Tista' l-Ministru tgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tagħha jew minn wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tagħha mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Jekk inxtraw, tista' l-Ministru tgħid: 1) kemm laħqet l-ispiża; 2) inħarġitx tender; 3) mingħand min inxtraw; 4) x'marka huma; 5) għal liema skop inxtraw; 6) minn min qed jintużaw; u 7) kemm huma fl-ammont?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ma nxtrat l-ebda karozza ġdida mill-Ministeru għal Għawdex mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn.
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tagħha? Tista' l-Ministru tgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hija l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phone u minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qiegħda nehmeż lista tal-membri tas-Segretarjat tiegħi li qegħdin b'kuntratt li turi:
(i) il-karigi tagħhom;
(ii) it-total tan-nefqa individwali bejn Settembru 1998 u Marzu 1999 fuq mobile phones ta' dawk il-persuni li huma ntitolati għall-użu ta'
mobile; u
(iii) id-data effettiva tal-ftehim li ffirma/t kull wieħed/waħda mill-membri ta' l-istaff skond il-Memorandum 'Engagement of Staff in Private Secretariats' li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Novembru li għadda - liema Memorandum sarulu xi emendi li wkoll ser jitqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġranet li ġejjin.
Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant huma kollha konformi ma' dak imniżżel fil-Memorandum, inkluż il-fatt li m'hemm l-ebda persuna ssekondata minn xi organizazzjoni parastatali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4457, tista' l-Ministru tirrikonsidra r-risposta tagħha peress li l-pubblikazzjoni ta' l-irċevuti konnessi huma fl-interess pubbliku peress li jikkonċernaw infiq pubbliku?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta mogħtija ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 4457.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' sigħat ta' overtime li ttieħed mill-minor staff (inklużi messaġġiera, charwomen u telephone operators) fil-Ministeru għal Għawdex minn Settembru, 1998 sal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tispjega kif lill-kapijiet ta' l-iskejjel f'Għawdex għar-rigward infiq taħt Supplies & Utilities ġiet mogħtija s-somma ta' sitt elef lira (Lm6,000) meta l-ammont ivvotat kien ta' ħmistax-il elf lira (Lm15,000)?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara u jippreċiża l-mistoqsija tiegħu.
Taf il-Ministru li Triq Klula, Santa Luċija, Għawdex tinsab fi stat diżastruż u tinħtieġ resurfacing? Tista' l-Ministru tieħu din l-affari f'idejha u tara li x-xogħol meħtieġ isir kemm jista' jkun malajr?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ix-xogħolijiet ta' manutenzjoni fi Triq Klula Kerċem jaqgħu taħt ir-responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Kerċem.
Taf il-Ministru li minkejja li ilu li nbeda x-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq Chev. Zammit Haber, Xewkija, din is-sistema għadha mhix tiffunzjona minħabba li mhix kompluta? X'inhi r-raġuni li x-xogħol fuq din is-sistema ma tkompliex? Meta beħsiebu jitkompla dan ix-xogħol biex din is-sistema tkun tista' tiffunzjona?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li s-sistema tad-drenaġġ fi Triq Chev Zammit Haber, Xewkija hija nkluża fil-programm tax-xogħolijiet tad-drenaġġ f'Għawdex, u hemm il-ħsieb li x-xogħolijiet pendenti jitkomplew fiż-żmien opportun.
Taf il-Ministru li s-slielem li hemm fil-bajja tax-Xlendi jinsabu fi stat t'abbandun? Tista' l-Ministru tieħu passi biex dan l-apparat jiġi rranġat jew mibdul skond il-ħteġijiet, peress li l-użu tagħhom huwa indispensabbli?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Is-slielem li rrifera għalihom l-Onorevoli Interpellant saru ġodda u ser jitpoġġew f'posthom fil-ġranet li ġejjin.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtha dipartiment b'dipartiment? Tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Tista' l-Ministru tgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li bejn l-1 ta' Jannar 1999 u s-26 t'April 1999 saru 35 trasferiment ta' impjegati bejn dipartiment u ieħor fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex. Barra minn dawn kien hemm ukoll 12-il trasferiment ta' impjegati minn dipartimenti tal-Gvern f'Malta għad-Dipartiment tal-Customer Services tal-Ministeru għal Għawdex. Dawn it-trasferimenti saru skond il-ħtiġijiet tad-dipartimenti konċernati.
Tista' l-Ministru tgħid ma' liema kunsilli lokali Għawdxin hemm ftehim għal xogħol fl-iskejjel primarji Għawdxin? X'xogħol sar minn dan il-ftehim? Hemm xi ħsieb ta' xogħol simili matul din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li iktar kmieni din is-sena ikkummissjonajt perit biex jagħmel rapport fuq it-tiswijiet u l-manutenzjoni meħtieġa fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Għawdex. Dan ir-rapport tlesta u ġie sottomess ftit jiem ilu. Il-Ministeru qed jistħarreġ kif jista' l-aħjar jitwettaq dan il-programm ta' xogħolijiet. Sadanittant iżda ħarġu offerti għal xogħolijiet li se jsiru b'kuntratt.
Tista' l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol tal-bini fuq l-estensjoni tal-bini fuq l-estensjoni ta' l-iskola post-sekondarja Sir MA Refalo f'Għawdex? Meta tlesta l-bini? Min tqabbad ilesti t-tenders għax-xogħol li baqa'? Meta tlestew it-tenders? Liema ġew pubblikati? Liema ma ġewx pubblikati? Għaliex? Liema tenders ġew deċiżi? Meta se jitkompla x-xogħol kollu? Meta hu ppjanat li jkun lest?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol tal-bini fuq l-estensjoni tal-bini eżistenti ta' l-Iskola Post-Sekondarja Sir M A Refalo beda f'nofs Novembru, 1998 u tlesta f'nofs Frar ta' din is-sena.
It-tenders għax-xogħol li baqa', tqabbad biex jagħmilhom il-Perit Maurice E Galea, External Advisor tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Furjana. It-tenders li baqa' tlestew minn kollox u tnejn minnhom ħarġu fil-Gazzetta tal-Gvern tat-Tlieta, 25 ta' Mejju, 1999, Avviż Nri 13 u 14, filwaqt li t-tnejn l-oħra li jirigwardjaw Electrical and Mechanical Works u Equipment mistennija joħorġu mid-Direttur tal-Kuntratti aktar tard. It-tenders kollha jiġu deċiżi wara li jagħlqu u x-xogħol jitkompla immedjatament wara. Hu ppjanat li dan ikun lest għas-sena 2000.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7103 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u li ġiet riferuta lilha u cioe': tista' tara li jsir reserved parking quddiem ir-residenza, 59 Triq Pompei, Rabat, Għawdex peress li hemm persuna b'diżabilita'?
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-fondi li qed jingħataw matul din is-sena skolastika lil kull skola u istituzzjoni edukattiva f'Għawdex taħt il-voti: (1) Imprest materials/supplies; (2) imprest for school maintenance; (3) imprest for capital expenditure?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija hawn taħt:
Isem ta' l-Iskola Imprest għal Imprest għall- Imprest għall-
Materials u Manutenzjoni Ispiża
Supplies Kapitali
LM LM LM
Skola Primarja ta'
l-Għarb 1,488.50 150.00 500.00
Skola Primarja
t'Għajnsielem 3,077.50 200.00 600.00
Skola Primarja ta'
Kerċem 1,967.50 150.00 500.00
Skola Primarja tan-
Nadur 3,630.00 250.00 700.00
Skola Primarja tal-
Qala 1,535.00 150.00 500.00
Skola Primarja
San Lawrenz 848.50 150.00 500.00
Skola Primarja
Sannat 3,273.00 290.00 1,200.00
Skola Primarja
Victoria 4,327.00 290.00 700.00
Skola Primarja tax-
Xagħra 3,544.50 240.00 700.00
Skola Primarja tax-
Xewkija 3,192.00 200.00 700.00
Skola Primarja taż-
Żebbuġ 1,325.00 150.00 500.00
Agius de Soldanis
Girls' Junior Lyceum 12,113.00 1,030.00 3,400.00
Ninu Cremona Boys'
Junior Lyceum 9,198.00 800.00 3,000.00
Mary Meilaq Girls'
Trade School 1,289.50 160.00 500.00
Carmelo Refalo Boys'
Trade School 825.00 160.00 600.00
Kelinu Galea School
of Agric/Building 2,835.50 250.00 1,000.00
Sir M A Refalo Centre
for Further Studies 7,247.00 939.00 2,800.00
Skola ta' l-Arti 2,116.00 316.00 500.00
Skola tal-Mużika 1,2400.00 190.00 500.00
Skola tad-Drama 918.00 135.00 300.00
TOTAL 65,990.50 6,200.00 19,700.00
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 900 u 6108, tista' l-Ministru tgħid jekk l-ispezzjonijiet li saru, sarux min-nies kompetenti u jekk iċ-ċertifikat hux legalment validu?
F'każ li din it-triq tiġġarraf, min se jidħol responsabbli għal ħsarat fil-proprjeta' tal-gvern u tal-privat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ispezzjonijiet saru min-nies tekniċi tas-Sezzjoni tax-Xogħolijiet Pubbliċi f'Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw tenders minn Settembru, 1998 mill-Ministeru għal Għawdex, kemm kien il-prezz ta' kull tender u lil min ġew awarded l-istess tenders? Tista' l-Ministru tgħid ukoll jekk ingħatawx xi direct order u jekk fl-affermattiv, kemm-il direct order ingħataw minn Settembru, 1998 sal-lum u lil min u kemm kienet tiswa kull direct order li ngħatat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm se jiswa x-xogħol ta' paving ta' Triq ir-Repubblika, fir-Rabat, Għawdex u jekk l-istess xogħol huwiex isir mill-ħaddiema tal-gvern jew permezz ta' xi kuntrattur privat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol ta' paving li qiegħed issir fi Triq ir-Repubblika huwa stmat li jiswa Lm2100.00. Dan ix-xogħol qiegħed isir mill-ħaddiema tal-gvern.
Xagħra — Għawdex - Pjazza Vitorja - Estensjoni ta' drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-estensjoni tas-servizz tad-drenaġġ fi Sqaq fi Pjazza Vitorja, Xagħra, Għawdex, kienx inkluż fl-offerta li nħarġet għall-estensjoni tad-drenaġġ fil-pjazza msemmija? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, għaliex l-estensjoni msemmija ma tkomplietx meta f'dan l-isqaq hemm joqogħdu sitt familji? Din l-estensjoni se titkompla? Jekk m'hijiex se titkompla, għaliex it-trinka li saret tħaffret madwar 4.3 metri speċifikament biex isir id-drenaġġ f'dan l-isqaq? Il-ħlasijiet konnessi ma' din l-offerta għaddew lill-kuntrattur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-isqaq imsemmi huwa inkluż fl-offerta li nħarġet għall-estensjoni tad-drenaġġ fil-pjazza Vitorja, Xagħra. Din l-estensjoni ser titkompla fl-isqaq u s'issa ma sar l-ebda ħlas fuq dan ix-xogħol.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-isptar mentali f'Għawdex m'għadux igawdi s-servizz ta' psikjatra residenti meta tant hemm il-ħtieġa għalih? Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx professjonisti Għawdxin ikkwalifikati biex jagħtu dan is-servizz? Jekk fl-affermattiv għaliex dan is-servizz qiegħed jiġi mċaħħad lill-poplu Għawdxi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-1 ta' Jannar 1996 sas-26 ta' April b'kollox ġew ingaġġati 10 ħaddiema ġodda mad-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex kif jidher hawn taħt:
i) sitt (6) Ward Clerical Assistants. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' dawn il-postijiet kienet ħarġet fil-5 ta' Apirl 1995;
ii) midwife u enrolled nurse, lkoll fuq bażi part-time, li kienu applikaw lid-Dipartiment biex jiġu ingaġġati fil-21 ta' Ottubru 1998 u s-16 ta' Mejju 1997 rispettivament; u
iii) substitute Chaplain u Chaplain skond il-proċedura tas-soltu, jiġifieri wara li dawn ikunu bagħtu applikazzjoni lid-Dipartiment konċernat u jkunu saru arranġamenti mal-Kurja ta' l-Isqof u mas-Superjuri tagħhom.