Tista' l-Ministru tgħid min ħallas għal avukat fil-każ tat-tifel Għawdxi li ismu qed jintbagħat separatament, li ġie appuntat biex jirrappreżenta lil omm imsiefra, waqt il-kawża waqt il-proċeduri legali li kienu qed isiru fil-qorti ta' Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-proċeduri legali li ttieħdu mid-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali bħala l-Awtorita’ Ċentrali ta’ Malta dwar il-Konvenzjoni ta’ l-Ajja dwar Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, ninsab infurmata li dawn tmexxew mill-avukat tad-Dipartiment u li l-omm kienet xhud u ma kienetx rappreżentata minn xi avukat.
Tista' l-Ministru tgħid liema ente qed tieħu ħsieb il-problema tat-traffikar tan-nisa u tfal? X'tip ta' traffikar qed isir? X'xogħol qed isir f'dan ir-rigward? Xi statistika teżisti għal dawn l-aħħar ħames snin, kemm bħala numru ta' nisa u tfal traffikati kif ukoll persuni involuti f'dan it-traffikar?
Kemm każijiet ġew rappurtati?
Kemm każijiet tressqu l-qorti?
Għand min jistgħu jirrikorru għall-għajnuna u kenn dawn in-nisa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li n-nisa u t-tfal indikata jistgħu jirrikorru għas-sapport għand l-Initial Response Team ta' l-Aġenzija Appoġġ.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferihom lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew ta' xi tip ieħor lil għaqdiet jew clubs sportivi u kulturali matul is-sena 2006 mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtha? Tista' tgħid min ibbenefika u kemm kien l-ammont għal kull każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, matul l-2006, ma ngħataw ebda donazzjonijiet lill-għaqdiet jew clubs sportivi jew kulturali mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Tista' il-Ministru tgħid kemm għandu impjegati l-ministeru ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant hu riferut għall-‛Guidelines on the Employment of Staff for Ministers’ Secretariat’ kif approvati.
B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 17212 u 12620, tista' il-Ministru ġentilment tgħid jekk il-MEPA approvatx il-pjanti sottomessi mill-perit Paul Camilleri & Associates f'Ottubru 2005? Xi progress sar f'dan il-proġett s'issa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar għad m’għandiex deċiżjoni mill-MEPA dwar il-pjanti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.
Tista' tiġi proċessata l-applikazzjoni għall-għajnuna materjali u allowance finanzjarja għal persuna minn San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ġiet iċċertifikata minn speċjalista li tbati mill-inkontinenza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat mall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ għall-Karta ta’ l-Identita’ Speċjali, liema Karta nħarġitilha.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi speċifikament għal talba għas-servizz relatat ma’ inkontinenza, nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba quddiem l-awtorita' tad-djar tal-persuna mill-Isla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għandha xi talba pendenti ma’ l-Awtorita’.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali ta' anzjana Bormliża li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Tista' il-Ministru tgħid jekk illum li ċerti postijiet li kienu milquta mil-liġi Possession & Use u issa jistgħu jinbiegħu, hux minnu jew le li l-kuntratt finali tal-fond fl-Isla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' isir ħames snin oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant, biex l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista’ tbiegħ proprjeta’, l-ewwel irid jiġi trasferit lilha t-titolu legali ta’ l-art li fuqha tkun mibnija dik il-proprjeta’.
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ għad m’għandiex dan it-titolu fir-rigward tal-proprjeta’ indikata mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tara li t-talba tal-persuna mill-Isla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tintlaqa'? Dan wara li kienet informata bl-appuntament l-għada li kellu jsir. Possibbli li jsir appuntament ieħor?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet mogħtija appuntament ieħor dwar l-ispezzjoni mill-Awtorita’ tad-Djar.
Fil-preżent kemm hemm binjiet li qed jinbnew mill-awtorita' tad-djar? Fejn huma? Kemm tiswa kull binja? Fiex tikkonsisti kull binja? Meta mistennija jitlestew? Min hu l-kuntrattur?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk fis-sena 2007 humiex se jinbiegħu xi units ġodda, mhux tas-shared ownership mill-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, matul l-2007, il-units il-ġodda ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li ma jiġux mgħoddija lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jinkrew, ser jinbiegħu taħt l-inizjattiva tax-Shared Ownership.
Tista' il-Ministru tgħid kemm għaddew units l-awtorita' tad-djar lid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali biex jitqassmu bil-kera, sena b'sena, mis-sena 2000 sa llum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21273 f’Seduta Numru 442.
Ninsab infurmata li t-tagħrif mogħti f’dik it-Tweġiba għadu validu sa llum.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna separata minn Bormla li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tgħix bid-dħul benefiċjali, tibbenefika mill-inizjattiva care and repair minħabba li l-aperturi ta' l-injam u tal-post tal-gvern jinsabu fi stat prekarju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant diġa’ rċeviet għotja biex tibdel il-madum u tistalla kamra tal-banju ġdida taħt skema W ta’ l-Awtorita’ tad-Djar.
Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna tista’ titlob għal għotja addizzjonali taħt it-talba oriġinali biex isiru x-xogħlijiet imsemmija fil-Mistoqsija.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Bormla ġie mitlub japplika għal skema Z ta' l-awtorita' tad-djar, meta dan li jgħix bil-benefiċċji soċjali kellu jieħu l-għajnuna mill-inizjattiva care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li persuni li jirċievu benefiċċji soċjali jistgħu jibbenefikaw kemm taħt skemi għall-irranġar kif ukoll taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-persuna konċernata applikat minn jeddha taħt skema Z u mhux ġiet mitluba tagħmel dan.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna talbet l-għajnuna tad-Detox fl-2006? Kemmm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Tista' tagħti breakdown ta' l-etajiet u tgħid ukoll ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm twieldu tfal lil single mothers fl-2006? Kemm minn dawn l-ommijiet kienu għadhom jattendu l-iskola, inkluż is-sixth form? X'kienu l-etajiet ta' dawn li għadhom imorru l-iskola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita` li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma żżomm l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22578 dwar il-housing case H19974, tistax tgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar dan il-każ serju u prekarju kif ukoll x'irriżulta minn xi spezzjonijiet li seta' għamel id-dipartiment tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għad trid issir.