marija Assunta — ground

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-ground tal-iskola ta’ Marija Assunta reġa’ nqala'?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru xogħlijiet ta' alterazzjonijiet interni fil-bini eżistenti u fil-grawnd tal-iskola msemmija mill-Onor. Interpellant. Infurmat li x-xogħlijiet fil-grawnd kienu neċessarji peress li wara l-maltempata ta' sentejn ilu żbruffat is-sistema tad-drenaġġ li għaddejja mill-inħawi bil-konsegwenza li saru xi ħsarat f'parti mill-art tal-grawnd.

Skema A4U

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk l-għaqdiet li jistgħu jibbenefikaw mill-iskema A4U?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-għaqdiet li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema jridu jkunu: 1. joffru xi forma ta’ servizz għal żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena; 2. jkunu reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji; 3. jkunu membri reġistrati mal-Aġenzija Żgħażagħ.

Ħal Għaxaq — Skola Primarja – attività fiżika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ħafna drabi mhux qed issir lezzjoni tal-attività fiżika (PE) barra l-klassi fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-attività fiżika fl-iskola indikata mill-Onor. Interpellant dejjem issir fil-bitħa, għajr għal ġranet ta' xita u meta fil-bitħa tal-iskola jkun hemm xi xogħlijiet għaddejjin li jistgħu jkunu ta' periklu għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal.

Programm Youth.inc

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li għamlu parti mill-programm Youth.inc, sena b’sena mill-bidu tiegħu sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-2011 sal-lum in-numru ta’ persuni li għamlu parti mill-programm Youth.Inc kien kif ġej: 2011 – 7 persuni impjegati 2012 – 8 persuni impjegati 2013 – 9 persuni impjegati 2014 – 12-il persuna impjegati 2015 – 12-il persuna impjegati 2016 – 12-il persuna impjegati

SkolaSport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li ħadu sehem fil-programmi offruti minn SkolaSport, sena b’sena, mis-sena 2010 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' parteċipanti fi SkolaSport, sena b'sena, mis-sena 2010 sal-lum hu kif ġej: fis-sena skolastika li bdiet f’Ottubru 2010 – kien hemm 1448 parteċipant fis-sena skolastika li bdiet f’Ottubru 2011 – kien hemm 2103 parteċipant fis-sena skolastika li bdiet f’Ottubru 2012 – kien hemm 4036 parteċipant fis-sena skolastika li bdiet f’Ottubru 2013 – kien hemm 4170 parteċipant fis-sena skolastika li bdiet f’Ottubru 2014 – kien hemm 4037 parteċipant fis-sena skolastika li bdiet f’Ottubru 2015 – hemm 5676 parteċipant

SkolaSport – dixxiplini offruti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu d-dixxiplini sportivi offruti minn SkolaSport, sena b’sena mis-sena 2010 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija inkluża fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21966.

Youth Cafes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna Youth Cafes bħalissa u minn fejn qed joperaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li b’kollox Aġenzija Żgħażagħ għandha erba’ (4) Youth Cafes. Dawn joperaw minn fejn se nsemmi: Qawra – jopera miċ-Ċentru LEAP Cottonera – Fortini Msida – Triq il-Wied Kirkop – miċ-Ċentru LEAP

Youth Hubs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna Youth Hubs u mnejn qed joperaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li Aġenzija Żgħażagħ tmexxi ħames (5) Youth Hubs li joperaw minn fejn se nsemmi: Junior College – Msida MCAST – Paola Giovanni Curmi Higher Secondary – Naxxar Alternative Learning Programme – Paola GEM 16+ – Gżira

Aġenzija Żgħażagħ – youth activity centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu l-Youth Activity Centres tal-Aġenzija Żgħażagħ? Kemm-il darba ntużaw matul is-sena 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Youth Activity Centres ta’ Aġenzija Żgħażagħ jinsabu f’Marsaxlokk u Villa Psaigon, limiti ta’ Ħad-Dingli. Infurmat li l-użu tagħhom matul is-sena 2015 kien kif ġej: Marsaxlokk Youth Activity Centre – 46 darba Villa Psaigon Youth Activity Centre – 60 darba

LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ Learning Support Assistants (LSA) li hemm illum fl-iskejjel? Jista’ jgħid dawn humiex shared jew full? Kif jikkompara dan in-numru ma' ħames snin ilu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ LSAs illum huwa ta’ 2171. Dan in-numru jinkludi il-gradi kollha ta’ LSAs u jinkludi ukoll 149-il LSA li tinsab fuq xi forma ta’ Leave. In-numru ta’ LSAs f’Diċembru tal-2011 kien ta’ 1660 liema numru jinkludi 105 li kienu b’xi forma ta’ leave. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda Primarji u l-oħra Sekondarji li jinkludu informazzjoni dwar it-tip ta’ sapport (shared, shared same class, full-time jew full-time one-to-one).

MCAST u Università ta’ Malta – korsijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’korsijiet ġodda qed jiġu offruti fl-MCAST u fl-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kif ġej: Lista 'A' - korsijiet ġodda offruti fl-MCAST Lista 'B' - korsijiet ġodda (jew oqsma ta’ studju ġodda fi ħdan korsijiet li kienu qed jiġu offruti preċedentement) offruti fis-Sena Akkademika 2015/16 fl-Università ta’ Malta.

Pixxina tal-Qroqq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża sabiex tissaħħan il-pixxina tal-Qroqq, sena b’sena, bejn l-2010 u llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża sabiex tissaħħan il-pixxina tal-Qroqq, sena b’sena, bejn l-2010 u llum kienet: 2010 – €60,830 (informazzjoni minn Novembru) 2011 – €290,640.12 2012 – €312,460.11 2013 – €479,200 2014 – €399,908.17 2015- €313,601.77 2016 -€35,000 (sal-11 ta’ Frar 2016) Sa Ottubru 2015, il-pixxina kienet tissaħħan permezz ta` boiler li jaħdem bil-fjuwil. Minn Ottubru 2015 ‘l hawn, SportMalta bdiet issaħħan il-pixxina permezz ta` heat pumps li jitħaddmu bl-energija elettrika. Għalhekk, minn Ottubru 2015, l-ispiża sabiex tissaħħan il-pixxina tal-Qroqq hija stmata mill-kont tad-dawl u l-ilma li tirċievi SportMalta għal dan il-kumpless.

Sport Malta – head office – spiża tat-telephone

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tat-telephone fil-Head Office ta’ SportMalta, sena b’sena bejn is-sena 2010 u llum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispiża tat-telefon fil-Head Office hija inkluża fil-kont tat-telefon li tircievi SportMalta u li jinkorpora fih l-ispiża tal-erba’ faċilitajiet tagħha u tal-head office flimkien. Intant, infurmat li l-ispiża tat-telefon ta’ SportMalta, sena b’sena bejn is-sena 2010 u llum, kienet kif se nsemmi: 2010: €8,031.32 2011: €12,979.55 2012: €21,520.41 2013: €19,715.10 2014: €8,234.44 2015: € 10,630.34 2016 (sal-5 ta’ Marzu 2016): € 1,771

SportMalta — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-assistenzi minn skemi varji ta’ SportMalta li qabżu l-għaxart elef ewro mis-sena 2010 sal-lum? Min kien li bbenefika minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar in-numru ta' assistenzi minn skemi varji ta' SportMalta li qabżu l-għaxart elef ewro mis-sena 2010 sal-lum, u min ibbenefika minnhom, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.