Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11197 Sitting 181 1999-11-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Yacht Marina — Pontoons

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu aktar pontoons fil-Yatch Marina li hemm ix-Xatt ta' l-Imġarr, Għawdex billi jien informat li hemm mill-anqas post wieħed fejn jista' jiżdied pontoon wieħed ieħor?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #11130 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xlendi - Diskoteka

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11058 billi l-Ministru għażlet li tweġibini li "hi informata li l-fossa eżistenti f'dan il-fond qed titbattal regolarment, meta tinħass il-ħtieġa minn kuntrattur privat", hux possibbli li l-Ministru ġentilment tinformani - dejjem jekk hu possibbli - kemm-il darba din il-fossa ġiet imbattla mill-kuntrattur privat mill-1 ta' Jannar, 1999 sa l-1 ta' Novembru, 1999?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li l-fossa li għaliha l-Onorevoli Interpellant għamel referenza qed titbattal minn kuntrattur privat għas-spejjez tas-sid, il-Ministeru m'għandux informazzjoni dwar kemm-il darba din ġiet imbattla.
Leg 9 PQ #11131 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xlendi - Diskoteka

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 11058, tista' l-Ministru tgħid jekk biex tagħmel fossa tridx il-permess tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u/jew tad-dipartiment tad-drenaġġ u/jew ta' xi dipartiment governattiv ieħor? Jekk dan hu l-każ, meta intalab permess biex issir il-fossa tad-diskoteka ewlenija fin-niżla tax-Xlendi u meta ħareġ il-permess biex issir din il-fossa? Tista' l-Ministru tgħidli meta saret il-pompa f'din id-diskoteka biex id-drenaġġ jibda jitbattal għal ġol-fossa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kostruzzjoni ta' fossa jrid ikun kopert b'liċenzja maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika wara li jingħata permess mill-Awtorita' tal-Ippjanar. Jiena nfurmata li l-fossa in kwistjoni kienet isservi residenza ta' wieħed stranġier li kien jabita f'din id-dar għal madwar tletin sena, sal-1982. Din id-dar kienet inbniet aktar minn erbgħin sena ilu. Għaldaqstant, f'dak iż-żmien il-ħruġ tal-permess tal-bini ta' dar kien jinkludi wkoll il-bini tal-fossa. Din ir-residenza, wara xi alterazzjonijiet strutturali kienet ġiet rikonvertita f'diskoteka, fl-1987, u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa ta' permess biex issir il-fossa. Madankollu, id-diskoteka hija servuta b'fossa waħda u m'hemm ebda pompa.
Leg 9 PQ #10961 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għal Għawdex

VRT — Garaxxijiet liċenzjati

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk u meta se jinfetaħ jew jinfetħu garaxxijiet liċenzjati biex jagħmlu l-VRT lis-sidien tal-karozzi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li sa issa f'Għawdex hemm Testing Station waħda liċenzjata biex tagħmel l-Vehicle Roadworthiness Test lis-sidien tal-karozzi. Jiena nfurmata li d-Dipartiment tal-Liċenzi u Testijiet għandu żewġ applikazzjonijiet oħra għal Testing Stations ġewwa Għawdex li qed jiġu kkunsidrati.
Leg 9 PQ #11043 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Għawdex - Higher secondary

Question

Taf il-Ministru li l-Higher Secondary ġewwa Għawdex tinsab bla għalliem/a tal-matematika? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex din l-iskola tiġi pprovduta b'għalliem f'dan is-suġġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li fil-preżent fil-Higher Secondary School ġewwa Għawdex hemm fil-preżent nuqqas ta' għalliem wieħed tal-matematika. Dan il-post mistenni jimtela meta jkun magħruf ir-riżultat ta' l-intervista għall-mili ta' post ta' supply teacher tal-matematika.
Leg 9 PQ #11058 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xlendi - Diskoteka

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9352, tista' l-Ministru ġentilment tikkonferma informazzjoni li għandi li l-kuntrattur privat ibattal il-fosos wara li s-sid konċernat jagħmel talba lis-sanita' f'Għawdex? Jekk din l-informazzjoni hija minnha, possibbli li l-Ministru ġentilment tinformani kull meta, xahar b'xahar, is-sid tad-diskoteka ewlenija fin-niżla tax-Xlendi għamel talba biex titbattal il-fossa ta' din id-diskoteka mill-1 ta' Jannar, 1999 sa l-aħħar ta' Ottubru 1999 (xahar b'xahar)? Jekk it-talba biex titbattal fossa tiġi reġistrata bil-miktub b'xi mod mis-sanita' f'Għawdex, tista' l-Ministru ġentilment tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, jew tgħaddi lili privatament, kopja ta' din ir-reġistrazzjoni bil-miktub ta' kull meta saret talba mis-sid ta' din id-diskoteka ewlenija fix-Xlendi biex titbattal il-fossa ta' din id-diskoteka fil-perijodu ta' bejn l-1 ta' Jannar, 1999 sa l-aħħar ta' Ottubru 1999?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li fossa tista' titbattal wara li ssir talba permezz ta' applikazzjoni mis-sid lill-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika jew inkella din tista' titbattal u titħammel minn kuntrattur privat inkarigat mis-sid stess għas-spejjez tiegħu, minflok li dan joqgħod jirrikorri għas-servizz provdut mill-Gvern. Rigward il-fossa tad-diskoteka ewlenija li tinsab fin-niżla tax-Xlendi, jiena nfurmata li l-fossa eżistenti f'dan il-fond qed titbattal regolarment, meta tinħass il-ħtieġa, minn kuntrattur privat ikkummissjonat mis-sid. F'dan il-każ is-sid mhux obbligat li jinforma l-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika b'dan. L-onorevoli interpellant għandu jkun jaf li mill-ewwel ta' Jannar 1999 sa l-aħħar ta' Ottubru, 1999, ma ġietx reġistrata l-ebda talba fl-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika f'Għawdex sabiex il-fossa ta' din id-diskoteka partikulari titbattal.
Leg 9 PQ #11061 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Awtorita' tat-Turiżmu

Question

Tista' l-Ministru ġentilment tgħid jekk ġietx kostitwita l-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Għawdex? Jekk iva, tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri kollha ta'din l-awtorita' u x'kariga għandhom? Meta ġew maħtura dawn il-membri?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-onor interpellant li ma ġiet kostitwita ebda Awtorita' tat-Turiżmu ta' Għawdex. Jista' jkun li l-onor membru qed jirreferi għall-Gozo Tourism Association li twaqqfet kmieni din is-sena, li hija Assoċjazzjoni privata w awtonoma għal dawk li huma involuti fis-settur turistiku f'Għawdex.
Leg 9 PQ #10730 Sitting 170 1999-11-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il konsulent għandha ngaġġati mal-Ministeru tagħha u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ħlief il-konsulenti fid-dixxiplini varji li qegħdin iservu fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex il-Ministeru għal Għawdex m'għandu l-ebda konsulent ieħor ingaġġat miegħu.
Leg 9 PQ #10850 Sitting 169 1999-11-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xagħra - Racecourse Street - Toroq

Question

Tista' l-Ministru tara li x-xogħol tat-tarmak u bankini f'Racecourse Street, Xagħra, Għawdex jitkompla u jitlesta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li x-xogħol tat-tarmak u bankini f'Racecourse Street, Xagħra, Għawdex qiegħed isir mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra. Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #10852 Sitting 169 1999-11-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Saħħa — Għawdex - Sptar Ġenerali - Makni tal-kliewi

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta' kiri tal-makna tal-kliewi għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji meħtieġa fis-sens għal kemm perijodu ta' żmien ġiet mikrija, bl-ammont kemm ġiet mikrija, kif ukoll id-dettalji kollha neċessarji biex wieħed ikun jista' jkun jaf meta se tibda taħdem?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-ftehim li qiegħed jirreferi għalih l-Interpellant huwa bejn żewġ kumpaniji kummerċjali u ma jidhirlix li għandu jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Sa dan it-tant nista' ngħid illi l-apparat kollu jsir propjeta' tal-Gvern ta' Malta wara 5 snin minn meta jiġi installat. Ix-xoghol strutturali kważi lest u l-appart beda jiġi installat fil-post. Diġa' beda jsir it-taħriġ ta' staff għal din il-unit.
Leg 9 PQ #10853 Sitting 169 1999-11-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ħwienet — Liċenzji

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn Settembru 1998 sa Ottubru 1999 kemm ingħataw liċenzji ġodda għall-ftuh ta' ħwienet, supermarkets u mini-markets f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitlub tinsab skedata hawn taħt: Xahar Supermarket Mini Market Ħwienet oħra Settembru 1998 - 1 4 Ottubru 1998 - - 3 Novembru 1998 - - - Diċembru 1998 - - - Jannar 1999 - - 20 Frar 1999 - - - Marzu 1999 - - 1 April 1999 1 - 6 Mejju 1999 - 1 1 Ġunju 1999 - - 1 Lulju 1999 1 - 1 Awissu 1999 1 - 2 Settembru 1999 - - 3 Ottubru 1999 - 1 4
Leg 9 PQ #10731 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali — Security Guards

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10385?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li mill-1 ta' Ottubru 1998 sa l-aħħar ta' Settembru 1999 inħatru sitt persuni fil-grad ta' Security Guards fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. In-numru ta' mpjegati f'dan il-grad li kien hemmm fl-istess sptar matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kien 28 fl-1995, 27 fl-1996, 25 fl-1997, 29 fl-1998 u 26 fil-preżent. Jiena nfurmata li ma hemm l-ebda impjegat fil-grad ta' Security Guard fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li mhux qed jitħallas tal-Ħdud u ta' ljieli extra maħduma.
Leg 9 PQ #10732 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Equipment Procurement Committee — Membri

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10381?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Equipment Procurement Committee għadu jiffunzjona u li huwa kompost minn Dr A. Livori bħala Chairman, is-Sur M. Axiaq bħala Segretarju u s-Sinjuri R. Aquilina, F. Grech, A. Degiorgio, F. Masini, Dr M. Masini, Dr R. Sciberras, J. Attard, S. Portelli u E. Depasquale bħala membri. Jiena nfurmata li mill-5 ta' Settembru 1998 sat-13 ta' Ottubru 1999 dan il-kumitat iltaqa' 11-il darba u matul dan il-perijodu approva li jinxtara l-apparat li jidher hawn taħt: - Reference Electrode - Elector-Metric Board for II 1306 Analyser at Lab Dept. - Oxygen Tents for Paediatric Ward at GGH - Frontline Urine Strips - High Vacuum Autoclave at the CSSD - Bag Holders - PHACO Emulsifier Device - Instruments for Podology Dept. - Bags Colostomy (Stoma Cur Protect) - Electrode Leads (For Marquette Monitor Z200 series) - Insert Drill Sleeve - McLintock Ovum Forceps (6) - Cable for Storz Bipolar Instruments (10) - Ocular Adapter to fit Wolf-Endocamera to Pentax Endoscope (1) - Ultra Sonic Cleaner - Accessories for CSSD (Stainless steel baskets, Stainless steel shelving, Basket Trolley with handle, Two Table Trolley autoclave height, Inspection Lamp, Sterilisation Reel Cuttuer and Dispenser, Distribution Trolleys, two units, one clean, one dirty) - Automoatic Endoscopic Washer / Disinfector - Caustic Applicators - Direct Mounting, Wall Suction Units for CCU - GGH - Thermometers - Aluminium Cabinet for CSSD - Two leaf Door for Physiotherapy Dept at GGH - Sur FAst Intraossour Infusion Needles Sets Paediatric / Theatre - Ripple Mattresses (8) - Incubation for Laboratory Fan Circulated - Surgical Lamps for Operating Theatre - IV Sets Infusion Plastic Disposable - Carrier for Transport of Blood Products - Bag leg X 1300ml - Vaporiser (one) and Bottle Steam Sterilizer (6 bottles) - Renal Unit: Couches, trolleys, supply units, air condition, TV Sets, Installation of TVs, Aluminium Partitions, Digital Patient's Scale - Filters for humidification and Barrier for Ventilation (Bacterial and Viral) - Stabilised power supply Il-Kumitat approva wkoll xiri ta' spare-parts għall-apparat li qed jintuża regolarment fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
Leg 9 PQ #10840 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Skola Agius De Soldanis - Għawdex

Question

Taf il-Ministru li l-klassi tal-ħames sena fl-iskola tal-bniet Agius De Soldanis tar-Rabat, Għawdex ilha bla għalliem tal-Malti minn mindu bdiet minn wara l-btajjel tas-sajf? Jidhirlhiex il-Ministru li xahar bla għalliem għal din il-klassi huwa żmien twil wisq meta wieħed iqis li dawn l-istudenti jridu jersqu għall-eżami ftit tax-xhur oħra? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dan l-għalliem/a jiġi provdut lil din il-klassi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kienet teżisti l-ebda vakanza ta' għalliema tal-Malti fil-klassi tal-Form V fl-iskola tal-bniet Agius de Soldanis, fir-Rabat Għawdex fil-bidu tas-sena skolastika. Iżda minħabba li l-għalliema ta' dan is-suġġett ħarġet b'long sick leave wara l-ftuħ ta' l-iskola, qegħdin jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex din l-għalliema tiġi sostitwita minn xi għalliem ieħor.
Leg 9 PQ #10841 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Junior Lyceum Ninu Cremona - Għawdex

Question

Taf il-Ministru li l-klassi tar-raba' sena fil-Junior Lyceum Ninu Cremona tar-Rabat, Għawdex ilha bla għalliem tal-Malti minn mindu bdiet? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dan l-għalliem/a jiġi provvdut lill-din il-klassi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kienet teżisti l-ebda vakanza ta' għalliema tal-Malti fir-raba' sena fil-Junior Lyceum 'Ninu Cremona' tar-Rabat Għawdex fil-bidu tas-sena skolastika. Iżda peress li l-għalliema ħarġet b'long sick leave id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni qiegħda tieħu l-passi meħtieġa sabiex din l-għalliema tiġi sostitwita minn xi għalliem ieħor.
Leg 9 PQ #10847 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Settur Pubbliku — Ħaddiema - Spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn Settembru 1998 sa Ottubru 1999 kemm saru spezzjonijiet fuq ħaddiema u mpjegati tal-Gvern xahar b'xahar? Kemm ingħataw charges xahar b'xahar? Kemm ħaddiema u mpjegati weħlu għaliex instabu ħatja? Kemm minn dawn kellhom l-akkuża tagħhom imwaqqgħa wara li ħadu affidavit? Kemm ħaddiema u mpjegati mal-Gvern instabu ħatja?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #10848 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Saħħa — Għawdex - Sptar Ġenerali

Question

Tista' l-Ministru tassigura lill-Kamra li fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex l-ispejjeż rikurrenti m'humiex qegħdin jintnefqu mill-Vot Kapitali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #10849 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Saħħa — Għawdex - Sptar Ġenerali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm x-ray machines fil-preżent jiffunzjonaw fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Tista' tassigura lill-Kamra li f'każ ta' emerġenza, u jekk jinqata' d-dawl, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemmx x-ray machine li taħdem permezz ta' generator?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm 3 X-Ray machines. Dawn huma: 1. X-Ray machine li tinkludi X-Ray Screening Unit. Din tiffunzjona tajjeb imma jekk imur id-dawl din ma tkunx tista' tintuża għaliex tieħu ħafna 'power' biex titħaddem u għalhekk il-generator tal-Isptar ma jlaħħaqx mal-'input power' tal-magna. 2. Magna Portable illi peress li għandha 'l fuq minn għoxrin sena, ta' spiss qed ikollha ħsarat. Minħabba illi l-parts tagħha huma 'obsolete' qed ikun diffiċli li titranġa. F'kaz ta' qtugħ ta' dawl, din il-magna tista' tiffunzjona. 3. X-ray machine oħra li ukoll għandha 'l fuq minn għoxrin sena. Din il-magna għandha bżonn ta' major repairs li jinkludu l-bdil tat-tubu. Dan it-tubu ma nstabx jinxtara għaliex huwa 'obsolete' għalhekk il-magna mhix taħdem. Barra minn dawn l-Isptar għandu wkoll 'Image Intensifier' li qegħdha fl-Operating Theatre u tintuża waqt ċerti operazzjonijiet. F'każ ta' qtugħ ta' dawl, il-magna taħdem permezz tal-generator. F'każ ta' qtugħ ta' dawl, l-unika magna li tiffunzjona hija l-'Portable X-ray machine' imsemmija hawn fuq. Qed isiru arranġamenti sabiex tiġi ordnata Portable X-Ray machine li tkun tista' tiġi użata anke f'każ ta' qtugħ ta' dawl.
Leg 9 PQ #10639 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Għalliema

Question

Taf il-Ministru li studenti tal-Form V li waslu biex jagħmlu l-eżamijiet tal-GCE jew tal-Matsec, fil-futur qarib, għadhom mingħajr għalliema tal-Malti u tat-Taljan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kienu jeżistu l-ebda vakanzi ta' għalliema tal-Malti u tat-Taljan fil-Form V fil-bidu ta' din is-sena skolastika. Iżda minħabba li l-għalliema ta' dan is-suġġett fl-iskola Agius de Soldanis ħarġu b'long leave wara l-ftuħ ta' l-iskola, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qegħda tieħu l-passi meħtieġa sabiex jimtlew dawn il-vakanzi.
Leg 9 PQ #10640 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għal Għawdex

Skejjel — Għalliema

Question

Taf il-Ministru li studenti tal-Form IV għadhom bla għalliema fl-ilsien Taljan u li għalliema tal-matematika ttieħdet tgħallem klassi oħra u l-klassi tagħha ġiet imċaħħda minn dan is-suġġett tant importanti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma kienet teżisti l-ebda vakanza ta' għalliem tat-Taljan ta' l-istudenti tal-Form IV fil-bidu ta' din is-sena skolastika. Iżda waħda mill-għalliema tat-Taljan fl-iskola Sekondarja/Junior Lyceum tal-bniet Agius de Soldanis imbagħad ħarġet b'long sick leave u għalhekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qiegħda tieħu l-passi sabiex timtela l-imsemmija vakanza. Dwar l-għalliema tal-Matematika jiena nfurmata illi ma teżisti l-ebda vakanza.