Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10131 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Pjazza Indipendenza — Torri

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm sewa t-torri li nbena fil-Pjazza Indipendenza għal millenju l-ġdid? Huwa veru li l-arloġġ li ntuża huwa dak li ngħata b'xejn minn bank lokali bħala riklam biex jitwaħħal fl-Imġarr, Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li t-torri fi Pjazza Indipendenza sewa Lm365 f'materjal li parti minnu tista' terġa tintuża u Lm437 f'xogħol. Minħabba li din hija struttura temporanja intużat parti minn arloġġ li aktar 'il quddiem ser jitqiegħed f'post pubbliku.
Leg 9 PQ #8577 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Xogħol nutarili

Question

Tista' l-Ministru tgħid mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn x'kien ix-xogħol nutarili li sar mill-ministeru u mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ukoll f'kull okkażjoni min kien in-nutar li għamel ix-xogħol u xi ħlas sar għalih lill-istess nutar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal xogħol nutarili li sar mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex permezz ta' nutara privati. F'dan il-każ ma kien hemm l-ebda xogħol nutarili ta' din ix-xorta mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn.
Leg 9 PQ #9351 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ċentru Sportiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif jitmexxa ċ-ċentru sportiv ġewwa Għawdex u min hu/huma responsabbli għat-tmexxija tiegħu? Kemm hija l-ispiża għat-tmexxija ta' dan iċ-ċentru, sena b'sena mill-ftuh tiegħu sal-lum? Kemm għaqdiet jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru u min huma? Kemm individwi jagħmlu użu minnu? Liema huma d-dixxiplini sportivi li jiġu pprattikati? Kemm hemm coaches kwalifikati li jieħdu ħsieb dawn id-dixxiplini? Kemm-il darba jkun miftuh dan iċ-ċentru u x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuh u l-għeluq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumpless Sportiv Għawdxi jaqa' taħt id-Dipartiment tal-Customer Services fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Is-Sur Joseph Grech - Prinċipal - huwa l-uffċċjal l-aktar anzjan f'dan il-Kumpless. Minn April 1990 sa Diċembru 1993, il-Kumpless kien jifforma parti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'Malta. Għalhekk l-ispejjeż kollha matul dan il-perijodu kienu jinqatgħu mill-voti ta' l-Edukazzjoni f'Malta. Il-Kumpless ilu mill-1994 taħt il-Ministeru għal Għawdex. L-ispiża għat-tmexxija tiegħu mill-1994 sa llum hija kif mogħtija hawn taħt: 1994 - Lm 82,685.65,0 1995 - Lm 128,685.66,5 1996 - Lm 171,557.09,0 1997 - Lm 113,390.53,0 1998 - Lm 109,561.13,0 sa Awissu 1999 - Lm 85,179.40,0 L-Għaqdiet li jagħmlu użu mill-Kumpless huma l-Gozo Basketball Association, il-Gozo Karate Association, il-Gozo Spirit Combat Association, il-Gozo Squash Association, il-Gozo Lawn - Tennis Association u l-Gozo Volleyball Association. Id-dixxiplini li jiġu ppratikati fuq bażi regolari fil-Kumpless Sportiv huma: Badminton, Netball, Basketball, Volleyball, Squash, Table-Tennis, Lawn-Tennis, Weight-Lifting, Karate, Spirit-Combat, Kick-Boxing, Handball, 5-a-side Football, Aerobics u Yoga. Jiena nfurmata li medja ta' madwar 100 individwu kuljum jagħmlu użu minn dan il-Kumpless f'attivitajiet sportivi barra minn bosta individwi oħra li jipparteċipaw f'hafna attivitajiet ta' natura non-sportiva li wkoll jiġu miżmuma f'dan l-istess Kumpless fuq bażi regolari matul is-sena kollha. Dan jiddependi minn x'tip ta' attivitajiet ikunu għaddejjin fil-Kumpless. Jekk ikun hemm il-kompetizzjonijiet, in-numru jkun anqas. F'każ ta' taħriġ, in-numru jikber sewwa. Minħabba limitazzjonijiet ta' coaches kwalifikati, ħafna taħriġ isir minn ex-players. Il-Karate u l-Ispirit Combat għandhom coach kull wieħed. Fil-Lawn-Tennis hemma erba' coaches kwalifikati. Il-Kumpless jiftaħ is-sena kollha barra l-Ewwel tas-Sena, il-Ġimgħa l-Kbira, Santa Marija u l-Milied. Il-ħinijiet tal-ftuħ hu kif indikat hawn taħt: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa - mis-7.30am sad-9.30pm Sibtijiet - mid-9.00am sas-6.00pm Ħdud u Vaganzi Pubbliċi - mid-9.00am sal-5.00pm
Leg 9 PQ #9352 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xlendi - Diskoteka

Question

Possibbli l-Ministru ġentilment tinformani, wara li d-dipartment konċernat jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji, jekk hux vera li diskoteka ewlenija u popolari fin-niżla tax-Xlendi qed tarmi d-drenaġġ għal ġol wied tax-Xlendi? Possibbli l-Ministru tinformani jekk dawn ir-rapporti humiex minnhom jew le?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li kemm id-diskoteka 'La Grotta' kif ukoll id-djar residenzjali li hemm fl-inħawi viċini tagħha li jinsabu fin-niżla tax-Xlendi għandhom l-użu tal-fossa billi m'huwiex possibbli li jikkommunikaw mas-sistema tad-drenaġġ peress li huwa 'Rising Main Sewer'. L-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika permezz ta' l-ispetturi tas-saħħa fi ħdanu għamel diversi spezzjonijiet fil-lokal in kwestjoni u ma rriżultax li seta' sar xi tfigħ ta' drenaġġ fil-Wied tax-Xlendi. Barra minn hekk il-fosos eżistenti qegħdin jitbattlu regolarment permezz ta' kuntrattur privat.
Leg 9 PQ #9354 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xlendi - Postijiet ta' divertiment

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma wara li tagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa jekk kull post ta' divertiment li hemm fin-niżla tax-Xlendi (partikolarment dawk viċin diskoteka popolari) għandhomx il-permessi meħtieġa biex joperaw?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li kull lokal ta' divertiment li hemm fin-niżla tax-Xlendi għandu liċenzja tal-pulizija sabiex jopera.
Leg 9 PQ #9005 Sitting 144 1999-07-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Gozo Office

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qiegħed jiswa lill-Gvern il-Gozo Office li l-Ministeru għal Għawdex għandu fi Triq l-Ifran, fil-Belt Valletta xahar b'xahar minn meta nfetaħ sal-lum kif ukoll tgħid x'infiq sar biex seta' jitwaqqaf dan l-uffiċċju? Tista' l-Ministru tgħid ukoll xi ħtieġa kien hemm għal dan l-uffiċċju?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-Uffiċċju ta' Għawdex f'Malta li l-Ministeru għal Għawdex għandu fi Triq Nofs in-nhar f'Valletta. Qeghda nagħti hawn taħt l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant rigward l-infiq li sar s'issa fuq dan l-uffiċċju: Xiri ta' tapit LM 139.80 Xiri ta' kompjuter komplut b'modem Lm 669.96 Xiri ta' għamara Lm 940.52 Xiri ta' faxsimile Lm 285.00 Xiri ta' żewġ plakek Lm 195.50 ___________________ ___ TOTAL Lm 2230.78 Jiena nfurmata li dawn l-oġġetti kollha nxtraw f'Ġunju 1999. Dan l-uffiċċju se jservi biex jagħti servizzi ta' għajnuna meħtieġa mill-Għawdxin f'Malta kif ukoll biex jirriklama lil Għawdex bħala post turistiku matul is-sena kollha, kemm għat-turisti kif ukoll għall-Maltin li jkunu jixtiequ informazzjoni dwar Għawdex.
Leg 9 PQ #8232 Sitting 141 1999-07-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Impjegati

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7522?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8407.
Leg 9 PQ #8218 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-Ministeru tagħha kif ukoll mid-dipartimenti, korporazzjonijiet jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999? Tista' tgħid: 1) x'kienet l-okkażjoni; 2) min kienu l-persuni li siefru f'kull okkażjoni; 3) mingħand min inxtraw il-biljetti tas-safar? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija fil-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Ma narax il-ħtieġa li npoġġi l-irċevuti konnessi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #9139 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Vapuri ta' Għawdex — Net

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex possibbli li madwar ir-railing tal-vapuri ta' Għawdex isiru xi forma ta' net biex tfal ma jkunux jistgħu jaqgħu minn bejn ir-railing? Billi bejn il-bars tar-railings hemm spazju konsiderevoli li minnhom jistgħu faċilment jgħaddu tfal ta' eta' żgħira u billi fuq dawn il-vapuri jaqsmu eluf ta' tfal, ma taħsibx il-Ministru li dan is-suġġeriment għandu jiġi kkonsidrat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-vapuri kollha tal-Kumpanija Gozo Channel għandhom ċertifikat mill-Awtoritajiet kompetenti biex iġorru l-passiġġieri u li l-Kumpanija tara li tissodisfa r-regolamenti kollha tas-sigurta'. Madankollu, jiena nfurmata li l-Kumpanija qiegħda tieħu l-passi neċessarji sabiex timplimenta din ir-rakkomandazzjoni biex b'hekk tiżdied aktar is-sigurta' fuq il-vapuri tagħha.
Leg 9 PQ #8802 Sitting 138 1999-07-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sports Board

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'funzjoni għandu l-Gozo Sports Board u kemm għandu fondi allokati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-funzjonijiet tal-Gozo Sports Board huma kif imniżżla hawn taħt: i) jgħin lill-Ministru fit-tfassil u t-tiġdid tal-policies ghall-Isports f'Għawdex; ii) iressaq għall-konsiderazzjoni tal-Ministru proposti biex jiffaċilitaw u jkattru l-iżvilupp ta' l-isports f'Għawdex; iii) jaghti l-pariri meħtieġa fuq dak kollu li għandu x'jaqsam ma' l-isports u ma' attivitajiet tal-ħin liberu; iv) jiżgura t-twettiq tal-politika u ta' kull azzjoni li tigi approvata mill-Ministru; v) ikattar l-għarfien u l-apprezzament ta' mġieba etika u korretta fl-isport kif ukoll il-prinċipji tal-fair play fost il-pubbliku sportiv u l-parteċipanti fl-isport; vi) jaħdem biex l-isport ikun aċċessibli kemm jista' jkun għas-soċjeta' kollha; vii) iwettaq u jħaddem il-prinċipji miftehma fil-Karta Ewropeja dwar l-Isport u l-Kodiċi ta' Etika Sportiva kif approvati mill-Kunsill ta' l-Ewropa; viii) jgħin lill-Kunsilli Lokali f'dak li għandu x'jaqsam mat-tkattir u l-parteċipazzjoni ta' l-Isport fil-Komunita'; ix) iwettaq dak kollu fil-qasam sportiv li jiġi mitlub li jagħmel mill-Ministru; x) jesegwixxi dak kollu hawn fuq imsemmi u materji anċellari u inċidentali. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li l-Gozo Sports Board m'għandu l-ebda fondi allokati lilu.
Leg 9 PQ #8200 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Tindif

Question

Tista' l-Ministru tgħid min għamel ix=-xogħol ta' tindif fl-uffiċċji tal-Ministeru mill-5 ta' Settembru 1998 sal-21 ta' Ġunju 1999? Jekk jirriżulta li dan it-tindif isir minn xi kumpannija privata, tista' tgħid: (1) min hi l-kumpannija; (2) kemm tħallset xahar b'xahar; (3) jeżisti kuntratt ma' din il-kumpannija; (4) inħarġet sejħa għal offerta; (5) jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta' tindif fl-uffiċċju tal-Ministeru għal Għawdex fil-perijodu msemmi sar mill-impjegati tal-Ministeru stess.
Leg 9 PQ #8838 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Universita' ta' Għawdex — Diploma fil-Kummerċ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5499, tista' l-Ministru tgħid jekk ir-rakkomandazzjoni li l-fakulta' ta' l-economics, management u l-accountancy ta' l-Universita' għamlet lis-Senat sabiex fiċ-Ċentru ta' Għawdex jibda l-kors li jwassal għall-Baċellerat fil-Kummerċ ġietx aċċettata? Jekk iva, meta se jibda l-kors? Meta se joħorġu l-applikazzjonijiet għal dawk li huma kwalifikati u li jixtiequ jattendu? Min huma dawk li se jkunu jistgħu jattendu? Jekk ir-rakkomandazzjoni ma ġietx milqugħa, għal liema raġuni ġara hekk?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #9059 Sitting 136 1999-07-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Dipartimenti tal-gvern — Spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru inspections mill-5/9/99 sal-lum fid-dipartimenti tal-gvern biex jaraw li l-impjegati qegħdin fuq xogħlhom? Kemm saru charges mill-5/9/99 sal-lum? Kemm huwa n-numru ta' persuni li nstabu ħatja mill-5.9.99 sal-lum u kemm weħlu? Kemm huwa n-numru ta' persuni li ġew liberati mill-5/9/99 sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-perijodu mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum. F'dan il-każ l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #8187 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Pertol/diesel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tlaħħaq l-ispiża mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999 f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tal-Ministeru tiegħu karozza b'karozza? Tista' tgħid ukoll kemm laħqet l-ispiża fl-istess perijodu f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi tad-Diretturi u Chairmen li jaqgħu b'xi mod taħt wieħed mid-dekasteri tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #8826 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali - Fondi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hijiiex konxja tan-nuqqas ta' fondi li hemm fil-voti ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'qed tagħmel biex tirrimedja?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li d-Direttur tal-Customer Services li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-fondi allokati lill-Isptar Ġenerali t'Għawdex ingħata struzzjonijiet biex jara jistax jekonomizza u jirrazzjonalizza aktar l-infiq fuq xi 'expenditure items' tad-Dipartiment tiegħu biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' fondi li jista' jkun hemm f'ċerti items oħra.
Leg 9 PQ #8828 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus fl-ivjaġġar barra minn Malta minnha stess u minn uffiċjali li jaqgħu taħtha u min kienu dawn l-uffiċjali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 9 PQ #8829 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid id-diretturi u s-segretarji permanenti li jaqgħu taħtha x'ammonti nefqu individwalment mill-1 ta' Jannar 1999 'l hawn f'petrol, ħasil u manutenzjoni għall-karozza personali assenjati lilhom mill-gvern?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda nagħti hawn taħt l-informazzjoni mill-Onorevoli Interpellant rigward l-infiq f'petrol, ħasil u manutenzjoni għall-karozzi personali assenjati lis-Segretarju Permanenti u lid-Diretturi li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex: Nefqa f'petrol Nefqa f'ħasil Nefqa f'manutenzjoni Segretarju Permanenti Lm279.69 Lm50.25 Lm23.75 Dirett ur tal-Customer Services Lm15.60 xejn xejn Direttur għas- Servizzi Korporattivi Lm179.40 Lm2.50 Lm46.76 Diret tur tal-Proġetti u Żvilupp Lm150.15 xejn xejn
Leg 9 PQ #8653 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali

Question

Tista' l-Ministru tassigura lill-Kamra li dwar it-tliet dialysis machines li beħsiebhom jiġu stallati fl-iSptar Ġenerali ta' Għawdex ( u li dwarhom ħarġu t-tenders għax-xiri tas-siġġijiet) hemm il-back-up neċessarju fil-laboratorju ta' l-istess sptar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #8658 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Kemmuna — Nies li jmorru fil-bajja

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex nies li qed imorru fil-bajja ta' Kemmuna fuq il-blat li jinsab ferm 'il bogħod u faċċata tal-bajja tal-lukanda qed jiġu mġiegħla jieqfu mill-BBQ's mill-management tal-lukanda ta' Kemmuna kif ukoll jitfgħu kull xorta ta' dawl? Ladarba dawn ikunu jinsabu ferm 'il bogħod mil-lukanda, xi dritt għandha l-lukanda li twaqqaf lil dawn in-nies li jmorru Kemmuna mal-familji tagħhom għal ftit mistrieħ? Il-bajjiet ta' Kemmuna saru proprjeta' privata tal-lukanda u mhux aktar proprjeta' pubblika li tista' titgawda mill-poplu Malti u Għawdxi kollu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-Pulizija ta' Kemmuna f'okkażjoni waħda keċċiet nies li kienu qegħdin jagħmlu barbecue f'bajja f'Kemmuna u dan għaliex dawn in-nies kienu fil-bajja privata li għandha l-lukanda b'kuntratt. Dawn in-nies kienu komplew bil-barbecue f'parti oħra ta' Kemmuna fejn huwa proprjeta' pubblika. Jekk xi nies jkunu qed jagħmlu barbecue jew kwalunkwe attivita' oħra f'xi parti pubblika ta' Kemmuna jiġu mwaqqfa milli jagħmlu dan mill-Management tal-Lukanda, dawn għandhom jaghmlu rapport lill-Pulizija ta' Kemmuna u jittieħdu l-passi opportuni.
Leg 9 PQ #8731 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Każ ta' tifla bi bżonnijet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi kollha rimedjali sabiex twarrab deċiżjoni żbaljata u inġusta li ttieħdet mill-persuna responsabbli mill-qasam edukattiv fil-Gżira Għawdxija li b'mod arbitrarju u b'mod l-aktar inuman qiegħda tinnega d-dritt ta' omm mir-Rabat, Għawdex li tibgħat lill-bintha minuri li għandha bżonnijiet speċjali u li hija ta' eta' ta' madwar tlett snin sabiex tattendi l-iskola primarja tal-Vajringa, Rabat, Għawdex daqqa bl-iskuża għaliex m'hemmx facilitator u daqqa bl-iskuża għaliex fl-iskola m'hemmx rampa u għaliex fit-toilet m'hemmx kanna mal-ħajt li magħha tkun tista' taqbad l-istess persuna bi bżonnijiet speċjali meta tmur fit-toilet? Ma jidhirlux il-Ministru li dawn ir-raġunijiet miġjuba minn min suppost huwa nkarigat mill-qasam edukattiv fil-gżira Għawdxija huma pjuttost skużi banali, li ma jiġġustifikawx li l-minuri tintbagħat fl-iskola primarja tax-Xewkija, Għawdex, meta suppost illum huwa dover ta' l-istat li jara li persuni bi bżonnijiet speċjali kemm jista' jkun jiġu nfiltrati ma' oħrajn li m'għandhomx dawn il-bżonnijiet speċjali fir-raħal tagħhom fejn joqogħdu? Taf il-Ministru li se jkun umanament impossibbli għal omm li jekk jinqala' xi ħaġa lill-bintha tmur fejn bintha mir-Rabat fejn toqgħod għax-Xewkija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-każ li qed jirreferi għalih l-onor interpellant qiegħed quddiem l-iStatementing Board. Tfal bi bżonnijiet speċjali jiġu ammessi l-iskola wara li l-applikazzjoni tagħhom tkun ivvettjata minn dan il-Bord. Jiena nfurmata wkoll li fl-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca fi Triq Vajrinġa, ir-Rabat ikun hemm bżonn ta' bidliet strutturali biex tkun tista' takkomoda t-tifla li qed jirreferi għaliha l-onor interpellant. Sa meta jsiru x-xogħolijiet meħtieġa, omm it-tifla tippreferi li din tintbagħat l-iskola primarja tax-Xewkija minflok fil-Kindergarten ta' Sannat fejn hemm il-faċilitajiet ta' trasport għal tfal bi bżonnijiet speċjali.