Jikkonferma l-Ministru li l-ambaxxata Maltija f'Washington kompliet iżżomm taħdidiet ma' personalitajiet u senaturi Amerikani bil-għan li tkun tista' tiġi ffissata data għal żjara tal-Prim Ministru f'Washington ħalli jkun jista' jiltaqa' mal-President Amerikan Bush?
Response (BORG, JOE)
Iva, nikkonferma li l-Ambaxxata Maltija f'Washington għamlet u qiegħda tagħmel ħilitha kollha sabiex tkun tista' tiġi ffissata data, li tkun konvenjenti għaż-żewġ naħat, meta l-Prim Ministru Malti jkollu laqgħa mal-President Amerikan George Bush.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm u liema kienu r-riżoluzzjonijiet tal-kumitati tal-Ġnus Magħquda li ġew co-sponsored minn Malta?
Response (BORG, JOE)
Billi il-co-sponsorships tar-reżoluzzjonijiet isiru matul iż-żmien kollu li fiha tiltaqa' l-Assemblea Ġenerali jiġifieri bejn Settembru u Diċembru ta' kull sena nixtieq nistieden lill-Onorevoli Interpellant jerġa' jitlob din l-informazzjoni f'Jannar li ġej meta nkun nista' nagħti informazzjoni kompleta dwar ir-riżoluzzjonijiet li jkunu ġew addotati tul it-58 sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali.
Segretarjat tal-Kunsill ta' l-Ewropa — Eżami ta' staff members
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti li qagħdu għall-eżami ta' staff members fis-segretarjat tal-Kunsill ta' l-Ewropa? Kemm minnhom għaddew? Kemm minnhom se jiġu ngaġġati?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill tal-Ewropa minn żmien għal żmien jorganiżża eżamijiet fl-iStati Membri biex jimpjega staff members biex iservu fl-uffiċċju tas-Segretarjat tal-Kunsill fi Strasbourg.
L-eżamijiet jiġu organiżżati mill-Kunsill stess. L-unika għajnuna li l-Kunsill jitlob mill-istat fejn ikunu se jsiru l-eżamijiet hija li l-istat jgħin biex tingħata pubbliċita għal dawn l-eżamijiet.
F'Jannar ta' l-2002 il-Kunsill ħareġ Vacancy Notice li permezz tagħha nforma li eżami kompetittiv biex jiġu ngaġġati persuni ta' nazzjonalita' Maltija għall-postijiet amministrattivi fis-Segretarjat tal-Kunsill fi Strasbourg kien se jiġi organiżżat f'Malta.
Fi Frar ta' 2002 l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin permezz tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni ħareġ press release jinforma lill-pubbliku Malti b'dan l-eżami.
L-eżami sar fil-Hotel Pheonicia fit-30 ta' Settembru tal-2002 taħt is-superviżżjoni ta' l-uffiċċjali tal-Kunsill ta' l-Ewropa biss.
Meta l-Kunsill ta' l-Ewropa ġie kkuntattjat mill-Ambaxxata ta' Malta fi Strasbourg dwar dan l-eżami l-unika informazzjoni li l-Kunsill kien lest jagħti hija din:
Il-kandidati li kellhom suċċess f'dan l-eżami kienu sebgħa. Ma nagħtatx informazzjoni dwar minn kienu dawn il-kandidati.
Waħda minn dawn il-kandidati ġiet offerta impieg. Din ma kienetx f'pożizzjoni li taċċetta dan l-impjieg minħabba impenji ta' studju.
Fil-futur qarib se ssir offerta oħra lill-kandidat ieħor jew kandidata oħra li għaddiet mill-eżami.
Il-Kunsill għandu jinforma lill-Gvern Malti meta jiġi ngaġġat xi wieħed jew waħda minn dawn il-kandidati.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx lobbying mal-gvern minn xi gvernijiet barranin biex Malta tgħin f'xi mod fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq?
Response (BORG, JOE)
Jiena nfurmat li ma sarx lobbying minn Gvernijiet barranin mal-Ministeru tiegħi biex Malta tgħin b'xi mod fir-rikostruzzjoni ta' l-Iraq. Madankollu, Malta ħadet sehem fil-Laqgħa ta' l-Uffiċċjali Anzjani u l-Laqgħa Ministerjali tad-Donors' Conference, li saret f'Madrid fit-23 u l-24 t'Ottobru. Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mill-Ambaxxatriċi tagħna fi Spanja. Malta għamlet 'token contribution' ta' 25,000 Euro kif ukoll żewġ scholarships għal nies Iraqqini nvoluti fil-qasam ta' restawr għas-snin 2004 - 2007. Dawn l-ischolarships ġew offruti miċ-Ċentru Malti għar-Restawr u jammontaw għal 200,000 Euro. Uffiċċjali miċ-Ċentru għar-Restawr ħadu sehem ukoll fil-Konferenza għal Persuni mis-Settur Privat li nżammet għal dan l-iskop f'Madrid fit-23 t'Ottubru, 2003.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-visa abolition agreement ma' l-Albanija ġiex irratifikat miż-żewġ partijiet konċernati?
Response (BORG, JOE)
Nassumi li l-visa abolition agreement li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huwa l-ftehim bilaterali li reċiprokament jeżenta biss it-titulari ta' passaport diplomatiku mill-bżonn ta' visa.
Attwalment, il-Ftehim ġie rratifikat miż-żewġ naħat u daħal fis-seħħ fil-11 ta' Settembru tal-2003.
Nordic-Mediterranean seminar on regional co-operation
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li se jsir Nordic-Mediterranean seminar on regional co-operation f'Malta kmieni s-sena d-dieħla? In-Nordic council se jkollu sehem fih? Liema organizzazzjoni se tieħu ħsieb il-parti tal-Mediterran?
Response (BORG, JOE)
Bħalissa għaddejjin taħdidiet mill-Ministeru tiegħi man-Nordic Council fuq proposta illi tiġi organiżżata laqgħa dwar il-Mediterran ġewwa Malta. Ħija prevista l-parteċipazzjoni ta' diversi pajjiżi mir-reġjun. Kull delegazzjoni illi tiddeċiedi li tipparteċipa ser tagħmel dan fuq bażi nazzjonali.
Jikkonferma l-Ministru li bħalissa pajjiżna qed jagħmel lobbying intensiv biex jospita l-Euro Mediterranean Foundation?
Response (BORG, JOE)
Malta, kif ukoll l-Eġittu u l-Italja, huma l-kandidati li s'issa ddikjaraw l-interess tagħhom sabiex jospitaw il-"Euro Mediterranean Foundation for a Dialogue on Cultures". Bħal kandidati l-oħra, Malta qegħda fil-proċess illi tinforma l-membri kollha tal-Proċess Ewro-Mediterranju bil-kredenzjali tagħha, u feħsiebha tagħmel ħilitha kollha biex ikollha suċċess f'din il-kandidatura, bħalma żgur ser jagħmlu l-kandidati l-oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm proġetti li diġa' ġew approvati għall-finanzjament ġaladarba jiġi fis-seħħ il-ftehim tal-Ħames protocol finanzjarju ma' l-Italja? Jista' jgħid x'jikkonċernaw?
Response (BORG, JOE)
Il-ħames protokoll finanzjarju jipprovdi għall-attwazzjoni ta' tlettax-il proġett li ġew identifikati bi qbil bejn il-Gvernijiet ta' Malta u ta' l-Italja. Dawn huma s-segwenti:
- Fil-qasam infrastrutturali hemm il-proġett għall-moderniżżazzjoni tat-toroq u bini ta' impjant għat-tisfija tad-drenaġġ;
- Fil-qasam edukattiv u kulturali hemm il-finanzjament tal-Kattedra Taljana għall-istudji Mediterranji u Ewropej fl-Universita' ta' Malta, boroż ta' studju għal studenti Maltin fl-Italja, riabilitazzjoni tal-Orgni tas-seklu sittax li jinstab fil-Kon-Kattidral ta' San Gwann u restawr tal-Kappella tal-Lingwa Taljana ġewwa l-istess Kon-Kattidral;
- Fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent hemm sistema ġdida ta' inċinerazzjoni għall-biċċerija;
- Fil-qasam ta' l-ikel u s-saħħa hemm żewġ proġetti wieħed li jipprovdi għall-ipproċessar tal-laħam u l-ieħor għall-gradazzjoni u magazzinaġġ ta' prodotti f'temperatura kiesħa;
- Fil-qasam tas-sorveljanza marittima hemm proġett għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Maltin f'dan is-settur;
- Fl-aħħarnett, fil-qasam tas-saħħa hemm tliet proġetti, wieħed li jipprovdi għall-installazzjoni ta' tagħmir u servizzi oħra għall-isptar Mater Dei, ieħor għall-akkwist ta' sistema informatika għall-istess sptar u proġett ta' riċerka fil-qasam tas-saħħa u inkapaċita' mentali.
Kwestjonarju — Laqgħa tal-Ministri ta' l-Istati membri
Question
X'pożizzjoni ħa l-Ministru fit-tweġibiet li kellu jagħti għall-kwestjonarju li sar lil kull Ministru għal-laqgħa fil-Lussemburgu (f'nofs Ottubru 2003) tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati membri u dawk li se jsiru membri tal-UE?
Response (BORG, JOE)
It-tweġibiet tal-Ministeru tiegħi għaż-żewġ kwestjonarji li ntbagħtu bi tħejjija għall-Laqgħa Ministerjali li saret fil-Lussemburgu fit-13 ta' Ottubru 2003, wieħed dwar il-Kummissjoni Ewropea u l-ieħor dwar il-Ministru Ewropew għall-Affarijiet Barranin, kienu jiġbru l-fehmiet tal-Gvern Malti li bosta drabi ħarġu f'dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru. Il-Gvern Malti qed jgħid hekk:-
Dwar il-Kummissjoni Ewropea:
"Malta believes that the Union would be better served by a model consisting of a single tier of Commissioners (one nominated by each Member State) with equal levels of collegial status and voting rights.
Irrespective of the model chosen, Malta believes that provision should be made to ensure that, over time, nominees of all Member States will hold all Commission responsibilities, including the most important and the least important portfolios.
Also irrespective of the model chosen, Malta believes that all Commissioners (other than the President and the ‘Foreign Affairs Minister’) should be nominated and approved in the same manner."
Dwar il-Ministru Ewropew għall-Affarijiet Barranin:
"As a member of the Commission, the ‘Foreign Minister’ would have full voting rights on all issues within the Commission.
The status of the ‘Foreign Minister’ in the Commission makes him or her subject to the same rules of accountability including the obligation to resign both as a result of a censure motion by the European Parliament, or at the request of the President of the Commission. The European Council is also to have the right to end
h
is or her tenure.
If the ‘Foreign Minister’ is to chair the Foreign Affairs Council, the President of the Commission should designate another Commissioner to represent the Commission in this Council. "
Ambaxxatur Malti għall-Iżrael — Taħdidiet ma' uffiċjali tal-MLP
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga informazzjoni li għandi li l-ambaxxatur Malti akkreditat għall-Iżrael Dr Abraham Borg irrapporta f'mod skorrett taħdidiet li allegatament kellu ma uffiċjali tal-MLP dwar il-leadership tal-Partit Laburista Malti f'kommunikazzjoni uffiċjali li kellu mal-ministeru tiegħek?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxatur Malti għall-Iżrael ma kellu ebda taħdidiet ma' uffiċċjali tal-MLP u ma għamel ebda rapport dwar il-leadership tal-partit Laburista Malti f'komunikazzjoni uffiċċjali li kellu mal-Ministeru.
Fil-preżent kemm hemm ċittadini Maltin jaħdmu mal-FAO?
Response (BORG, JOE)
L-istituzzjonijiet fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti jdaħħlu l-impjegati tagħhom mingħajr l-ebda konsultazzjoni ma' l-istati membri tagħhom. Iċ-ċittadini ta' l-istati membri ta' dawn l-istituzzjonijiet li jkunu jixtiequ japplikaw biex jimlew il-vakanzi disponibbli jagħmlu dan direttament, u l-istat li tiegħu ikunu ċittadini ma jkollu l-ebda nformazjoni dwar dawn l-applikazzjonijiet.
Għaldaqstant ma ninsabx f'pożizzjoni li nagħti lill-Onorevoli Interpellant l-informazzjoni mitluba.
Ambaxxatur Malti għall-Iżrael — Proġett ta' waste management
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma rapporti li l-ambaxxatur Malti għall-Iżrael Dr. Abraham Borg kellu taħdidiet ma' ex mibgħut speċjali Iżraelit għall-Federazzjoni Russa dwar il-fattibilita' ta' proposti ta' proġett ta' waste management li l-Gvern Malti kien irċieva mingħand esperti Russi?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxatur Malti għall-Iżrael kellu taħdidiet ma' ex-mibgħut speċjali Iżraeljan għall-Federazzjoni Russa dwar il-fattibilita' ta' proposti ta' proġett ta' Waste Management. L-Ambaxxatur Malti kien iddiskuta il-problema ta' l-iskart informalment fix-xhur li għaddew u kien irċieva xi informazzjoni fuq it-teknoloġija involuta. Fiż-żjara tiegħu ġewwa l-Iżrael ta' ftit ġimgħat ilu l-Ambaxxatur reġa' qajjem dan is-suġġett. Skond ma ntqal lill-Ambaxxatur, dan il-proġett ta' Waste Management ġie ippreparat minn esperti Russi illum residenti ġewwa l-Iżrael.
Il-Gvern Malti qatt ma rċieva proposti għal dan il-proġett ta' Waste Management mingħand esperti Russi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex double taxation agreement ma' l-Iżrael? Jekk le, x'qed iżomm ftehim simili milli jintlaħaq?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li Malta għad m'għandhiex (avoidance of) double taxation agreement ma' Iżrael. Il-proposta formali biex jiġi nnegozjat tali ftehim bilaterali saret minn Malta fl-2000 iżda minkejja diversi noti min-naħa ta' Malta u kuntatti diplomatiċi, il-proposta għadha ma ġġenerat l-ebda reazzjoni minn Iżrael.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Maltin li jkunu qed jagħmlu xogħol volontarju fl-Albanija jenħtieġux residents permit mill-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż? Jekk iva, x'inhi l-proċedura biex dan iseħħ?
Response (BORG, JOE)
Sallum, il-Maltin li jagħmlu xogħol volontarju fl-Albanija ma jinħarġilhomx residents permit mill-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż iżda visa għal żmien limitat li ma tippermettilhomx dħul u ħruġ liberu mill-pajjiż mingħajr ma jiġu ntaxxati, anke meta joħorġu mill-pajjiż għal ftit siegħat.
Għaldaqstant l-Ambaxxata ta' Malta għall-Albanija irranġat ma' l-Awtoritajiet Albaniżi sabiex jinħarġu residence permits għal perjodu ta' sena biex min qed jagħmel xogħol siewi ta' volontarjat ikollu liberta' jidħol u joħroġ mill-Albanija mingħajr ma jiġi ntaxxat. L-Ambaxxata ta' Malta diġa ġabret id-dokumenti neċessarji mingħand il-Maltin li jaħdmu fl-Albanija għal dan il-għan. Bi ftehim ma' l-Ambaxxata Albaniża, dawn id-dokumenti sejrin jintbagħtu lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ġewwa Tirana għall-ħruġ tal-permessi neċessarji.
Qed isiru tħejjijiet biex Malta tieħu sehem deċiżiv fil-programm ġdid New Neighbourhood Instrument propost mill-Kummisjoni Ewropea għall-punent tal-Mediterran li fih qed jiġi propost li jieħdu sehem Malta, l-Italja, Franza, Spanja, l-Portugall, ir-Renju Unit, il-Marokk, l-Alġerija u t-Tunesija? X'tip ta' inizjattivi qed jiġu studjati biex jiġu mressqa?
Response (BORG, JOE)
L-hekk imsejjaħ New Neighbourhood Instrument għadu fil-fażi inizjali tiegħu, jiġifieri fil-fażi preparatorja, u diffiċli li wieħed jantiċipa minn issa x'forma se jieħu finalment.
Madankollu, peress illi l-ko-ordinazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' Malta fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea li jinvolvu fondi hija responsabbilita' ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jirrivolġi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
X'ħidma qed issir biex Malta tieħu sehem fil-programm Archimed fil-qafas ta' New Nieghbourhood Insturment propost lil Kummisjoni Ewropea għal sehem minn Malta, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, it-Turkija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Libanu, is-Sirja, il-palestina u l-Ġordan?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1912.
Huwa minnu li l-ministeru tiegħek ġibed l-attenzjoni tal-Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura li dewmien fil-ħlas tas-sħubija fil-World Heritage Fund seta' wassal biex nitilfu l-voting rights tagħna fil-World Heritage Committee dan ix-xahar? Il-pożizzjoni ġiet regolarizzata?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li l-Ministeru tiegħi ġibed l-attenzjoni tal-Ministeru konċernat dwar il-ħtieġa tal-ħlas malajr tal-kontribuzzjoni ta' Malta għall-World Heritage Fund.
Commonwealth Secretariat — Digital divide initiative
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tat-taħditiet li żamm il-ministeru tiegħu mal-Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Investiment f'Settembru li għadda sabiex il-Commonwealth Secretariat jiġi mħajjar jippromwovi d-digital divide initiative permezz ta' programmi li Malta kienet beħsiebha tniedi?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq nippreċiża li fil-laqgħa li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant fiha ħadu sehem uffiċċjali tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, tal-Ministeru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjonu u Investiment u tal-MITTS, ġiet diskussa l-parteċipazzjoni tal-Ministru tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Investiment matul Konferenza tal-Ministri responsabbli mit-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni tal-Commonwealth, li kienet maħsuba ssir f'Londra f'Novembru li ġej. Waqt id-diskussjoni, xi uffiċċjali li attendew għal din in-laqgħa ġew inkarigati sabiex ifasslu l-punti li setgħu jitressqu fl-intervent ministerjali fil-Konferenza ta' Londra. Sussegwentement, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ġie nfurmat mis-Segretarjat tal-Commonwealth li l-Konferenza ta' Londra ma kenitx se tinżamm.
B'riferenza għaż-żjara riċenti tal-vapuri tan-NATO li ġew berthed fejn soltu jiġu berthed il-cruise liners, bil-konsegwenza li wieħed mill-cruise liners kellu jiġi berthed f'post skomdu ħafna għall-passiġġieri, jista' il-Ministru jgħid jekk: a) id-deċiżjoni li l-berthing tal-vapuri sarx fejn sar fuq deċiżjoni unilaterali tal-gvern? b) kienx hemm talba speċifika minn xi ambaxxati barranin biex il-berthing sar fejn sar u jekk iva, jekk dan kienx minħabba konsiderazzjonijiet ta' sigurezza? c) kienitx involuta l-Malta Maritime Authority fit-teħid tad-deċiżjoni tal-berthing? d) ma jħossx il-gvern li mingħajr ma jagħmel ban fuq dawn iż-żjarat ta' vapuri ta' forzi militari barranin għandu jagħmel kif għamel gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998 u jnaqqas il-frekwenza tagħhom minħabba l-image ħażina li konċentrament simili qed jagħti lil pajjiżna?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu (a) u (c) lill-Ministru konċernat.
Dwar il-mistoqsija (b) ninforma lill-Onorevoli Interpellant li lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ma saritlu l-ebda talba f'dan is-sens minn ambaxxati barranin; jekk saritx talba lil xi ministru ieħor, m'inhix f'pożizzjoni nirrispondi, u għalhekk il-mistoqsija trid issir lill-Ministru konċernat.
Dwar il-mistoqsija (d), ma naqbilx, bħalma qed jistqarr l-Onorevoli Interpellant li konċentrament ta' vapuri ta' Qawwiet Navali barranin qed joħloq image ħażina ta' pajjiżna. Jiena nfurmat li bejn is-snin 1996 - 1998, kienu fil-fatt żaru Malta 4 skwadri ta' vapuri (skwadra li tikkonsisti fi tliet vapuri jew iżjed).
Lanqas ma jirriżultali, mill-informazzjoni li ngħatajt li, matul l-amministrazzjoni Laburista bejn l-1996 u l-1998, kienu ttieħdu deċiżjonijiet sabiex titnaqqas il-frekwenza ta' dawn iż-żjarat. Fil-fatt, imkien ma nstabu annotamenti jew dokumenti li jikkonfermaw li uffiċċjalment ġew irrifjutati żjarat ta' vapuri navali li kienu ġew rikjesti permezz ta' Note Verbale.
Il-Gvern se jibqa' miexi b'politika kostanti u soda fejn għandhom x'jaqsmu żjarat ta' vapuri navali fil-portijiet Maltin. Il-Ministri tal-Gvern kollha nvoluti f'din il-materja huma konxji mir-responsabbilta' li għandhom lejn il-poplu Malti kollu, u żgur mhumiex se jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-direttivi uffiċċjali, jew li jiżvantaġġjaw xi settur tas-soċjeta', jew li jipperikolaw s-saħħa taċ-ċittadini ta' pajjiżna.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Ħatra ta' First Counsellors
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li qed isiru tħejjijiet biex isiru erba' First Counsellors fil-Ministeru, u li fost dawk li qed jissemmew li se jsiru hemm uħud li kienu jaħdmu fis-segretarjat tal-Ministru, oħra li għadha taħdem fis-segretarjat tal-Ministru u uffiċjal ieħor li għandu missieru b'kariga għolja ħafna fis-Servizz Pubbliku?
Response (BORG, JOE)
Niskanta kif l-Onorevoli Interpellant diġa' jaf l-ismijiet ta' min se jingħażel biex jilħaq First Counsellor, meta l-proċess biex jimtlew il-vakanzi ta' din il-kariga fil-Klassi Diplomatika għadu f'fażi tassew preliminari, tant li lanqas għadha biss ħarġet is-sejħa għall-applikazjonijiet. L-osservazzjonijiet li qed jagħmel l-Onorevoli Membru f'dan ir-rigward għaldaqstant inqishom mhux biss spekulattivi (huwa stess juża l-kliem "qed jissemmew li se jsiru"), iżda li jistgħu joħolqu ferment bla bażi fost il-kandidati kollha li jista' jkunu eliġibbli. Żgur li s-serjeta' u sens ta' etika li għandu kull Membru ta' din il-Kamra jirrikjedi li mistoqsijiet ta' dan it-tip m'għandhomx isiru.