Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Gozo Channel mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Tista' tgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, tista' l-Ministru tgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm inħarġu karti roża u karti sofor f'Għawdex fix-xhur ta' Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru, 1998 u Jannar, Frar, Marzu u April, 1999? Fl-istess perijodu, kemm impjegati tal-gvern ġew boarded out mill-impjieg tagħhom fuq bażi medika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li minn Settembru 1998 sa April 1999 inħargu b'kollox 534-il karta roża f 'Għawdex. Dawn huma mqassmin kif imniżżel hawn taħt:
Xahar Nru ta' Karti Roża
Settembru 1998 72
Ottubru 1998 65
Novembru 1998 59
Diċembru 1998 40
Jannar 1999 68
Frar 1999 46
Marzu 1999 86
April 1999 98
L-informazzjoni dwar in-numru taż karti Sofor li nħarġu fix-xhur imsemmija tingħata f'xi seduta oħra.
Jiena nfurmata li n-numru ta' impjegati tal-Gvern li kienu jaqgħu taħt id-dipartimenti tal-Ministeru għal Għawdex u li ġew 'boarded out' mill-impjieg tagħhom fuq bażi medika kien kif se jingħad hawn taħt:
Xahar Impjegati tal-Gvern boarded out
fuq bażi medika
Settembru 1998 1
Ottubru 1998 1
Novembru 1998 1
Diċembru 1998 2
Jannar 1999 4
Frar 1999 6
Marzu 1999 1
April 1999 2
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħol sar matul din is-sena skolastika fuq il-bini tal-kumpless MA Refalo f'Għawdex? Għaliex waqaf dan ix-xogħol? Meta se jitkompla?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-Kumpless Sir M A Refalo f'Għawdex sar xogħol ta' tneħħija ta' l-apramorta l-qadima, bini ta' klassijiet u laboratorji ġodda, tqegħid ta' soqfa kif ukoll xogħol ta' ftuħ u għeluq ta' bibien u twieqi. Bħalissa qegħdin jitħejjew l-offerti sabiex jitkompla x-xogħol.
Tista' l-Ministru tgħid fuq ordni ta' min il-persuni, li isimhom qed jintbagħat separatament, qegħdin jagħmlu inspections fid-diversi dipartimenti tal-gvern f'Għawdex? Minħabba n-nuqqas ta' kwalifiki, ma jidhirliex il-Ministru li dawn iż-żewġ sinjuri m'għandhomx jagħmlu inspections f'uffiċini fejn hemm imexxu principals u senior principals? Jidhirla l-Ministru li f'uffiċini fejn hemm impjegati skrivani tas-Servizz Ġenerali l-inspections għandhom isiru minn asst. principal jew principal? Taf il-Ministru li b'persuni li m'humiex kwalifikati li qed jagħmlu l-inspections fuq skrivani tas-Servizz Ġenerali s-Servizz Pubbliku jiġi redikolat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-persuni msemmija qegħdin jagħmlu spezzjonijiet fuq l-ordni tal-kapijiet tad-dipartimenti stess. Dan l-eżerċizzju huwa kkordinat mid-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi.
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li dawn iż-żjarat bl-ebda mod m'huma ntiżi biex jissostitwixxu r-responsabilta' tal-kapijiet tal-fergħat u uffiċċji tal-Gvern f'Għawdex li jeżerċitaw id-dixxiplina fuq l-impjegati li jaqgħu taħthom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3901, tista' l-Ministru tgħid jekk l-ispecifications ta' l-offerti msemmija ġewx konklużi? Jekk fl-affermattiv, minn min intrebħet l-offerta? Meta se jinbeda x-xogħol imsemmi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-offerti reġgħu ġew ippubblikati fuq struzzjonijiet tad-Direttur tal-Kuntratti.
B'riferenza għall-mistoqsijijiet parlamentari numri 900 u 6108, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' spezzjoni li saru u li jgħidu li m'hemmx periklu mminenti fit-triq imsemmija?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5702, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett biex jiġu provduti faċilitajiet xierqa għall-ħaddiema/passiġġieri fl-Imġarr, Għawdex? Tista' l-Ministru tgħid ukoll kemm se jiswew dawn il-faċilitajiet u meta beħsiebhom jibdew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-provvidement ta' faċilitajiet għal passiġġieri f'Għawdex jagħmel parti mill-iżvilupp tal-mollijiet u faċilitajiet simili għal passiġġieri ġewwa ċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. Dan il-proġett huwa maqsum f'diversi stadi.
Preżentament qegħdin jiġu finaliżati l-istudji tekniċi illi jwasslu sabiex ikun possibbli l-ħruġ tal-permessi meħtieġa mill-Awtorita' tal-Ippjanar. Ix-xogħolijiet fuq il-mollijiet kif ukoll faċilitajiet għal passiġġieri fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr u l-'Breakwater' fiċ-Ċirkewwa ikunu jistgħu jibdew wara l-ħruġ tal-permessi neċessarji.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5842, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-programm ta' xogħlijiet ta' drenaġġ ġewwa Għawdex u x'xogħlijiet oħra għad fadal li jsiru qabel ma jinbeda x-xogħol fuq imsemmi?
Rabat — Għawdex - Triq Repubblika - Traffic lights
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex it-traffic lights li hemm f'salib it-toroq (Triq Repubblika, Rabat, Għawdex) humiex se jintużaw iktar? Jekk fin-negattiv, għaliex ma nqalgħux u twaħħlu f'post ieħor?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li jkunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar it-traffic lights imsemmija meta jitwaqqaf il-Bord il-ġdid dwar il-Kontroll tat-Traffiku.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew reġistrati artijiet/proprjeta' fir-Reġistru ta' l-Artijiet f'Għawdex, raħal b'raħal u sena b'sena, matul dawn l-aħħar ħames snin f'kejl ta' metri kwadri u fuq bażi ta' reġistrazzjoni volontarja? Kemm kien hemm overlapping kull sena f'kull raħal? Kemm minn dawn l-overlapping ġew solvuti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fir-Reġistru ta' l-Artijiet f'Għawdex f'dawn l-aħħar ħames snin ġew irreġistrati artijiet u proprjeta' kif muri hawn taħt:
SENA APPLIKAZZJONIJIET
(FIRST REGISTRATION)
1995 546
1996 851
1997 817
1998 877
1999 207 (01-01-99 sa 13-05-99)
Dawn iċ-ċifri jinkludu applikazzjonijiet li saru kemm fuq bażi volontarji kif ukoll dawk li jaqgħu taħt 'compulsory registration area'.
Jiena nfurmata li ma tinżammx statistika ta' rħula individwali u ta' kemm kien hemm 'overlappings'. L-anqas ma jista' jingħata rendikont ta' kemm mill-'overlappings' li jkun hemm ġew solvuti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6596 li baqgħet bla tweġiba u għar-risposta għall-istess mistoqsija parlamentari numru 6785, ma jidhirlux l-Ministru li tali tweġiba tista' ma tirrifletix tajjeb fuq l-Onor. Ministru u l-Gvern tagħha?
Tista' l-Ministru tgħid minn huma n-nies seconded mal-ministeru tagħha u mil-liema entita' ġejjin?
Tista' l-Ministru tgħid x'salarju qed jirċievu u x'allowance qed jirċievu?
Tista' l-Ministru tgħid ukoll kemm minn dawn huma appuntati f'bordijiet u f'kumitati u xi ħlas qed jirċievu għal dan l-appointment?
Tista' l-Ministru tgħid f'liema bordijiet qegħdin dawn l-individwi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'hemm l-ebda persuna li hija ssekondata mal-Ministeru għal Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid x'passi ħadet dwar il-petizzjoni ppreżentata lilha dan l-aħħar li titlob protezzjoni għall-bizzilla ta' l-idejn minn bizzilla rħisa imitazzjoni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Naħseb li miżura effettiva kontra l-allegat abbuż tista' tkun li l-produtturi tal-bizzilla lokali jissieħbu f'koperattiva bħalma hija l-Koperattiva Għawdxija tal-Bizzilla u Artiġjanat li kienet twaqqfet f'Settembru 1996. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' din il-Koperattiva huwa li tbiegħ il-prodotti maħduma mill-imseħbin bħala aġent tagħhom u li kull prodott li jinbiegħ minnha jkollu timbru li juri ċertifikat ta' ġenwinita'.
Jiena qed nara kif nista' ngħin lil din il-Koperattiva biex tkompli tikber u tissaħħaħ ħalli tilħaq l-għanijiet tagħha.
Taf il-Ministru li t-triq li tieħu miż-Żebbuġ għall-Għasri (ħdejn iċ-Ċimiterju ta' l-Għasri u l-pumping station tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma) tinsab fi stat diżastruż u tinħtieġ attenzjoni urġenti? Meta hemm il-ħsieb li l-imsemmija triq se tiġi rranġata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol fit-Triq li tieħu miż-Żebbuġ għall-Għasri huwa mdaħħal fil-programm ta' xogħolijiet ta' toroq f'Għawdex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5704 li kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' taf li l-prassi hi li dawk il-ħaddiema li jagħmlu 15-il sena jaħdmu bħala Hospital Auxiliary group B (ekwivalenti għal grad 18) fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex dawn awtomatikament jieħdu group D? Jaf il-Ministru li f'dan l-isptar hemm ħaddiema li minkejja li skorrew iż-żmien stipulat jaħdmu x-xogħol fuq imsemmi, dawn baqgħu ma ħadux il-grad ta' group B? X'passi se jittieħdu biex dawn it-talin jieħdu l-grad mistħoqq? Kemm hemm ħaddiema ta' dan it-tip jaħdmu fl-isptar fuq imsemmi li huma ntitolati għal grad ta' group B u għadhom ma ħaduhx? Kemm hu n-numru ta' dawk il-persuni li kienu ntitolati għal dan il-grad ta' group B u baqgħu ma ħaduhx anke li llum spiċċaw l-impjieg tagħhom bl-eta'? X'se jiġri minn dawn l-ex-ħaddiema u kif se jiġu rimedjati dawn in-nuqqasijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-preżent fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm żewġ Hospital Auxiliaries Group II (scale 18) u l-proċeduri diġa' nbdew biex dawn jiġu promossi għal Health Assistants. Infatti l-kaz tagħhom qiegħed quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jiena nfurmata wkoll li ma jidhirx li hemm xi persuni li m'għadhomx impjegati li huma ntitolati għal din il-promozzjoni.
Taf il-Ministru bil-problema ta' l-ilma tax-xita li hemm fi Triq Wied is-Simar, fil-Qala, Għawdex? Taf li din il-problema hi kkaġunata minħabba l-pendil tat-triq kif inhu u minħabba ċ-ċokon tal-katusa li mhix tvinċi l-ilma tax-xita? Taf ukoll li din il-problema kompliet tiggrava bl-asfaltar tat-triq u bil-bini li tela' wara li saret din il-katusa? Taf li dan qed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti ta' din it-triq u kull min jgħaddi minnha? Tista' l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa biex dan l-inkonvenjent jitneħħa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex din il-problema tiġi solvuta.
Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux il-konsiderazzjonijiet li hemm riferenza għalihom fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3896? Jekk fl-affermattiv, x'riżultati kien hemm minn dawn il-konsiderazzjonijiet? Jekk fin-negattiv, x'hemm jimpedixxi li dawn ma sarux?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li saru kuntatti mal-iskola tan-Navigazzjoni biex isir kors ta' taħriġ fin-navigazzjoni f'Għawdex. Jidher li sa issa hemm possibilta' li jsir kors ta' tmuniera.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-ispezzjonijiet bil-closed circuit television fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq San Blas, li hemm riferenza għalihom fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3868, sarux? Jekk saru, x'kien ir-riżultat? Jekk ma sarux, x'inhi r-raġuni għaliex dawn ma ġewx esegwiti? Jista' jiġi kkonfermat li l-problema hija dovuta għal fatt li d-daqs tal-katusi huwa żgħir komparat ma' l-ammont ta' likwidu li jgħaddi minn ġo l-imsemmija katusi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li inħarġet offerta għas-servizz ta' closed circuit television biex isiru spezzjonijiet ta' katusi tad-drenaġġ. Kif tingħata din l-offerta issir l-ispezzjoni meħtieġa fi Triq San Blas in-Nadur.