Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fil-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ?
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 281.
Nassigura lill-Onor. Membru li kwalunkwe trasferimenti li jistgħu jsiru fil-futur ikunu skond l-eżiġenzi tas-Servizz.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jżomm il-policy adottata mill-Amministrazzjoni preċedenti fir-rigward tal-casual social assistants, jiġifieri li jaħdmu b'sistema ta' perjodu ta' żmien f'day centre u perjodu fil-komunita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-amministrazzjoni preċedenti ma kellha l-ebda 'policy' fir-rigward tal-'casual social assistants' li dawn jaħdmu b'sistema ta' perjodu ta' żmien fid-'Day centre' u perjodu fil-Komunita'. Kull ma sar fi żmien ta' kważi sentejn ta' amministrazzjoni laburista kien biss eżercizzju biex inqalaw mid-'Day Centres' C.S.A.'s u daħlu oħrajn f'lokhom abbażi biss ta' politika partiġġjana.
17.11.98
Persuni bi bżonnijiet speċjali — Dħul f'day centres
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni bi bżonnijiet speċjali jistennew biex jidħlu f'xi day centre jew dar residenzjali, lokal b'lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni bi bżonnijiet speċjali li qed jistennew biex jidħlu f'xi 'day centre', ossija f'xi ċentru tat-taħriġ għall-adulti huwa hekk:
Iċ-Ċentru ta' Fleur-de-Lys - 11
Iċ-Ċentru ta' l-Imtarfa - 6
Iċ-Ċentru ta' Ħal-Far - 4
Iċ-Centru ta' Wied il-Għajn - 12
----
33
17.11.98
Sptar San Vincenz de Paule — Anzjani fil-waiting list
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fil-waiting list għad-dħul f'St Vincent de Paule u fid-djar ta' l-anzjani? Kemm inqdew mill-5 ta' Settembru 1998? Jista' l-Ministru jipprovdi lista?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-'waiting list' għar-Residenza San Vinċenz, f'Ottubru kien hemm 672 persuna, filwaqt għad-Djar ta' l-Anzjani kien hemm 573 persuna.
Mill-5 ta' Settembru sat-28 t'Ottubru fir-Residenza San Vinċenz daħlu 43 persuna filwaqt li fid-Djar ta' l-Anzjani daħlu 6 persuni. Mhux etika li tingħata lista ta' persuni.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk flat, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, jistax jinxtara minn min qiegħed jabita fih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
S'issa l-Awtorita' tad-Djar ma rċevitx talba għax-xiri ta' dan il-fond.
Għaldaqstant, dan il-kerrej hu mitlub li japplika taħt Skema 'I' biex l-Awtorita' tad-Djar tkun lesta titlob l-awtoriżazzjoni tal-Kummissarju ta' l-Artijiet għall-bejgħ ta' dan il-fond.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni qegħdin jistennew li tinħadmilhom il-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali? Minn meta jibda dan il-case-load? X'passi qiegħed jieħu d-dipartiment sabiex jitħaffef il-proċess tal-N.I. pension lil dawk li għalqu l-61 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xi Pensjoni Kontributorja huwa ta' 546. Din il-figura hija maqsuma f'37 applikazzjoni għal Pensjoni għar-Romol; 119 għal Pensjoni għal Invalidita' u 390 għal Pensjoni għal min jirtira.
Fir-rigward tal-Pensjoni għar-Romol ma hemmx backlog imma s-37 applikazzjoni huma applikazzjonijiet ġodda li daħlu fid-Dipartiment riċentement. Hija policy tad-Dipartiment f'dawn il-każi li l-pagament tal-Pensjoni għar-Romol isir mill-aktar fis possibli u fil-maġġoranza tal-każi din tkun mħallsa sad-data tal-pagament ta' dawn il-pensjonijiet li jkun jmiss wara li din l-applikazzjoni tkun daħlet fid-Dipartiment.
Fir-rigward tal-Pensjoni għall-Invalidita' jrid jingħad li minn dawn il-każi madwar 30 applikazzjoni huma pendenti biex jidhru quddiem panel mediku - 26 huma pendenti biex jibda l-proċess ta' l-applikazzjoni u l-kumplament ta' 63 każ għandhom ikunu mħallsa mall-pagament li jmiss tal-Pensjonijiet għal Invalidita' fl-aħħar ta' dan ix-xahar. Fir-rigward tal-każi pendenti quddiem il-panel mediku, dawn mistennija li jitlestew minn dan il-proċess sa ħmistax oħra.
Fir-rigward ta' Pensjonijiet għal min jirtira jien infurmat li billi l-proċedura hija li persuna tapplika għal Pensjoni tlett xhur qabel ma tilħaq l-eta' tal-Pensjoni, l-maġġoranza tal-każi pendenti huma ta' persuni li għadhom ma laħħqux l-eta' tal-pensjoni. Ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment kontinwament u fejn possibli qiegħed jirevedi l-policies tiegħu fir-rigward tal-proċess ta' applikazzjonijiet għal pensjoni. Infatti fil-bidu ta' dan ix-xahar ġie rivedut il-proċess fil-każi ta' applikazzjonijiet ta' persuni li jinpjegaw lilhom infushom. Bil-proċess il-ġdid huwa ttamat li d-dewmien li f'każijiet kienet tlaħħaq ix-xhur issa hu mistenni li jitħaffef aktar għal-benefiċċju ta' dawn il-persuni.
17.11.98
In vista ta' l-esproprjazzjoni tal-Gvern ta' biċċa art ta' 191m.k. fl-Imsida kontrada ta' Xmiexi li tmiss minn nofsinhar ma' triq pubblika majjistral ma' ġid ta' Joseph Mallia u grigal ma' ġid tal-familja Fenech u oħrajn skond dikjarazzjoni tal-President tas-26 ta' Ġunju, 1990 (Avviż Nru. 481); u
In vista tal-ħtieġa li t-triq tinfetaħ, jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex il-persuna li qed tokkupa 2, Triq San Alwiġi, Msida fejn qegħda din l-art jingħata akkomodazzjoni alternattiva?
Meta jaħseb il-Ministru li din it-talba tiġi milqugħa u mwettqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandu l-ebda talba biex joffri akkomodazzjoni alternattiva lir-residenti tal-post indikat.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li joħorġu applikazzjonijiet għal social workers? Hemm xi pjanijiet biex is-social workers li hemm fid-dikasteru tiegħu jingħataw korsijiet ta' refresher courses?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nieħu pjaċir ninforma lill-Onor. Membru li, wara t-taqtiegħ ta' qalb li kellha tgħaddi minnu l-Aġenzija 'Social Welfare Development Programme' minħabba r-riżorsi finanzjarji limitati li kien allokalha l-Gvern preċedenti għas-sena 1998 u wara li din il-problem ġiet rimedjata mill-Amministrazzjoni preżenti, diġa tajt l-awtorita' sabiex l-SWDP tkun tista' tingaġġa numru ta' 'Social Workers'. Huwa ppjanat ukoll li, fil-ġejjieni qarib, id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' 'Social Worker'.
'Refresher courses' għas-'Social Workers' isiru fuq bażi regolari.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżommu milli jressaq il-Liġi li kien diġa' sar l-ewwel qari tagħha, jiġifieri Opportunitajiet Indaqs (persuni b'diżabilita') fil-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern mhux ser jagħmel bħal Gvern preċedenti u jaħli sentejn biex iġib din il-liġi quddiem il-Parlament.
Bhalissa qed jitħejja dak kollox li hemm bżonn biex l-abbozz jitressaq qabel l-aħħar ta' din is-sena.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qiegħed isir sabiex jiġi ffinalizzat ix-xogħol ta' l-amministrazzjoni Laburista dwar l-emendi fil-liġijiet taċ-CERA u l-IRA? Jista' jagħti indikazzjoni ta' meta beħsiebu jressaq dawn iż-żewġ liġijiet għall-ewwel qari fil-Parlament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet dwar tibdil fil-Liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali u fiċ-Ċera, ilhom li bdew minn żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista ta' qabel l-1996.
Kif kelli l-okkażjoni li ngħid pubblikament, dan il-Gvern hu determinat li jwassal dawn id-diskussjonijiet għal konklużjoni b'abbozz ta' Liġi li jitressaq għad-diskussjoni quddiem dan il-Parlament.
Tlabt lill-imsieħba soċjali miġbura fl-MCED, biex jibgħatuli l-proposti konkreti tagħhom.
17.11.98
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sezzjoni tal-ħlasijiet tal-mard li qegħda titħaddem mid-Dipartiment f'Għawdex, u meta se tiġi up-to-date u dawk li jkunu biċ-ċertifikati ma jibqgħux tliet xhur jew aktar mingħajr ħlas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li s-sezzjoni tad-Dipartiment tas-Siġurta' Soċjali li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru ġiet trasferita Għawdex bl-għaġġla ftit ġranet qabel l-aħħar Elezzjonijiet Ġenerali u qabel ma laħaq twettaq il-programm ta' taħriġ kollu li kien hemm maħsub għall-impjegati konċernati. B'danakollu, it-taħriġ ta' dawn l-impjegati qed jitkompla f'Għawdex stess.
Ta' min isemmi wkoll li l-proċess li jwettqu dawn l-impjegati issa ġie kkomputeriżżat u għalhekk dawn l-impjegati jinħtieġu aktar taħriġ anke f'dan il-kuntest. Nittama li fi żmien qasir, is-sezzjoni tkun f'qagħda li tħallas il-benefiċċju fi żmien inqas minn dak li normalment kien maħtieġ bis-sistema manwali ta' qabel.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jieħdu l-pensjoni tad-diżabilita' u kemm minnhom qed jirċievu l-blind pension?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni f'pajjiżna li jibbenefikaw minn pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali bħala persuni b'diżabilita', huwa ta' 1,898.
Minn dawn 112 huma persuni li jbatu minn nuqqas ta' dawl.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern beħsiebu li jwettaq il-wegħda elettorali tiegħu li jagħmel lil dawk reġistrati bħala impressed tal-post mal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassigura lill-Onor. Membru li dan il-Gvern il-wegħdiet elettorali tiegħu bi ħsiebu jonorhom u jwettaqhom. Id-deċiżjonijiet li diġa ttieħdu jew li ser jittieħdu f'dawn l-ewwel ftit xhur ta' din l-Amministrazzjoni huma xhieda ta' dan l-impenn.
17.11.98
Jista' l-Ministru jindika jekk il-Gvern huwiex se jinvesta fil-bini ta' housing estates ġodda u jekk fl-affermattiv, fejn hu ppjanat li dawn l-estates jinbnew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għanda artijiet biex tkompli għaddejja bil-proġetti tal-bini ta' flats u maisonettes f'diversi inħawi madwar Malta u Għawdex. Ta' min isemmi ukoll il-proġett ta' Pembroke fejn fis-snin li ġejjin għandhom jinbnew madwar 350 units fl-ewwel fażi tal-proġett.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex se jieħu ħsieb jimmodernizza l-estates tal-gvern l-antiki billi jinstalla lifts fejn m'hemmx, ibiddel u jirranġa xogħol tal-ġebla u jipprovdi street furniture fejn m'hemmx jew fejn hemm bżonn li tinbidel? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex beħsiebu jiddedika flus għal dan l-iskop?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward il-lifts, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għal PQ Nru 409. Rigward xogħol ta' 'landscaping' u 'street furniture', ninforma lil Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għaddej bi programm ta' żviluppar ta' ġonna f'Oqsma ta' Djar. Fil-fatt bħalissa għaddej xogħol fil-'housing estates' tal-Fgura, Gudja, Ħal Għaxaq, tal-Pieta' u l-Furjana.
17.11.98
Jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm hemm plots fiż-Żurrieq li mhumiex żviluppati li huma proprjeta' tal-Joint Office; 2) jekk dawn il-plots humiex se jiġu allokati jew inkella żviluppati u wara allokati; 3) jekk dan il-proċess huwa pendenti, dawn l-istess plot se jiġu mdawra b'ħitan bħalma ġew imġiegħla jagħmlu sidien ta' plots oħra fl-istess lokalita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
17.11.98
Jista' l-Ministru jindika x'tip ta' sussidji qed jingħataw u x'miljoramenti qegħdin jiġu proposti għall-futur bħala inizjattiva għall-privat sabiex jikri l-proprjeta' tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-preżent qed jingħata sussidju fuq il-kera sa massimu ta' Lm215 biex tħajjar nies jikru mingħand il-privat. Tlabt lill-Awtorita' tad-Djar biex isir studju kif dan jista' jiġi mtejjeb b'mod li jibbenefikaw dawk il-familji li l-aktar għandhom bżonn.
Bħalissa għaddej studju fuq skema biex tħajjar sidien ta' postijiet vojta tal-privat jikru dawn il-postijiet lill-Maltin.
17.11.98
In vista tad-dikjarazzjoni magħmula mill-Ministru fis-sens li l-problema tal-housing hija tant kbira li l-Gvern lanqas għandu djar biex jospita dawk il-każi fil-bżonn, jista' l-Ministru jgħid: (1) Kif sejjer il-Gvern jirrisolvi din il-problema; (2) X'se jkunu l-kriterji li bihom dawk il-units disponibbli jitqassmu; (3) Fejn huwa maħsub li jiġu mibnija u allokati units ġodda; (4) Jekk din l-allokazzjoni hijiex se tkun waħda assoluta jew inkella b'kera jew b'enfitewsi temporanja; (5) Kemm, jekk se jkun hemm, se jkun hemm units allokati lil nies bi bżonnijiet speċjali; (6) Kemm, jekk se jkun hemm, se jkunu allokati għal single parents; (7) Kemm, jekk se jkun hemm, allokati lil ġuvintur u xebbiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-problema ta' l-akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna mhux se ssolvi ruħha sempliċiment bl-iżvilupp ta' aktar 'units', għalkemm dan l-iżvilupp jibqa' element importanti. Kif diġa' għidt drabi oħra, hemm bżonn reviżjoni ntelliġenti tal-liġijiet tal-kera u inizjattivi oħra.
B'danakollu rrid ngħid li l-Awtorita' tad-Djar għandha program ta' bini biex tgħin tittaffa din l-problema. Dan il-bini jinstab f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex.
S'issa l-intenzjoni hi li l-allokazzjonijiet isiru kemm b'titolu ta' kera kif ukoll taħt titolu ta' bejgħ assolut.
Kif tagħmel f'kull sejħa għall-applikazzjonijiet għal postijiet ġodda, l-Awtorita' tad-Djar tirriserva ammont minnhom kemm għal persuni b'disabilita' kif ukoll 'single parents', oltre kategoriji oħra.
Fir-rigward ta' allokazzjoni lill-guvintur u xebbiet, il-Board il-ġdid ta' l-Awtorita' tad-Djar ser jikkonsidra dan il-fatt.
17.11.98
Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Talbiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu talbiet pendenti quddiemu bħalissa d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għall-akkomodazzjoni alternattiva? Kemm minnhom jikkonċernaw single parents?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward Mistoqsija Parlamentari Nru. 1151 l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
17.11.98