Jista' il-Miinstru jispjega kif skond ma ntqal f'risposta għall-mistoqsija parlamentari 14529 ma nħatrux periti għall-proġett tal-perched beach f'Buġubba meta diġa' saret applikazzjoni lill-MEPA? Min kien il-perit għal din l-applikazzjoni, kif intgħażel u x'se jitħallas għas-servizzi professjonali tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Mistoqsija Parlamentari Numru 14529 kienet dwar il-proġett tal-bajja tar-ramel fil-Qawra. Għal dak il-proġett għadu ma nħatarx perit.
Fir-rigward tal-bajja ta’ Buġibba, l-perit responsabbli għall-applikazzjoni huwa l-Perit Alfred Grech. Il-Perit Grech jaħdem b’mod regolari ma’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fuq tip ta’ xogħol speċjalizzat rikjest għal dan il-proġett. Il-Perit Grech ser jitħallas skond it-tariffa kif stabbilita bil-liġi.
Jista’ il-Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru dwar iċ-Ċentru Malti ghar-Restawr ta’ Bighi? Jista’ jgħid ukoll jekk l-Awditur Ġenerali għamilx rapport dwar l-istess ċentru u/jew dwar il-proġett IKONOS? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-kamra? Jista’ jpoġġi wkoll kopja tar-rapport li sar dwar il-proġett IKONOS?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara li ġie mħabbar li l-MCR kien sa jiġi assorbit minn Heritage Malta, Heritage Malta talbet li jsiru Financial Audit tal-MCR, Ikonos Evaluation Report u Ikonos Financial Report (li wasal biex jiġi konkluż).
Fis-2005 ma kien hemm l-ebda rapport dwar l-istess Ċentru u/jew il-proġett Ikonos mill-Awditur Ġenerali.
Hekk kif jitlestew iż-żewġ rapporti dwar l-Ikonos, jien se nqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jikkonferma il-Ministru li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, kienet qed titħallas fondi addizzjonali fis-sena bħala Chairman ta’ l-IKONOS? Jekk fl-affermattiv, kemm kienet din is-somma?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Project Leader tal-Ikonos kien jitħallas ammont għal dan l-inkarigu. Is-somma allokata għal dan-inkarigu tul il-proġett kienet ta’ Euros 93,600.
Jista' il-Ministru jgħid jekk matul din is-sena l-MTA intalbitx tagħti lista lit-tarzna ta' liema lukandi għandhom liċenzja joperaw bħala lukandi u għall-ewwel irriżulta li kien hemm lukandi bla liċenzja u mbagħad ftit wara dawn il-lukandi kellhom liċenzja? Kif ġara li ftit wara ngħataw liċenzja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f’ittra bla data li l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta rċeviet mill-Malta Shipyards fid-29 ta’ Settembru 2005, l-Awtorità ntalbet tikkonferma liema lukandi għandhom liċenza valida u liema m’għandhomx minn lista ta’ tnax-il lukanda mehmuża ma’ din it-talba.
Fit-30 ta’ Settembru, l-MTA kkonfermat li, minn din il-lista, sitt lukandi kellhom liċenza valida u sitta oħra ma kellhomx (jiġifieri li ma kenux ġeddu l-liċenza tagħhom sat-30 ta’ Settembru 2005).
Ħames lukandi, li fil-lista mibgħuta lill-Malta Shipyards fit-30 ta’ Settembru 2005 kienu jidhru li ma kellhomx liċenza valida, ġeddew il-liċenza tagħhom jew għamlu t-titjieb neċessarju sabiex tkun tista’ tinħareġ il-liċenza tagħhom tlett u erbat ijiem wara li kienet diġà ntbagħtet ir-risposta lill-Malta Shipyards.
Wieħed irid jifhem li s-sitwazzjoni ta’ liċenza valida tinbidel il-ħin kollu għax operaturi ta’ lukandi u stabbilimenti oħra jġeddu l-liċenzi tagħhom matul is-sena kollha.
Jista' il-Ministru jgħid fejn spiċċa l-monument storiku, li jmur lura għal żmien meta f'Malta jingħad li wasal Konti Ruġġieru, li jinsab fil-post indikat fuq is-site plan li qed tintbagħat separatament u cioe' fil-kontrada magħrufa ta' Misrah Suffara, Ħad-Dingli? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu kontra l-persuna li wittiet l-art li hi tal-gvern u qiegħda tinżamm l-istess bla titlu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tinvestiga il-każ imqajjem mill-Onorevoli Interpellant.
Qed isir stħarriġ fuq dan il-każ mad-Dipartiment tal-Artijiet u mal-Malta Environment and Planning Authority, dwar l-użu preżenti ta’ din l-art u dwar x’azzjonijiet legali ttieħdu s’issa.
Is-Sovrintendenza qed tistharreġ ukoll jekk sarx ksur ta' l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap 445) fuq monumenti storiċi li setgħu kienu jeżistu f’dan il-lok.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bejn Jannar 2004 u Settembru 2005 intefqu Lm 40,046.71 f'ristoranti/lukandi mill entitajiet li jiffurmaw il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, jinkludu 53 attivita' li ammont tagħhom qabżu il Lm 150. Parti minn dawn l-ispejjeż intefqu b'konnessjonijiet maż-żjarat ta' delegazzjonijiet barranin f'pajjiżna.
Tajjeb li wieħed jinnota li kien hemm Lm 58, 853 u Lm 45, 909 fi spejjeż f'ristoranti bħala hospitality għal 1,200 ġurnalist u 2,212 tour operator f'2004 u 870 ġurnalist u 1,604 tour operator bejn Jannar u Awissu 2005. Dawn il-ġurnalisti u tour operators jinġiebu f'Malta bl-iskop li nippromwovu bħala destinazzjoni turistika.
Jista' il-Ministru jagħtini kemm kien hemm sodod skond it-tip u l-kategorija tar-reġistrazzjoni tagħhom rispettivament, f'lukandi, kumplessi turistiċi, guest house u hostels f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-1998 sa l-2004 u fl-aħħar ta' Settembru 2005? X'kienet ir-rata ta' l-użu ta' dawn is-sodod, kategorija kategorija u xahar xahar f'kull waħda mis-snin/dati msemmija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant għall-ewwel parti tal-mistoqsija tiegħu. Ninforma lill-Onor interpellant li ma tinżamx informazzjoni mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu rigward it-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150? Min kienu l-persuni li għalihom tħallsu dawn l-ikliet/riċevimenti, u x'kienet ir-raġuni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma nistax nifhem x’utilita’ jista jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieg sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtiega li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li tiswa lid-dipartimenti/entitajiet, eċċ taħt id-dekasteru tal-ministeru l-ispiża ta' 4c fuq l-għoli tal-prezz ta' fuel li rriżultat nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru, 2005?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ispiża żejda għad-dipartimenti u entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura li jirriżulta wara li għola l-prezz tal-fuel b'4ċ b'effett minn nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru 2005 ma jistax jiġi kkalkulat minħabba li dan huwa relatat mal-konsum li jista' ivarja minn xahar għall-ieħor.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-periti u l-konsulenti li ġew maħtura għall-proġett tal-bajja tar-ramel fil-Qawra/lo St Paul's Bay? Kif ġew maħtura u kemm se jitħallsu għas-servizzi tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Wara l-proġett ta' San Ġorġ, l-Awtorita' qiegħda tippjana sabiex is-sajf li ġej twettaq il-proġett ta' perched beach ġewwa Buġibba. Fil-każ tal-bajja tal-Qawra, l-ippjanar ta' dan il-proġett għadu ma nbediex. Għaldaqstant, għad m'hemm ebda periti u/jew konsulenti maħtura.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-periti u l-konsulenti li ġew maħtura għal proġett tal-golf coarses? Kif ġew maħtura u kemm se jitħallsu għas-servizzi tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-MTA appuntat żewġ konsulenti biex jaħdmu fuq il-proġett tal-korsa tal-golf.
Il-konsulent tad-diżinn huwa Hawtree Ltd. Dan huwa l-konsulent likellha l-MEPA għal dan il-proġett u allura kien jagħmel sens li l-MTA tkompli tuża s-servizzi tagħhom. Hu stmat li din il-kumpanija ser titħallas Lm 30,000 għax-xogħol li ser tagħmel.
ADI Associates qed tieħu ħsieb il-koordinament u il-preparament tal-proċess tal-Environment Impact Assessment. Għal dan ix-xogħol l-ADI huwa stmat li ser jitħallsu Lm 10,000.
Dawn il-ħlasijiet ser ikunu inkorporati fil-prezz li ser iħallas l-iżvillupatur tal-korsa tal-golf darba jintgħażel..
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14441 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid fejn waslu n-negozjati mal-linja ta' l-ajru Ryan Air biex tibda topera minn Malta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 13778.
F’dan l-istadju, m’għandiex x’inżid ma’ din it-tweġiba.
Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti fi ħdan il-ministeru tiegħu kienu involuti f'riċerka dwar in-nawfraġju ta' San Pawl, stħarriġ li kien qiegħed jagħmel ċertu Bob Cornuke u t-team tiegħu? X'kien is-sehem tagħhom u meta? X'irriżulta minn dan l-istħarriġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid meta ser jitħallsu l-beach cleaners li ġew mid-drydocks, minħabba li ilhom ma jitħallsu żmien tax-xogħol li għamlu wara l-ħin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħlas dovut għall-overtime se jitħallas fil-ġranet li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tmexxija ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi ddeċidietx li l-post ma jinkeriex għall-parties ta' l-aħħar/l-ewwel tas-sena biex ma jitgħarraqx wara x-xogħol kbir li qed isir fih għaċ-CHOGM? Jista' jgħid jekk it-tmexxija ċaħditx talba tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għal party simili iżda issa aċċettat applikazzjoni ta' persuna oħra li isimha wkoll qed jintbagħat separatament għal party fl-istess żmien? Għaliex inbidlet id-deċiżjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma teżistiex deċiżjoni li l-post ma jinkeriex għall-parties ta' l-aħħar /l-ewwel tas-sena. Fil- fatt, L-Eden Foundation organizzaw l-aħħar wiehed fl- 2003/2004.
Fil-waqt li l-Ministeru jieħu gost jinnota li x-xogħolijiet kbar li qed isiru huma apprezzati minn kulħadd, dawn ix-xogħolijiet jiffurmaw parti minn pjan ta' rinnovament taċ-ċentru fuq medda ta' snin u fil-parti l-kbira mhux konnessi mal-konferenza CHOGM.
Dwar ir-rifjut ta' ċerta persuna sabiex torganizza attivita' fl-aħħar tas-sena, din hija purament deċizjoni amministrattiva li ha l - Bord tal- MCC, u ħadha wara li ġie kkunsidrat t-track record li għandu l-istess applikant maċ-Ċentru.
Jistax il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' alga li tneħħiet mill-bajjiet Maltin matul is-snin 2003, 2004, 2005 (sena b'sena)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fis-sena 2004 ġew mneħħijin mill-bajjiet Maltin madwar 4,500 truck mimlijien bl-alka u affarjiet oħra. Sa l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena ġew mneħħija bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta' materjal daqs kemm tneħħa matul is-sena 2004 kollha jiġifieri 4,500 truck ieħor. Għas-sena 2003 dawn l-istatistiċi ma kienux jinżammu.
Peress li f'Jannar 2005 il-Ministru kien wieġeb fir-risposta għall-interpellanza tiegħi numru 8439 li s-suġġeriment tiegħi li ssir xi forma ta' tifkira lil Gran Mastru La Valette kien qed jigi kkunsidrat, jista' jghid jekk hemmx żviluppi ġodda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Numru 8439.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-pittura oriġinali li kien hemm fil-Mina ta' S.Elena, Bormla? Jista' jgħid ukoll x'sar minnu l-artal u oġġetti oħra reliġjużi li kien hemm fl-istess mina?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-pittura oriġinali li kien hemm fil-Mina ta' S. Elena, Bormla tinsab fil-Mużew Marittimu, il-Birgu u li ma kien hemm l-ebda artal jew oġġetti reliġjużi oħra meta l-istess pittura ġiet mneħħija mill-post.
Peress li f'Jannar 2005 il-Ministru kien wiegeb fir-risposta għall-interpellanza tiegħi numru 8441 li s-suġġeriment tiegħi li ssir xi forma ta' tifkira lil Arvid Pardo kien qed jigi kkunsidrat, jista' jgħid jekk hemmx żviluppi ġodda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proposta għadha qed tiġi studjata.