Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22130 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kif se tinħadem is-sistema tal-leasing tal-hardware ta' l-IT għall-iskejjel governattivi skond il-budget 2007? Il-MITTS se jkunu u/jew diġa' huma involuti fil-proċess?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-MITTS Ltd għadha qed tevalwa l-aspetti kollha ta' dan il-proċess u għaldaqstant il-mudell li ser jintuża għadu ma' ġiex deċiż.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm fabbriki fiż-żona industrijali ta' Ricasoli? Kemm minnhom ingħataw post alternattiv u kemm għadhom jistennew jew addirittura ma ngħatawx?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-fabbriki kollha (18) li ghadħom joperaw fiż-żona industrijali ta’ Ricasoli, kollha gew mogħtija post alternattiv.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inbigħu biljetti mill-Gozo Channel Co għas-servizz tal-baħar bejn Għawdex u Malta, xahar xahar minn Marzu 2005 'il hawn minn:
passiġġieri residenti f'Għawdex bla vettura;
passiġġieri residenti f'Għawdex bil-vettura;
passiġġieri residenti Malta bla vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri barranin;
passiġġieri residenti Malta bil-vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri barranin;
passiġġieri barranin bla vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri residenti Malta;
passiġġieri barranin bil-vettura għas-snin li t-tariffa kienet differenti mit-tariffa tal-passiġġieri residenti Malta; u
passiġġieri residenti Malta u passiġġieri barranin għas-snin li t-tariffa kienet l-istess?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Minsitru jgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il darba s-sentini tal-pumping stations tad-drenaġġ ta' Malta u Għawdex ġew imnaddfa mill-materjal solidu li jinġabar fihom biex il-pompi jkunu jistgħu jaħdmu bil-potenzjal massimu tagħhom flok jibqa' jiġri kif qed jibqa' jiġri bi żbruffar ta' drenaġġ f'inħawi bħal tal-Gżira u Tas-Sliema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Matul din is-sena saru intervisti ta' l-impjegati tad-drenaġġ mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex ikun hemm titjib fil-gradi u biex isiru team leaders? Xi kriterji tħaddmu biex jingħataw il-marki l-ħaddiema? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' l-impjegati u l-marki li ġabu fl-intervisti u fuq liema bażi ngħataw dawn il-marki?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-kriterji li ntużaw biex jingħataw il-marki fl-intervisti ta’ min applika biex jinħatar Team Leader fis-sezzjoni Wastewater tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma kienu, Suitability, Experience u Qualifications.
Il-bażi li fuqhom ingħataw il-marki huma mqassmin fi 30% Suitability, 40% Experience u 30% Qualifications.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista sħiħa tal-ħaddiema li applikaw u l-marki li ngħataw kif ippublikata fuq in-'notice board' tal-KSI.
Matul din is-sena, kemm-il darba fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma gie organizzat taħriġ ta' multi-skilling għall-ħaddiema tat-taqsima tad-drenaġġ? Kemm ħadu sehem f'dan it-taħriġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporażżjoni għas-Serviżżi ta' l-Ilma tagħti taħriġ lill-ħaddiema kollha tat-taqsima tal-Wastewater (drenaġġ) dwar is-saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol kif ukoll taħriġ dwar customer care. Jingħata taħriġ ieħor ta’ diversi tipi permeżż ta’ korsijiet li jkunu miftuħa għal kull min ikun interessat u japplika.
S’ssa għadu mhux qed jsir taħriġ speċifiku ta’ multi-skilling għal ħaddiema fis-seżżjoni tal-
Wastewater
.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21413, 21607 u 21744 u jgħid kemm kien id-dħul tal-korporazzjoni Enemalta fuq is-surcharge tad-dawl u l-ilma matul din is-sena separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru.22078.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22073 u jgħid x'inhi r-raġuni illi l-PBS mhuwiex iżomm l-impenn tiegħu biex jipprovdi regolament l-SBTV Station fl-Awstralja bl-aħbarijiet minn Malta kif miftiehem? Każ tipiku reġa' ġara nhar il-Ħadd 12 ta' Novembru, 2006. Possibbli li l-cassette koċernat ma jistax jitwassal fi żmien ħamest ijiem?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li l-PBS qed iżżomm l-parti tagħha ta’ l-impenn għaliex il-Cassette jinġabar mingħand il-PBS mill-Couriers tat-TNT kull nhar ta’ Ġimgħa qabel nofsinhar u tlett ijiem wara jasal Sydney biex l-aħbarijiet jixxandru l-Ħadd ta’ wara.
Fil-każ imsemmi, il-cassette inġabar mill-uffiċċju tal-PBS, il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru qabel nofsinhar. Skond it-Trace and Track facililty tal-Couriers tal-PBS, li huma TNT, il-cassette telaq minn Malta u wasal Sydney fis-6 ta’ Novembru 2006. Pero minn informazzjoni li għandna l-couriers tat-TNT fl-Awstralja wasslu l-cassette għand l-SBS nhar l-14 ta’ Novembru 2006.
Għalhekk peress li l-couriers wasslu l-cassette għand l-SBS tard, l-Aħbarijiet tal-Ħadd 12 ta’ Novembru, 2006 ma xxandrux.
Infurmat ukoll li l-PBS talbet spjegazzjoni mingħand it-TNT u dawn minn naħa tagħhom wieġbu li dan kien kaz ġenwin ta' żball uman u wegħdu li se jagħmlu dak kollu neċessarju biex is-sitwazzjoni ma terġax tirrepeti ruħha. Il-PBS jinnota li s-servizz s’issa kien sodisfaċenti u f’dan l-istadju ma jarax il-bżonn ta azzjoni ulterjuri.
Jista' il-Ministru jara li ssir xi ħaġa dwar transfer ta' ħaddiem li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li hemm konċernat persuna fuq każ mediku? Jista' dan is-sinjur jiġi informat bl-aħħar żviluppi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma se tistħarreġ l-każ u jekk iċ-cirkostanzi tax-xogħol jippermettu tara tinstabx soluzzjoni.
Tarzna ta' Malta — Ħaddiema ta' nazzjonalita' barranija
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema barranin li ħadmu fit-Tarzna ta' Malta fl-2005 u fl-2006? X'kienu s-snajja' li ħadmu? X'kien l-ammont ta' flus li tħallsu dawn il-ħaddiema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinvestiga u jara x'inhi r-raġuni li, għad li twaħħlu żewġ lampi u cioe' waħda fi Triq San Bartilmew u l-oħra fi Triq Nardu Sacco fiż-Żurrieq, u għad li ilhom aktar minn sitt xhur li twaħħlu, dawn sal-lum għadhom ma nxtegħlux?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li biex jinxtegħlu l-lampi msemmija kien meħtieġ li l-linji jiġu estiżi għal fuq dawn iż-żewġ arbli. Dan ix-xogħol huwa lest u l-lampi attwalment inxtegħlu.
Jista' il-Ministru jinvestiga u jara x'inhi r-raġuni li Triq il-Knisja (cioe' li tagħti għal fuq il-menqa ħdejn il-Gillieru) San Pawl il-Baħar, dejjem bl-ilma jiskula għal ġo fiha u għad li jsiru r-rapporti l-ebda azzjoni ma tittieħed?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-każ imsemmi ilu jiġi studjat bir-reqqa mill-KSI għal numru ta’ xhur. Wara ħafna testijiet fuq l-ilma li kien qiegħed jiskula, l-KSI ikkonkludiet li l-ilma ma kienx ġej minn xi sorsi tagħha.
Skond rapport iddettaljat li l-Korporazzjoni kienet bagħtet f’Awissu li għadda, kemm lill-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll lil xi residenti li kienu qed jilmentaw, il-ġejoloġija ta’ l-inħawi kollha ta’ San Pawl il-Baħar u tal-madwar, tikkonsisti f’ħafna rqajja ta’ saffi ta’ tafal. Dan ifisser li ilma ġieri jista’ jkun ġej minn sorsi naturali minn ħafna bogħod.
Minkejja li t-testijiet li saru kienu juru biċ-ċar li l-ilma mhux tal-KSI, il-Korporazzjoni ma eskludietx il-possibilita’ li xi darba fil-futur seta’ jkun hemm xi tnixxiegħa ta’ ilma li jirriżulta minn xi ħsara fis-sistemi tagħha.
Fil-fatt jidher li dan l-aħħar ġara propju hekk, u l-ilma li kien ittestjat fl-14 ta’ Novembru jixbaħ lil dak tal-KSI. Jidher li dan l-ilma qed jitħallat ma l-ilma li diga’ kien ilu joħroġ.
Bħalissa qed isiru testijiet ta’ tfittix bir-reqqa biex jekk hemm xi ħsarat, dawn jinstabu u jissewwew. Dan ma jfissirx li l-ilma se jieqaf għal kollox minħabba ir-raġuni li ssemmiet qabel.
Jirriżulta li fl-aħħar tlett xhur kien hemm żbruffar ta' drenaġġ fil-bajja tax-Xemxija peress li qed ikun hemm intiena qawwija ta' drenaġġ fl-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li meta tagħmel xita qawwija s-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi ma tlaħħaqx għalhekk ikun hemm żbruffar. Il-Korporażżjoni għas-Serviżżi ta’ l-Ilma għaddejja bi programm ta’ bdil tal-infrastruttura (mains u pompi) tad-Drenaġġ mill-Pwales sa`-Ċumnija, fil-Mellieħa biex din il-problema tkun solvuta darba għal dejjem. Dan ix-xogħol mistenni li jkun lest sa nofs is-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet ta' l-Enemalta dwar il-gassijiet/irwejjaħ li residenti ta' Triq it-Tfief, Paola qed jilmentaw dwarhom? Jista' il-Ministru jserrah moħħ dawn ir-residenti dwar saħħithom u s-sigurta' tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport ta’ l-Espert dwar irwejjaħ fi Triq it-Tfief, Paola.
Dan ir-rapport juri li l-gassijiet/irwejjaħ huma skond LN 225 of 2001.
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni se tieħu passi ulterjuri billi tissiġilla x-xaft imsemmi fir-rapport permess ta’ sistema li faċilment tkun tista tinfetaħ jew tinqala minn ġewwa u/jew minn barra jekk tinqala xi emerġenza.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn it-triq prinċipali li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ fl-Imġarr qiegħda tkun ta' kuljum bla dawl f'dawn l-aħħar ġranet? Peress li din hija triq daqshekk importanti u arterjali, jista' il-Ministru jiżgura li din it-triq tiddawwal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-dawl fi triq prinċipali li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ jaqa' taħt ir-responsabbilita' ta' l-ADT u mhux tal-Korporazzjoni Enemalta. Xorta waħda l-Enemalta ħadet ħsieb li tinforma l-ADT b'dan l-ilment.
Jista' il-Ministru jirrispetta l-kariga li ġiet lili fdata mill-poplu u fl-istess ħin jerfa' ir-responsabbilta' tiegħu lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u allura jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21832 u 21908?
Jista' jgħid għaliex qiegħed jipprova jaħrab milli jwieġeb dawn il-mistoqsijiet?
Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li qed tinħeba l-informazzjoni mitluba u eventwalment jiġu mistura ċertu ismijiet li qed igawdu minn dawn il-vjaġġi b'xejn?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress illi rrispondejt fid-dettal iż-żewġ domandi li għalihom jirreferi l-Onor Interpellant kif ukoll id-domanda 22061 li hi relatata u peress li l-Onor Interpellant ma tax spjegazzjoni għal xhiex jew għal min qed jirreferi, ma nista nżid xejn mat-tlett risposti li tajt diġa'.
Jista' il-Ministru jirrispetta l-kariga li ġiet lili fdata mill-poplu u fl-istess ħin jerfa' ir-responsabbilta' tiegħu lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u allura jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21830 u 21911?
Jista' jgħid għaliex qiegħed jipprova jaħrab milli jwieġeb dawn il-mistoqsijiet?
Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li qed tinħeba l-informazzjoni mitluba u eventwalment jiġu mistura ċertu ismijiet li qed igawdu minn linji telefoniċi b'xejn?