Legislature:
Category:
Reset
Active:

Luxol Stadium

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 20339 u 20415 u jgħid billi l-Luxol Stadium ġie inawgurat uffiċjalment dan l-aħħar, meta nħarġulu l-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-pitch bl-artificial turf li gie inawgurat uffiċjalment ma kienx jeħtieġlu permess mill-MEPA. Sadanittant il-MEPA approvat l- applikazzjoni PA 01719/06 biex jiġi sanzjonat bini ta' store u changing rooms kif ukoll entratura ġdida u żieda ta' ħitan fil - Luxol Football Ground, Triq Falaise, Pembroke

Pieta' — Żbir ta' Siġar

Question

Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li jinżabru s-siġar li jinsabu fi ġnien Sa Maison kif ukoll dawk fi Triq ix-Xatt, Pieta', liema siġar qed jikkaġunaw inkonvenjent sostanzjali lir-residenti li joqogħdu f'din it-triq, u dan peress li huma goffi ħafna, kif ukoll il-weraq li jaqgħu minnhom qed joħonqu t-toroq, btieħi, gallariji, bjut u anke jsoddu l-katusi u l-gullies?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ż-żbir tas-siġar li jinsabu fi ġnien Sa Maison, kif ukoll dawk fix-Xatt, il-Pietà, dejjem jinżabru u ser jibqgħu jinżabru regolarment skond l-iskeda stabbilità fl-iskema tas-Sezzjoni ta’ l-Arborikultura ta’ l-Environmental Landscapes Consortium (ELC), il-kuntratturi responsabbli minn dan ix-xogħol

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-pjani lokali ġew retroattiva fuq applikazzjonijiet pendenti fil-MEPA? Jista' għid għaliex saħansitra diversi applikazzjonijiet li nħarġulhom rapport mill-case officer u r-rakkmandazzjoni ġie informat biha l-applikant, reġgħu ġew re-assessed mill-ġdid? Ma jaħsibx il-Ministru li wara 15-il sena dewmien din id-deċiżjoni se taffetwa diversi persuni li laħqu għamlu l-investiment tagħhom fuq policies ta' dak iż-żmien? Ma jaħsibx li se jittieħdu deċiżjonijiet inkonsistenti mill-bordijiet tal-MEPA fuq dawn l-applikazzjonijiet pendenti u se ssir inġustizzja bla bżonn ma' dawn in-nies? Ma jaħsibx li kien ikun aktar opportuni li l-pjani lokali jiġu implimentati fuq applikazzjonijiet ġodda li daħlu wara d-data ta' l-approvazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li għall-policies BEN4 u BEN5 u SET 8 u SET9 tal-Pjan ta' Struttura, liema pjan għandu is-saħħa ta' Liġi. Dawn il-policies partikolari jitkellmu fis-sens ta' applikazzjonijiet fl-“interim period between the commencement date of the Structure Plan and the adoption of any particular Local Plan” għandhom jiġu rifjutati jekk ikunu ser “compromise the objectives of the review forming part of the Local Plan preparation “(BEN 4). Il-provvedimenti ta’ l-artikoli 18 u 33 ta’ l-Att Dwar l-Ippjanar ukoll jitkellmu car fis-sens li emenda għall-Pjan ta’ Struttura jew Pjan Lokali bl-ebda mod ma tistà tneħħi xi dritt vestit minhabba permess approvat qabel dik l-emenda. Għaldaqstant, applikazzjoni sottomessa qabel l-approvazzjoni ta’ Pjan Lokali, kuntrarju għall-permess, ma tagħti l-ebda dritt vestit lill-applikant. Il-Qrati tagħna, u b’mod partikolari l-Onorabbli Qorti ta’ l-Appell ukoll dejjem kienu ċari f’dan ir-rigward, u cioè illi l-policy applikabbli hija dik viġenti u valida fil-mument tad-deċiżjoni u mhux fil-mument ta’ l-applikazzjoni Huwa fatt magħruf u aċċettat illi kull Pjan Lokali li jsir kif ukoll kull Pjan Lokali li jiġi rivedut ser b’xi mod jbiddel xi aspetti u policies ta Pjani jew regolamenti preċedenti, u għaldaqstant kull persuna illi ħija sid tà propjetà taf illi l-istatus, mill-aspett tà Ippjanar tà dik il-propjetà, huwa dejjem suġġett għal dak li jistà jipprovdi Pjan Lokali jew reviżjoni tà l-istess Pjan Lokali. Il-Pjan Lokali huma proprju intiżi biex ikun hemm konsistenza, u għalhekk huwa importanti illi jkun hemm data preċiża minn meta jkun ser japplika il-Pjan Lokali il-ġdid. Certament illi fejn inbiddlu ċertu policies, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu determinati skond il- policies il-ġodda u għaldaqstant ma teżisti l-ebda inkonsistenza. Sadanittant il-Gvern qed isegwi s-sitwazzjoni anke mà l-istakeholders sabiex jeżamina soluzzjonijiet li filwaqt li jieħdu konjizzjoni tà l-aspetti legali jippruvaw itaffu l-impatt negattiv li setà kien hemm fuq ċertu applikazzjonijiet.

MEPA — Predominat Height Limitation

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-policy tal-MEPA dwar il-predominat height limitation f'diversi toroq mhux qed tiġi attwata fis-ċentral zone Malta local plan kif finalizzat, filwaqt li fi pjani lokali oħrajn qed tiġi attwata? Ma jaħsibx li din hija ikkonsistenza meta f'diversi każi hemm commitments ċari min-naħa tal-MEPA li ma jistgħux jiġu injorati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kunċett ġenerali fil-pjanijiet lokali kollha kien li jiddipartixxi mill-kunċett tal-predominant height. Biss kien hemm ċirkostanzi fejn kellha ssir referenza għall-predominant height minħabba s-sitwazzjonijiet partikolari li żviluppaw matul is-snin. Dan ġara l-aktar fl-Urban Conservation Areas ta' xi pjanijiet lokali. Minkejja dan, il-proviżjonijiet tal-pjanijiet lokali jagħmlu referenza għall-għoli ta' bini partikolari fuq il-mapep bħala punt ta' referenza. Il-pjan lokali jirriflettu is-sitwazzjonijiet differenti ta' nħawi differenti kif abbinati mas-sitwazzjonijiet partikolari ta’ l-ippjanar kif żviluppaw matul is-snin. Għalhekk kien pertinenti li dawn il-varjazzjonijiet jiġu riflessi fil-pjanijiet lokali differenti. Hemm ukoll pjan lokali li jagħmlu eċċezzjonijiet jew varjazzjonijiet fl-istess pjan lokali biex jirriflettu ċ-ċirkustanzi tal-lokalità jew lokalitajiet partikolari.

Mellieħa — Slipway

Question

Jaf il-Ministru li wara t-Tunny Net, Mellieħa hemm slipway li hi mimlija b'ruxxmata imbarazz konsistenti f'biċċiet ta' dgħajjes u imbarazz ieħor? Ma jaħsibx li dan iħalli impatt negattiv u qed ikun ta' inkonvenjent għal kulmin għandu xi proprjeta' hemmhekk? Ma jaħsibx li huwa l-waqt li l-gvern jieħu ħsieb li jneħħi l-imbarazz minn din l-islipway?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jiena nfurmat li wara t-Tunny Net ġewwa l- Mellieħa hemm numru ta’ slipways. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi ghall-iskall li jinsab eżattament wara t-Tunny Net, fuq dan l-iskall hemm trailers ta’ dgħajjes li huma regolarment irreġistrati, dgħajjes oħra li huma rreġistrati mà registri oħra tal-Marittima u dgħajsa ta’ l-injam misjuba l-baħar li għada oġġett ta’ procediment legali. Id-diffikulatjiet fuq dan l-iskall ikomplu jiżdiedu fis-sajf bin-numru ta’ karrijiet ta’ dgħajjes oħra li jitniżżlu minn hemm. Dan l-iskall huwa oġġett tà diskussjoni bejn it-Taqsima tas-Sajd, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u s-sajjieda u d-dilettanti li jaghmlu uzu minnu. Id-diskusjonijiet huma intizi biex jinstabu metodi tà maniġġ aħjar ta’ dan l-iskall.

Industrija tat-Turiżmu — Skart Solidu

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart solidu li nġabar mill-industrija tat-turiżmu matul is-sena li għaddiet? Jista' jagħti klassifikazzjoni ta' minfejn inġabar dan l-iskart, eżempju lukandi, cruiseliners, eċċ.?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' skart solidu li nġabar mill-industrija tat-turiżmu minn lukandi u ristoranti matul is-sena li għaddiet kien ta' 11,705 tunnellata. Fir-rigward ta' cruise liners l-ammonti huma inklużi ma’ dawk ta’ l-iskart solidu li jinġabar mid-djar. Dan peress li l-kuntrattur li jiġbor dan l-iskart jagħmel dan bħala parti mid-distrett fejn għandu kuntratt ta' ġbir.

Dokument dwar Marine Discharges in Malta

Question

Jista' il-Ministru jippreżenta kopja tad-dokument fuq cd "Assessing the Impact of Compliance with CD 76/464/EEC and other related water quality directives with reference to marine discharges in Malta" li kien sar għall-Ministeru ta' l-Ambjent fit-30 ta' Novembru, 2000?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan id-dokument kemm xejn voluminuż jinsab aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-website ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Pwales

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20303 u jgħid fejn wasal il-proċess ta' assessjar ta' l-impjant tat-triq proposta fil-Pwales fuq l-ilma ġieri u l-ilma ta' taħt l-art u l-għelieqi fl-inħawi, liema triq hija ppjanta biex ittaffi l-konġestjoni tat-traffiku mit-telgħa tax-Xemxija? X'tip ta' studji ta' impatt ambjentali qed isiru fuq din it-triq proposta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ikkummentat fuq il-proposti li għamlu l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT). F’dan l-istadju, l- Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tistenna proposti alternattivi mill-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) dwar dawn il-kummenti. Wara li l- Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) teżamina l-alternattivi ppreżentati mill- Awtorità dwar it-Trasport (ADT), l- Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tkun tista’ tipproċessa l-proposta billi tirrikjedi studji ambjentali fejn ikun hemm bżonn.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-ħatra li għandha persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fil-ministeru jew fl-istrutturi li jaqgħu taħt dan il-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata tokkupa l-kariga ta’ Direttur fid-Direttorat għall-Politika u l-Inizjattivi Ambjentali u tirraporta direttament lis-Segretarju Permanenti.

Luxol Stadium

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20336 u jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex il-Luxol Stadium ma jingħatawx il-permess mitlub biex jużaw, u kif diġa' qed jagħmlu, l-entrance il-ġdid ġewwa Falaise Road, St Andrews minħabba l-inkonvenjent ta' parking u tinġis u storbju li qegħdin spiss jikkawżaw lir-residenti ta' l-inħawi, liema inkonvenjent ma kienx jeżisti meta d-dħul kien qrib il-Parada Ground f'Alamein Road fejn kien hemm ħafna spazju għall-parking?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kwistjoni ta’ l-aċċess f’dawk it-toroq trid tintrabat mal-proposta ta’ l-Awtorità dwar it-Transport (MTA) għal Triq Sant’ Andrija (TEN-T Project).

Luxol Stadium

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20339 u jgħid billi l-Luxol Stadium ġie inawgurat uffiċjalment dan l-aħħar, meta nħarġulu l-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni tingħata f’Seduta oħra.

Impjant ta' Sant'Antnin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19978 u jgħid: Kemm kienet l-ispiża totali maħruġa mill-gvern u/jew mill-enti kollha konċernati biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perijodu 2002-2005; Kemm kienet l-ispiża mill-istess gvern u/jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skart jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perijodu; It-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antin matul l-istess perijodu; Il-volum ta' kull xorta ta' skart; Jekk l-iskart ta' Għawdex tul dan l-istess perijodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antin u l-ispiża involuta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 20349 li huwa stess għadu kif għamel.

Produzzjoni ta' l-għeneb

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa li jipproduċu l-għeneb għall-industrija li għadhom ma tħallsux l-għajnuna finanzjarja dovuta lilhom għal kull tomna ta' dwieli li jikkultivaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika x'tip ta' għajnuna qiegħed jirreferi għaliha u jekk huwiex jinkludi dawk li ma kinux eliġibbli għall-għajnuna partikolari.

Bdiewa — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa li matul l-2005/2006 ġew rifjutati milli jieħdu għajnuna finanzjarja abbażi tat-talbiet li għamlu? Kemm kienu Maltin u kemm kienu Għawdxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema għajnuna qed jirreferi.

Trobbija tal-fniek

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20181, jista' il-Ministru jindaga kemm ġie importat għalf/ġwież għat-trobbija tal-fniek biex b'hekk wieħed ikun jista' jkollu xi kalkolu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li informazzjoni dwar l-ammont ta' għalf kompost biex jiġi mitmugħ lill-fniek li ġie impuratat f’dawn l-aħħar ħames snin ma jistax tingħata għax il-Customs Tariff Codes ma jiddistingwux bejn għalf għall-fniek, għalf iddestinat għal speċi oħrajn u materjali li jintużaw biex jinħadem l-għalf kompost. Madankollu, il-figuri ta' l-ammont ta' għalf lest u materjali li minnhom jinħadem l-għalf kompost li ġie impurtat f' Malta u li jinkludi wkoll għalf/ġwież lest għall-fniek matul is-sena 2003 sa issa huma kif ġej: Sena Kwantità f'Tunnellati Metriċi 2003 - 9,250 2004 - 8,878 2005 - 2,599 2006 - 4,072

Mtarfa — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskola primarja Dr Godwin Ganado ta' l-Imtarfa hux skedata jew le? Jekk fl-affermattiv, f'liema grad?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-binja hi waħda minn dawk fil-lista li fuqhom qed isir studju.

Luxol Stadium

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex il-Luxol Stadium ma jingħatawx il-permess mitlub biex jużaw, u kif diġa' qed jagħmlu, l-entrance il-ġdid ġewwa Falaise Road, St Andrews minħabba l-inkonvenjent ta' parking u tinġis u storbju li qegħdin spiss jikkawżaw lir-residenti ta' l-inħawi, liema inkonvenjent ma kienx jeżisti meta d-dħul kien qrib il-Parada Ground f'Alamein Road fejn kien hemm ħafna spazju għall-parking?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Regolamenti tal-kaċċa u l-insib

Question

Peress li kemm qabel kif ukoll wara d-dħul ta' Malta fl-Unjoni il-gvern wiegħed li r-regolamenti tal-kaċċa u l-insib mhux se jinbidlu u dan bi ftehim ma' l-Unjoni Ewropea, għaliex issa l-Unjoni Ewropea qed tgħid li l-kaċċa trid tieqaf fir-Rebbiegħa u l-insib is-sena kollha? X'inhi eżattament il-pożizzjoni llum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 20064.