Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn pulizija illum? X'rank għandhom? X'sess għandhom f'kull rank u kemm ilhom fil-korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: RankFil-preżentIrġielNisaAktar minn 25 sena servizz Kummissarju11-1 D/Kumm11-1 Ass. Kumm99-7 Supt242136 Spettur8069118 1/SM22-2 2/SM2925411 Surġent3012792228 Kuntistabbli1,3061,08721983

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il reklutaġġ ta' pulizija sar mill-1998 sal-lum sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: Kuntistabbli tal-PulizijaSpetturi tal-Pulizija 1998xejnxejn 1999xejn7 200076xejn 20018810 200272xejn 2003100xejn 2004xejn8 2005100xejn 2006135*xejn *għadhom għaddejjin bil-kors ta’ taħriġ li beda fit-23.10.06.

Korp tal-Pulizija — Vetturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inxtraw vetturi u apparat ġdid biex jintuża mill-korp tal-pulizija mill-2000 sal-lum u fiex kien jikkonsisti dan l-istess apparat/vetturi? Kemm kienet l-ispiża sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata. Infurmat ukoll illi sabiex jinġabar it-tagħrif għal perijodu hekk twil, irid isir eżerċizzju li jinvolvi ħafna riżorsi u li jieħu ammont sostanzjali ta' ħin. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' vetturi/muturi li nxtraw kif ukoll l-ispiża involuta mis-sena 2000 s'issa.

Dipartiment tal-Protezzjoni Civili — Apparat

Question

Kemm inxtara apparat għad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili mill-1998 sal-lum u fiex jikkonsisti? Kemm kienet l-ispiża sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie uffiċjalment imwaqqaf fis-sena 2000. Sabiex jitwaqqaf dan id-Dipartiment, il-Gvern Taljan permezz tar-Raba' Protocol kien għamel donazzjoni ta' apparat tat-tifi tan-nar u apparat ieħor b'valur totali ta' Lm6,526,259. Mis-sena 2000 sal-lum id-Dipartiment baqa' jattrezza ruħu b'apparat kemm mixtri kif ukoll apparat li ingħata bħala donazzjoni minn Gvernijiet u Istituzzjonijiet kemm lokali kif ukoll barranin. Billi l-lista ta' dan l-apparat hija estensiva, tingħata iktar informazzjoni għal din id-domanda f'xi seduta oħra.

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali u kemm hemm vakanzi fid-diversi gradi li jeżistu fid-dipartiment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' impjegati fl-Aġenzija ta' l-Avukat Ġenerali huwa ta' tmienja u erbgħin. Huwa maħsub li l-għadd idejali fil-futur bejn uffiċjali legali u support staff jiżdied.

Facilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u kemm minnhom huma barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-7 ta' Frar 2007, in-numru ta' residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' tlett mija u sitta u sebgħin (376), li minnhom mija u għaxra (110) huma ta' nazzjonalita' barranija.

Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati assenjati ma' kull kummissjoni li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tlett impjegati assenjati mal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li hija l-unika kummissjoni li tagħmel parti mid-dekasteru tiegħi.

Ħanut tal-merċa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani x'passi ttieħdu mill-pulizija dwar grocer fi triq li isimha qed jintbagħat separatament, talli dan joħroġ il-prodotti tiegħu fuq il-bankina, jħammeġ it-triq, jdendel il-prodotti mal-ħajt u jħalli ż-żibel minn ġurnata għal oħra quddiem residenzi oħrajn, ġaladarba saru rapporti, u dan għadu qed jopera hekk? X'passi jistgħu jsiru biex l-għajxien tar-residenti ġot-triq tkun salvagwardata u l-bankini jerġgħu jiġu għall-użu tar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti kontra l-persuna responsabbli mill-ħanut li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant. Minkejja dan, il-Pulizija ser tkompli tagħmel sorveljanza fit-triq imsemmija u tieħu passi opportuni skond il-liġi.

Mosta — Sqaq fi Triq il-Kbira

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Sqaq Nru. 4 fi Triq il-Kbira, Mosta hux privat jew le?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi Sqaq Nru. 4 fi Triq il-Kbira, Mosta huwa spazju miftuħ li minn fuqu hemm aċċess għal proprjeta' privata li kollha kemm huma għandhom ukoll drittijiet ta' servitu' fuq l-istess spazju miftuħ. Mill-pjanti miżmuma fit-Taqsima ta' Proprjeta' tal-Gvern jidher li dan l-istat ta' fatt ilu hekk ta' l-anqas 100 sena. Dan l-ispazju ma jikkwalifikax bħala proprjeta' tal-Gvern skond il-parametri wżati mill-istess Taqsima; pero' wieħed ma jistax jeskludi li dan l-ispazju irrenda ruħu pubbliku mal-milja tas-snin.

Każ dwar ittra

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu jew diġa' ħa l-Kummissarju tal-Pulizija rigward ittra li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant qed ikun investigat sabiex jittieħdu dawk il-passi kollha opportuni skond ma jirriżulta minn din l-investigazzjoni.

Marsaxlokk — Ponta tal-Qrajten

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-art li hemm fil-Ponta tal-Qrajten f'Marsaxlokk mikrija lill-Marsaxlokk Sailing Club (tenant no. 73206) m'hix qed tiġi offerta d-dritt tar-right of first refusal lill-inkwilin li preżentament qed jokkupa u dan kif pattwit mid-dipartiment ta' l-artijiet u l-inkwilin fil-kuntratt oriġinali tal-kera? Jikkonfermax ukoll li hemm terzi li wrew interess f'din l-art u li l-istess dipartiment beda proċeduri ta' żgumbrament lill-inkwilin preżenti sabiex l-art tingħata lil dawn it-terzi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inkwilin li kellu l-kirja tal-fond kummerċjali msemmi mill-Onorevoli Interpellant ġie żgumbrat mill-fond b'ordni tal-Kummissarju ta' l-Artijiet maħruġa fit-23 ta' Mejju 2006 skond l-Att Nru. 228 tal-Liġijiet ta' Malta. Dan kellu jsir peress li l-inkwilin baqa' dejjem ma ħallasx il-kera u l-arretrati li jammontaw għal aktar minn Lm82,000, għalkemm sar minn kollox biex din il-kera tiġi miġbura. Ser issir sejħa għall-offerti mill-ġdid ta' dan il-fond. Jekk xi ħadd mill-offerenti jitlob ir-right of first refusal din tiġi kkunsidrata wara li jagħlqu l-offerti skond il-Policy tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern.

Kawżi kostituzzjonali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm preżentement kawżi kostituzzjonali reġistrati? Kemm hemm sentenzi pendenti mill-istess qorti kostituzzjonali li ilhom għal deċiżjoni minn dik il-qorti għal aktar minn ħames snin? Jista' ukoll jgħid x'passi qed tieħu l-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja biex tali kawżi jiġu deċiżi mingħajr aktar dewmien u b'hekk tiġi evitata l-probabbilta' li tali kawżi jiġu riferuti għal deċiżjonijiet fil-qorti Ewropea għal drittijiet fundamentali tal-bniedem bi ksur tal-konvenzjoni dwar nuqqas ta' smiegħ xieraq u smiegħ fi żmien raġjonevoli?

Response (BORG, TONIO)

In-numru ta' kawżi kostituzzjonali pendenti fil-Qorti huwa ta' 37, li minnhom 6 huma sine die. Din il-figura hija korretta sa' l-aħħar ta' Diċembru 2006 u tirriżulta mill-istatistika ppublikata fuq is-sit www.mjha.gov.mt. Ninsab infurmat ukoll illi ma hemm ebda kawża kostituzzjonali illum li, mill-aħħar data tad-differiment għas-sentenza, ilha hekk pendenti għal aktar minn ħames snin.

Pulizija — Rapporti ta' serq minn djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fl-2006 kemm sar serq minn djar? Kemm minn dawn is-serqiet jirriżulta li l-vittmi kienu pazjenti ġewwa l-isptar San Luqa fil-mument li tkun saret is-serqa? F'liema swali kienu l-pazjenti misruqa u kemm kienu l-kwantita' ta' vittmi ta' serq f'kull sala ta' l-isptar?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibijet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 17124, 18971, 18973, 18975, 19492, 20089, 20644, 20646, 22412, 22415, 23463 u 23465. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif mitlub.

MIA — Ħaddiema ta' l-immigrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se jiżdied l-istaff complement tal-ħaddiema ta' l-immigrazzjoni ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm ħaddiema fil-preżent u kemm se jkun wara din iż-żieda? Jista' jgħid ukoll kemm hemm pulizija li qed jaqdu d-doveri tagħhom fl-ajruport u x'inhi n-natura tax-xogħol tagħhom? Jikkonferma li anke n-numru ta' pulizija se jiżdied?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s'issa mhux maħsub li ser ikun hemm żieda fin-numru ta' Immigration Officers fl-ajruport internazzjonali ta' Malta. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, kif naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, għal raġunijiet ta' sigurta', ma nħossx li huwa prudenti li tingħata informazzjoni dwar kif il-pulizija tikkordina l-ħidma ta' sigurta' f'dan il-post.

Dokumenti tal-qorti

Question

Jisa' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-okkażjonijiet meta dokumenti tal-qorti spiċċaw fil-ministeru tiegħu jew ta' l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici? Jikkonferma jekk fit-tehid tad-dokumenti tal-qorti li jappartjenu każijiet ta' individwi ma kien hemm ebda awtorizzazzjoni mill-uffiċjali nkarigati tal-qorti? Jikkonferma wkoll li ma saret ebda proċedura kif stabbilita fil-kodiċi dwar l-organizzazzjoni ċivili biex seta' isir dan? Jaf li dan jista' iwassal għall-proċeduri kriminali kontrih stess jew kontra l-istess segretarju parlamentari Carmelo Mifsud Bonnici li ammetta hu stess li kien ordna batch partikolari ta' ittri uffiċjali li jinġiebu fil-ministeru? Jista' jgħid x'se jagħmel bħala passi fid-dawl ta' dan kollu?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għall-ewwel domanda nġiebu f'tlett darbiet l-ittri uffiċjali eżekuttivi taħt l-artikolu 166A tas-sena 2005 u dawk tal-bidu tal-2006. Għar-rigward t-tieni ma nistax nikkonferma li d-domandi in kwistjoni waslu għand l-Onor. Segretarju Parlamentari mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-uffiċjali tal-qorti għaliex fil-fatt kien hemm tali awtorizzazzjoni. Għar-rigward t-tielet domanda dak li sar kien skond id-disposizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u proċedura ċivili. Għar-rigward għar-raba' domanda ma ġie komess ebda reat kriminali u għalhekk ma hemm lok għal ebda proċedura kriminali kontra ħadd. Għar-rigward l-ħames domanda ma jidhirx li hemm xi passi x'jittieħdu fid-dawl ta' dan kollu.

Kaċċaturi u nassaba

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu kaċċaturi u nassaba l-qorti s-sena l-oħra u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija ressqet 419 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ, kif emendat; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali; ir-Regolamenti ta' l-2006 dwar il-Konservazzjoni ta' l-Għasafar Selvaġġi u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).

Pulizija — Armi liċenzjati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew liċenzjati armi ġodda s-sena l-oħra u ta' liema tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-armi li ġew reġistrati għall-ewwel darba fis-sena 2006, kienu kif jidher hawn taħt: Air pistols102 Air rifles251 Machine guns4 Mortar1 Muzzle guns21 Pistols281 Paintball guns20 Rifles419 Shotguns363 Muskets6 Revolvers40 Harpoon guns269 Swords2