Tista' l-Ministru twieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 10481 dwar jekk tistax tagħti lista tal-ħlasijiet speċjali u/jew allowances oħra mogħtija wara s-6 ta' Settembru, 1998 lill-uffiċjali fil-ministeru/dekasteru tagħha għal servizzi mogħtija qabel dik id-data u dan b'deċiżjoni speċifika tal-gvern preżenti, skond kull każ? Tista' tagħti r-raġunijiet f'kull każ, għall-ħlasijiet li jsiru/jew saru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li wara s-6 ta' Settembru 1998, il-Ministeru għal Għawdex ma tax ħlassijiet speċjali u/jew allowances oħra lill-uffiċċjali tiegħu għal servizzi mogħtija qabel id-data msemmija.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikanti għal post ta' kok fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, liema sejħiet għal mili ta' dan il-post kienu saru mill-amministrazzjoni preċedenti?
Min huma l-applikanti u meta se jsiru l-intervisti meħtieġa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor Interpellant li kien hemm sitt applikazzjonijiet għall-mili ta' post ta' kok fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex wara sejħa għall-applikazzjonijiet li kienet ħarġet fit-18 ta' Frar 1999.
M'hix prudenza li f'dan l-istadju niżvela l-ismijiet ta' l-applikanti. Jekk ma jinqalgħux diffikultajiet, l-intervisti mistennija jsiru fil-futur mhux 'il bogħod.
Tista' l-Ministru tagħti lista tal-ħlasijiet speċjali u/jew allowances oħra mogħtija wara s-6 ta' Settembru, 1998 lil uffiċjali fil-Ministeru/dekasteru tagħha għal servizzi mogħtija qabel dik id-data, u dan b'deċiżjoni speċifika tal-gvern preżenti, skond kull każ? Tista' jekk jogħġobha f'kull każ tagħti r-raġunijiet għall-ħlasijiet li jsiru/jew saru?
Tista' l-Ministru tgħid min kien jifforma parti mid-delegazzjoni li akkumpanjata fuq il-mawra li għamlet barra minn Malta waqt il-vaganzi tal-parlament? Kemm swiet din il-mawra, x'kien l-iskop tagħha u x'kienet ir-raġuni għaliex akkumpanjata il-persuna msemmija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Iż-żjara tal-Ministru għal Għawdex f'Toronto l-Kanada u Detroit u New York fl-Istati Uniti kienet waħda simili għal dawk li saru qabel minn diversi Prim Ministri u Ministri f'amministrazzjonijiet differenti. Il-Gvern preżenti għandu għal qalbu l-emigranti Maltin f'pajjiżi barranin bħalma huma l-Canada, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, l-Awstralja u l-Ingilterra u jrid ikompli jsaħħaħ ir-rabtiet magħhom.
Naħseb li l-Onor Interpellant jaf li parti kbira ta' dawn l-emigranti huma Għawdxin li l-Ministeru għal Għawdex għandu interess speċjali fil-ġid tagħhom.
Fiż-żjara tagħha l-Ministru għal Għawdex li kienet akkumpanjata minn żewġha u mis-Segretarju Permanenti ltaqgħet ma' diversi għaqdiet tal-Maltin u l-Għawdxin. F'dawn il-laqgħat il-Ministru fissret u ddiskutiet il-politika preżenti tal-Gvern Malti f'oqsma li huma ta' interess għall-emigranti.
Saru laqgħat ukoll ma' imprendituri Maltin u Għawdxin li matulhom ġiet mistħarrġa l-possibilita' ta' investiment fil-gżejjer Maltin. Saru żjarat ukoll lil diversi fabbriki u postijiet oħra ta' xogħol li huma propjeta' ta' emigranti Maltin. F'Toronto, il-Ministru qiegħdet l-ewwel ġebla ta' fabbrika kbira tal-kumpanija Upwardor, kumpanija li timmanifattura l-bibien u li hija propjeta' ta' emigranti Għawdxin li għandhom ukoll fergħa tal-kumpanija f'Għawdex. Il-Ministru stħarrġet ukoll il-possibilta' li bil-koperazzjoni u bl-għajnuna tal-Gozo Club ta' Toronto jitwaqqaf databank tal-Għawdxin fil-Canada biex tkun tista' tissaħħaħ iktar ir-rabta ta' l-emigranti u wliedhom mal-gżira ta' Għawdex. Dan id-databank ikun jista' jiġi estiż għall-emigranti Għawdxin f'pajjiżi oħra barranin. Ġie deċiż li dan il-proġett jiġi implimentat u ġa ngħata bidu għalih.
Il-Ministru kellha wkoll taħdidiet dwar għajnuna li organizzazzjonijiet mhux Governattivi Għawdxin jistgħu jiksbu minn għaqdiet filantropiċi barranin.
Il-Ministru kienet il-mistiedna ta' l-unur għal riċeviment li sar f'Toronto biex jitfakkar Jum l-Indipendenza fejn kellha l-okkażjoni tiltaqa' ma' diversi rappreżentanti ta' pajjiżi barranin kif ukoll ma' emigranti oħra Maltin ta' diversi professjonijiet. Hija tat ukoll intervista lil mezzi tax-xandir.
L-ispejjez ta' l-ajru għal din iż-żjara kienu Lm4327 filwaqt li l-ispejjez l-oħra laħħqu Lm3369.
Tista' l-Ministru ġentilment tgħid jekk mill-vapuri eżistenti tal-Gozo Channel li joperaw bejn Malta u Għawdex, liema minnhom għadhom bis-sistema ta' drenaġġ li tmur direttament għal ġol-baħar?
Xi prekawzjonijiet jittieħdu biex ma ssir kontaminazzjoni tal-port? Il-vapuri l-ġodda tal-Gozo Channel li qed jinbnew x'sistema ta' drenaġġ se jkollhom biex tiġi evitata l-pollution tal-baħar mid-drenaġġ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-vapuri eżistenti, l-M.V. Mġarr u l-M.V. Ċittadella għandhom sistema antika ta' drenaġġ li jmur direttament għal-baħar. Pero' dawn il-vapuri għandhom holding tank li jitbattal meta dawn ikunu barra l-port.
Jiena nfurmata wkoll li l-vapuri l-ġodda ukoll ser ikollhom holding tank. Hemm ukoll il-ħsieb li fuq il-mollijiet ta' l-Mġarr jiġu mogħddija pajpijiet tad-drenaġġ biex id-drenaġġ tal-vapuri jiġi mbattal ġos-sistema tad-drenaġġ ta' l-art.
Tista' l-Ministru ġentilment tgħid x'sar minnu l-imraddar li kien hemm quddiem l-islipway tal-Menqa f'Marsalforn (fuq in-naħa ta' ġewwa nett quddiem il-public convenience) li kien jintuża biex jitellgħu id-dgħajjes mill-isplipway bih?
Veru m'għadux hemm u jekk m'għadux, għaliex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-imraddar li jinsab fil-menqa ta' Marsalforn ħdejn il-latrina ġie maqlugħ għar-raġuni li kellu bżonn manutenzjoni li ma setgħetx issir fuq il-post.
Dan l-imraddar ser jerġa' jitpoġġa f'postu mill-aktar fis possibbli.
Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li se jiġi mgħarraq il-vapur tal-Gozo Channel "Ix-Xlendi"?
Meta nxtara oriġinarjament mill-Gozo Channel u kemm ġie jiswa?
Fejn se jiġi mgħarraq?
Meta kien involut f'ħabta ma' Kemmuna?
Kemm kienet l-ispiża tal-ħsara?
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-inkjesta li kienet saret wara din il-ħabta?
Possibbli li l-Gozo Channel tgħid bejn wieħed u ieħor kemm-il trip għamel l-vapur "Ix-Xlendi" bejn Malta u Għawdex?
Kemm se tiġi tiswa l-operazzjoni biex jiġi mgħarraq, inkluż ix-xogħol ta' tindif u żarmar ta' apparat, li diġa' sar fuqu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-vapur tal-Gozo Channel 'Ix-Xlendi' se jiġi mgħarraq fix-Xatt l-Aħmar bħala attrazzjoni għall-għaddasa meta jinkisbu l-permessi meħtieġa.
Jiena nfurmata li dan il-vapur nxtara mill-kumpanija Gozo Channel fi Frar tal-1990. Dan kien involut f'ħabta ma' Kemmuna fis-16 ta' April 1992. Jiena nfurmata li mhuwiex xieraq li tingħata informazzjoni ta' natura kummerċjali. Ma narax il-ħtieġa li npoġġi r-rapport imsemmi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Bejn wieħed u ieħor saru madwar 24,096 vjaġġi bejn Ottubru 1990 u d-9 ta' Mejju 1997 (l-aħħar vjaġġ tax-Xlendi). Dan l-ammont jeskludi vjaġġi li saru bejn is-17 ta' Ġunju 1990 u t-30 ta' Ottubru 1990 peress li ma kienux inżammu rekords. Jiena nfurmata wkoll li l-Kumpanija Gozo Channel mhix mistennija li tħallas xi flejjes biex dan il-vapur jiġi mgħarraq.
Tista' l-Ministru tgħid mill-vot kapitali 24 (Youth & Sport - Expenditure for Gozo) kemm intnefqu flus u kif intnefqu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-flus li intefqu taħt item 25 tal-Vot Kapitali Nru XII tal-Ministeru għal Għawdex li jirrigwardja faċilitajiet sportivi. S'issa l-ispiża taħt dan l-item tammonta għal Lm7118.72. Minn dan l-ammont Lm327.58 intefqu fuq ix-Shooting Range fiż-Żebbuġ, Lm160 fuq il-pitch tal-boċċi f'Marsalforn, Lm399.05 intefqu sabiex tinbidel is-sistema tal-floodlighting fiċ-Ċentru Sportiv, Lm2300 intefqu sabiex jinxtraw planki għall-ground tal-football fix-Xewkija, Lm1733.09 intefqu fuq il-Korsa ta' Xħajma, Lm199 fuq il-Gozo Stadium filwaqt li Lm2000 intefqu f'pagi.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi s-somma globali li l-ħaddiema Għawdxin għandhom jirċievu bħala ħlas ta' overtime u shift allowance?
Kemm hu n-numru ta' ħaddiema, dipartiment b'dipartiment li ħadmu l-overtime u shifts u għadhom ma tħallsux?
Meta beħsiebu l-Gvern iħallas lil dawn il-ħaddiema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Equipment Procurement Committee għadux jiffunzjona? Min huma l-membri u kemm saru laqgħat mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn? X'deċiżjonijiet ittieħdu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn dwar xiri ta' apparat?
Tista' l-Ministru tgħid minn min huwa kompost il-Kunsill Mediku (jew kumitat mediku) għall-amministrazzjoni ta' l-iSptar Ġenerali, Għawdex?
Kemm-il laqgħa saret s'issa mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
X'deċiżjonijiet importanti ttieħdu u kemm minnhom ġew attwati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill tas-Saħħa għal Għawdex huwa kompost kif muri hawn taħt:
Professur Maurice N Cauchi Chairman
Is-Sur Paul Buttigieg D/Chairman
Is-Sur Emanuel Grech Segretarju
It-Tabib Salvino Galea MD Membru
It-Tabib Patrick Sciberras MD Membru
It-Tabib Teddy George Farrugia MD Membru
Is-Sur Saviour Sciberras Membru
Is-Sur Anastasio Degiorgio Membru
Is-Sur Louis Attard Membru
Ms Maria Cassar Membru
Is-Sur Joe Xuereb Membru
Dan il-Kunsill iltaqa' l-ewwel darba fit-18 taż Ġunju 1999, u minn dak in-nhar sat-30 ta' Settembru 1999 saru ħames laqgħat.
Jiena nfurmata li s'issa l-Kunsill ħa fost l-oħrajn, dawn id-deċiżjonijiet:
- Sar survey fuq id-distribuzzjoni tal-mediċini;
- Bdiet toħroġ Newsletter;
- Qegħdin jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jitwaqqaf Customer Care/Health Promotion Unit fl-Isptar;
- Il-Kunsill qed jaħdem biex titwaqqaf Koperattiva għall-ħaddiema tal-Laundry fuq l-istess linji ta' dik eżistenti f'Malta;
- Twaqqaf Volunteers Co-ordinating Committee li qed jiffunzjoni regolarment;
- Ġiet introdotta sistema ta' job cards fis-sezzjoni tal-manutenzjoni ta' l-Isptar;
- Sar programm ta' taħriġ fil-Customer Care għall-impjegati ta' l-Isptar;
- Ġie mwaqqaf sotto-kumitat għal Clinical Audit
- Twaqqaf Management Committee għall-Isptar li qed jiltaqa' kull ġimgħa;
- Qiegħda issir laqgħa ta' kull xahar għall-kapijiet tas-sezzjonijiet kollha ta' l-Isptar; u
- Qiegħda tiġi mistħarrġa l-possibilta' ta' titjib fis-servizzi ta' l-Outpatients li jingħataw mill-isptar.
Tista' l-Minsitru tikkonferma illi l-proġett tal-bini tal-laboratorju tax-xjenza u li għalih kienu saru l-ewwel sejħiet għall-offerti għal bini tiegħu fl-amministrazzjoni preċedenti, liema proġett kien qiegħed isir fiċ-Ċentru Michael Angelo Refalo tar-Rabat, Għawdex twarrab u ma tkomplix?
Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, tista' l-Ministru tagħti r-raġuni għal dan?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-proġett tal-bini tal-laboratorju tax-xjenza fiċ-Ċentru għall-aktar studji Sir Michelangelo Refalo ma twarrabx u qiegħed jitkompla.
Fil-fatt ħarġu l-offerti u diġa' ingħatat tender għal xogħolijiet ta' aperturi tal-aluminju marbuta ma' dal-proġett. Ħarġu l-offerti wkoll għal xogħolijiet ta' elettriku w mekkanika w it-tender se tingħata dalwaqt mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Ta' min igħid ukoll li l-offerti għal xogħolijiet ta' tibjid u tikħil għall-istess proġett, qegħdin quddiem il-Bord Aġġudikatorju u mistenni jingħataw dalwaqt.
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru security guards fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex minn Ottubru 1998 sal-lum?
Kemm huwa n-numru attwali ta' security guards fl-istess sptar u kemm kien in-numru sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin?
X'inhi r-raġuni li wħud mill-istess security guards għalkemm jagħmlu xogħol bħal oħrajn, m'humiex jitħallsu la tal-ħdud u la ta' l-iljieli extra minnhom maħduma?
Għawdex — Uffiċċju ta' Reġistrazzjoni ta' l-Artijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru meta nhar l-Erbgħa, l-1 ta' Settembru, 1999 kienet saret spezzjoni għall-għarrierda mis-Segretarju Permanenti, mid-Direttur Ġenerali u min-Nutar Dr M. Debono Borg fl-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni ta' l-Artijiet f'Għawdex u kien instab li twettqu xi irregolaritajiet minn uħud mill-istaff ta' l-istess uffiċċju?
Min mexxa l-investigazzjonijiet? X'irriżulta? X'passi ttieħdu wara dawn l-investigazzjonijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-investigazzjonijiet interni issa ġew konklużi u l-każ se jiġi riferut lill-Avukat Ġenerali skond Regolament 6 tar-Regolamenti ta' l-1977 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina).
Tista' l-Ministru issa twieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8187?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-mistoqsija, qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi li juru n-nefqa f'petrol jew diesel mill-5 ta' Settembru 1998 sal-21 ta' Ġunju 1999 għall-użu tal-karozzi fil-Ministeru għal Għawdex li jinkludi d-Dipartiment għas-Servizzi Korporattivi/Segretarjat Privat, id-Dipartiment tal-Customer Services u d-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp.
L-ammont totali li ntefaq f'petrol u diesel għal dan il-perijodu kien Lm11,310.41. Fl-istess perijodu s-sena l-oħra taħt l-amministrazzjoni preċedenti, jiġifieri bejn il-5 ta' Settembru 1997 u l-21 ta' Ġunju 1998, l-ispiża totali kienet Lm15,844.45,5 jiġifieri Lm4534.04,5 jew 40% iktar minn din is-sena.
Qiegħda npoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella dwar l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija li tagħmel paragun ma' nfieq f'diesel u petrol ta' karozzi ta' diretturi u chairpersons fid-dikasteru ta' dan il-Ministeru f'perijodi simili taħt l-amministrazzjoni ta' qabel.
Tista' l-Ministru tgħid: (a) x'inhi r-raġuni li minkejja li nħarġu l-applikazzjonijiet għal mili ta' Ophtalmic Consultant Surgeon fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, din il-kariga għadha ma tteħditx; u (b) meta beħsiebha timtela' din il-kariga?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li d-dewmien ġie kkawżat minħabba li ċ-Chairman tal-Bord tal-Għażla jinsab marid minħabba operazzjoni.
Qiegħed jiġi kkunsidrat x'jista' jsir biex il-proċeduri jitħaffu.
Taf il-Ministru li l-mains ta'l-ilma li hemm fil-blokki tal-flats IA f'Taċ-Ċawla Housing Estate, Għawdex, qegħdin inixxu l-ilma fl-entrata? Minkejja li dan l-ilma ilu jnixxi għal diversi ġimgħat ma tteħdux passi biex dan l-inkonvenjent jitneħħa? Meta se jitieħdu passi biex jissewwew dawn il-ħsarat?
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern għandux xi proġett għal Għawdex għal millenju l-ġdid?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-akbar proġett għal Għawdex għall-millennju l-ġdid għandu jkun l-iżvilupp soċjo-ekonomiku sostenibbli tal-gżira. Il-Ministeru għal Għawdex qed jimpenja ruħu f'dan ir-rigward bi proġetti, programmi w inizjattivi pubbliċi u b'ħidma sħiħa biex jinċentiva s-settur privat.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se jitkompla l-pjan ta' l-amministrazzjoni preċedenti li fuq il-blokk ta' flats li hemm tal-gvern f'Taċ-Ċawla jinbnew washrooms għal użu ta' l-inkwilini ta' l-istess flats?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ma kien hemm ebda pjan ta' l-amministrazzjoni preċedenti biex jinbnew washrooms fuq il-Blocks residenzjali taċ-Ċawla. Kien hemm biss l-ideja li jinbnew washrooms fuq Blocks B, C u D, saret stima u kien hemm il-ħsieb li jitqabbad perit biex japplika għall-permessi taħt il-General Development Order.
Dan l-aħħar id-Dipartiment tal-Customer Services kien qiegħed isegwi l-każ mad-Direttur ta'l-Akkomodazzjoni Soċjali biex jara jekk it-talba li reġgħu għamlu reċentement xi inkwilini dwar dawn il-washrooms hijiex rakkomandabbli li titwettaq.