Jista' l-Ministru jagħti listi u dettalji ta' dawk l-oġġetti li fuqhom hemm imposti price orders? Jaħseb li din il-lista għandha tiġi estiża? Jaħsibx il-Ministru li għandhom jiżdidu l-pieni għal min jikser dawn il-price orders peress li donnu qed jirriżulta li qliegħ magħmul fuq bejgħ ta' prodotti qed jikkontribwixxi għall-inflation?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-price orders jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern minn fejn, għalhekk, wieħed jista' jiġbor l-informazzjoni mitluba.
Bħala linja ġenerali, il-Gvern jistenna li l-bżonn għal-price orders jonqos u mhux jiżdied. Dan minħabba l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u permezz ta' miżuri intiżi sabiex jiġi żgurat suq ġust fejn il-kompetizzjoni taħdem biex il-konsumatur igawdi mill-aħjar prezzijiet possibbli li jirriflettu wkoll il-kwalita' offruta lilhom.
Min naħa l-oħra, fejn tiġi determinata l-ħtieġa, l-Gvern jirriserva d-dritt li jintervjeni, anki permezz ta' price orders, sabiex jiġi salvagwardjat l-aħjar interess tal-konsumatur.
Jista' Ministru jgħid u jagħti dettalji dwar jekk sarux surveys biex isir magħruf tagħrif x'inhi l-medja ta' profitti li qed isiru mir-retailers fuq prodotti identifikati?
Jekk le, jikkonferma li huwa opportun li jsir eżerċizzju simili?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ssegwi l-prezzijiet tal-prodotti li huma meqjusa dominanti fis-suq ta' l-ikel, toiletries, deterġenti u xorb biex tara li ma jkunx hemm xi prattiċi restrittivi li jistgħu iwasslu għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Jirriżulta li f'dawn is-setturi teżisti kompetizzjoni kemm bejn il-produtturi/importaturi ta' dawn it-tipi ta' prodotti kif ukoll bejn ir-retailers.
Id-Diviżjoni tinvestiga każijiet fejn jinħass li l-prezzijiet huma eċċessivi kawża ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti jew jekk ikun hemm suspett ta' kartell.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jintefqu flus f'xogħol mogħti lill-kumpanija privata għaż-żamma tal-postijiet soft areas u ġonna propjeta tal-Maltacom plc sena b'sena mill-1999 'l hawn?
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex qed isiru jew jekk ġiex konkluż xi ftehim ma' kumpanija privata tas-sigurta biex tibda tagħmel xogħol għall-kumpanija Maltacom plc?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini propjeta' tal-Maltacom plc (St. Georges Exchange Building) li qed jiffunzjona bħalissa u li jinsab fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan inbiegħx jew jekk hux qed isiru negozjati f'dan is-sens?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ma' min sar jew qed isir dan il-bejgħ u kemm jammonta?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li l-industrijalisti li jimportaw il-materja prima ta' l-ikel ma ġewx infurmati li s-supply measure l-Gvern qed jinnegozja ma' l-UE tkopri biss kalkolu ta' kwantita' ta' l-importazzjoni attwali ta' tali prodott biss?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fil-kuntest tan-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea dwar il-kapitlu ta' l-agrikultura, il-Gvern Malti fetaħ diskussjoni dwar special supply measures fuq numru ta' prodotti speċifiċi. Fil-fatt, tagħrif dwar dawn il-prodotti u dwar il-pożizzjoni ta' Malta fuq dan is-suġġett kienet ġiet ikkomunikata kemm lill-federazzjoni ta' l-Industriji kif ukoll lill-Kamra tal-Kummerċ żmien ilu.
Tajjeb jingħad ukoll li saru diskussjonijiet ma' l-iSpecial Interest Members Meeting (SIMS) kif ukoll fil-MUSEC fejn l-industrijalisti kienu preżenti.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-kumpless tal-Price Club fis-Swatar għadu jingħata s-servizz tal-elettriku minn l-Enemalta meta l-istabiliment ta' Raħal ġdid li kien għand din il-kumpanija inqatgħalu s-servizz minħabba kontijiet pendenti li l-kumpanija Price Club għandha mal-Enemalta?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta qatgħetx is-servizz tal-elettriku tal-abitazzjoni personali tas-sidien u diretturi tal-kumpanija Price Club meta dawn naqsu milli jħallsu lill-Enemalta dak li hu dovut lilha?
Jista' jgħid jekk is-sena l-oħra l-Enemalta qatgħetx il-provista tal-elettriku lis-supermarket Price Club ta' Luqa Road Paola minħabba kontijiet pendenti? Jista' jgħid jekk ingħata s-servizz lura, kienx għax sar il-ħlas dovut lill-Enemalta? Jekk le, jista' jgħid min ta l-ordni biex tingħata l-provista, jekk ingħatat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma tistax tieħu l-passi neċessarji biex taqta l-provvista ta' l-elettriku lill-istabbiliment tal-Price Club li jinsab fis-Swatar peress li s-substation li tissupplixxi l-elettriku lill-istabbiliment tinsba mibnija proprju fl-istess stabbiliment u minħabba proċeduri legali mhux possibbli li l-impjegati tal-Korporazzjoni jidħlu fil-post biex tiġi sospiża l-provvista.
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni rat jekk tistax tissospendi l-provvista minn ring fil-viċinanza tas-substation, pero' irriżulta li jekk isir dan, is-sistema ta' l-elettriku għall-konsumaturi l-oħra titnaqqas ħafna mir-reability u għalhekk mhux ġust li jbatu terzi persuni intortament. Madanakollu l-Korporazzjoni xorta waħda għadha qed tagħmel sforzi biex il-kurrent jiġi sospiż.
Il-liġi ma tippermettix li jinqata l-kurrent elettriku domestiku tad-diretturi fuq dejn ta' entita' oħra, meta quddiem il-liġi dawn huma żewġ elementi separati.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Membru li ma jkunx prudenti li jingħata tagħrif kummerċjali dwar klijenti tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għar-rapporti li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jekk l-Onorevoli Interpellant jippreċiżali x'tip ta' rapporti għandu f'moħħu u jekk jindikali l-iskop għalfejn qiegħed jitlob tagħrif dwar in-nefqa għal kull rapport li sar fuq perjodu ta' tliet snin sħaħ, inkun nista' niddeċiedi jekk inhix ġustifikat li nordna li jintużaw ir-riżorsi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani konkreti hemm min-naħa tal-Freeport biex jagħmel tajjeb għat-tluq tal-Grand Alliance lejn Gioaia Tauro biex ma jaqax ix-xogħol? Saret analiżi għala telqu tal-Grand Alliance? X'passi ttieħdu mill-Freeport wara din l-analiżi, jekk saret? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda kopja ta' din l-analiżi, jekk saret?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess ta' l-azjenda li tiġi pubblikata.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-consortia/kumpaniji li wrew interess fl-iżvilupp tal-Malta International Trade Centre?
F'liema stadju wasal il-proċess ta' l-aġudikazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
F'dan l-istadju ma jkunx għaqli li wieħed jiżvela l-ismijiet tal-kumpaniji li wrew interess fl-iżvilupp tal-Malta International Trade Centre. Id-dettalji mitluba jkunu jistgħu jingħataw wara l-ftuħ tal-proposti li għandhom jiġu sottomessi sa l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena.
Peress li meta l-MIA ħadet il-kontroll ta' l-ajruport mingħand l-Avjazzjoni Ċivili ħadet magħha l-impjegati u l-apparat kollu, jista' l-Ministru jgħid għaliex issa li sezzjoni minnhom (li minħabba sigurta` tal-pajjiż ingħata lura lill-gvern) magħrufa bħala MATS ma ħaditx lura magħha ċertu apparat li jiswa eluf ta' liri? X'inhi r-raġuni u jista' jelenka x'inhu dan l-apparat li jista' jispiċċa f'idejn il-barrani issa li l-MIA se tkun privatizzata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-kumpanija mwaqqfa mill-Gvern fl-1 ta' Jannar 2002 biex tieħu ħsieb il-kontroll ta' l-ajru f'Malta, ħadet mingħand il-Malta International Airport mhux biss l-impjegati li kienu jaħdmu f'din is-sezzjoni, iżda ħadet ukoll il-makkinarju neċessarju biex din tkun tista' topera. Dan l-apparat kellu valur (net book value) ta' aktar minn Lm3.6 miljun.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta tagħti prijorita' lill-installazzjoni ta' B Phase f'appartamenti tal-Gvern fejn ġie stallati lifts mill-PA dan l-aħħar minħabba d-diffikultajiet li għandhom anzjani/persuni b'diżabilita' minħabba taraġ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ biex titwassal il-provvista ta' l-elettriku kif indikat fil-mistoqsija, għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fi Sqaq ma' Athlone Street, Paola, quddiem ir-residenza 22 minħabba li tinsab imwarrba?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa in-numru ta' nies f'Malta u Għawdex 'il fuq minn 16-il sena? Kemm huwa n-numru ta' rġiel f'Malta u Għawdex 'il fuq minn 16-il sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn figuri miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jirriżulta li sa l-aħħar tas-sena li għaddiet in-numru ta' nies f'Malta u Għawdex ta' eta' 'l fuq minn sittax-il sena kien ta' 313,203. Fl-istess perjodu, in-numru ta' rġiel f'Malta u Għawdex ta' eta' 'l fuq minn sittax-il sena kien ta' 153,462.
Dawn il-figuri jinkludu barranin residenti fiż-żewġ gżejjer.
Jista' l-Ministru jgħid hux possibbli l-amministrazzjoni ta' l-Airmalta tinvestiga għaliex il-passiġġieri li jkunu għadhom kif waslu Malta fl-ajruport ta' Ħal Luqa qed jiġu ippressati qishom sardin fil-coach li toħodhom sat-terminal?
Billi din il-ħaġa qed issir ta' spiss bil-konsegwenza li qed ikun hemm ilmenti minn diversi passiġġieri fosthom turisti li jkunu fil-coach, ma jaħsibx li dawn l-istess turisti qed jieħdu impressjoni ħażina kemm ta' pajjiżna kif ukoll tal-kampannija?
Kemm suppost jitilgħu passiġieri ġo kull coach?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mhux il-prattika li passiġġieri li jaslu Malta jiġu ppressati fil-coaches. Madanakollu jista' jagħti l-każ li meta jkun fadal għadd żgħir ta' passiġġieri, dawn jitħallew jitilgħu l-coach għall-vjaġġ qasir sat-terminal biex ma jitħallewx jistennew.
Jista' l-Ministru jgħid hux possibli l-awtoritajiet kompetenti fl-ajruport ta' Ħal Luqa jieħdu ħsieb li jinbiddlu jew jiġu miżbugħa t-trolleys li hemm għaliex ħafna minnhom huma maħmuġa u imsadda w iwaqqgħu l-livell ta' l-ajruport?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li t-trolleys tal-passiġġieri użati fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jinbidlu gradwalment. Fil-fatt diġa' saru kuntatti ma' kumpanija li timmanifattura dawn it-trolleys bil-ħsieb li tiġi stmata l-ispiża meħtieġa u jibda l-proċess ta' tibdil tat-trolleys fil-futur mhux il-bogħod. Madanakollu ta' min jinnota li t-trolleys eżistenti ssirilhom manutenzjoni regolari.