Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjant ta’ Sant’ Antnin – plastik riċiklat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ plastik ġiet irriċiklata mill-impjant ta’ Sant’ Antnin, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014? Jista’ jgħid x’tip kien u kemm kien hemm minn kull tip ta’ plastik bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – metall riċiklat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ metall ġie rriċiklat mill-impjant ta’ Sant’ Antnin, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014? Jista’ jgħid x’tip kien u kemm kien hemm minn kull tip ta’ metall bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – karta riċiklata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ karta ġiet irriċiklata mill-impjant ta’ Sant’ Antnin, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014? Jista’ jgħid x’tip kienet u kemm kien hemm minn kull tip ta’ karta bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – tyres irriċiklati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ tyres ġiet irriċiklata mill-impjant ta’ Sant’ Antnin, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2014 separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti ninsab infurmat li fil-Wasteserv ma jiġux riċiklati tyres. Il-Wasteserv filfatt toħroġ tender biex dan ix-xogħol isir mill-privat. Li jiġri huwa li tyres mormija jintiżnu fil-Wasteserv iżda mbagħad jintbagħtu għand il-kuntrattur privat biex jitqattgħu b’mod li jkunu jistgħu jiġu esportati għar-riċiklaċċ. F’dan ir-rigward qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi kemm il-tunnellata ta’ tyres ġew esportati għal dan l-iskop.

Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 21159 u 21247 jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jagħtini l-informazzjoni dwar dawn is-37 sidien li nstabu li l-kelb tagħhom kien bla ċippa? Għalfejn lanqas l-uffiċjali tal-Animal Welfare ma għamlu surprise visit biex jaraw jekk il-klieb li kienu bla ċippa ġew chipped jew inkella hux qed jinżammu kif xieraq? Jiġifieri għad-Dipartiment tal-Animal Welfare mhux interessati li jsegwu dawn il-każijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 20894 fejn intqal b’mod ċar li fil-każijiet kollha kien konfermat li l-klieb saritilhom il-microċippa. Ninsab infurmat ukoll li l-follow-up li kien hemm bżonn li jsir u li fil-fatt sar kien fuq materji oħra kif diġa indikat fit-tweġiba msemmija. M’hemm xejn x’inżid ma’ dan.

Wasteserv — Audit fuq skart

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21245 li oriġinarjament saret lill-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk isirux audits fuq l-ammont ta’ skart li jiddaħħal fil-faċilitajiet tal-Wasteserv biex skart jinġabar mingħand il-kunsilli lokali peress li jsiru allegazzjonijiet li xi kuntratturi jdaħħlu skart minn sorsi oħra flimkien ma’ dak tal-kunsill lokali bil-konsegwenza li l-kunsilli jispiċċaw iħallsu għall-iskart li mhux tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-Wasteserv ma tagħmilx audits tat-tip li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interepllant u dan għas-sempliċi raġuni li meta l-iskart jitwassal għand il-Wasteserv mit-trakkijiet li jġorru l-iskart ma hemmx mod kif tista’ tivverifika l-iskart jekk hux residenzjali jew inkella kummerċjali. Sadanittant infakkar ukoll illi l-ġbir tal-iskart domestiku jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali u mhux direttament taħt il-kumpanija Wasteserv. Il-Wasteserv tirċievi dan l-iskart u titlob ħlas mingħand il-Kunsilli Lokali skont il-piż tal-materjal li jasal għandha. Hija fir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali li jidħlu f'kuntratti dwar il-ġbir tal-iskart domestiku ma' kuntratturi privati li jassiguraw li l-kuntratturi tagħhom isegwu l-obbligi kuntrattwali biex ma jitfgħux piżijiet finanzjarji żejda fuq l-istess Kunsilli.

Wasteserv — skart - ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' ħlas li l-kunsilli lokali jħallsu għall-iskart li jiddaħħal fil-faċilitajiet tal-Wasteserv?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li r-rata mħallsa mill-Kunsilli Lokali hija ta’ €20 it-tunellata, rata li ilha hekk mill-2009.

L-Għammieri — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsibijiet jew pjanijiet għandu dwar l-Għammieri, liema post kien ta’ għajnuna lill-bdiewa u r-raħħala fil-ħidma tagħhom, u illum huwa wkoll bżonnjuż biex jiġu aġġornati bil-metodi l-ġodda fix-xogħol tagħhom, aktar u aktar meta llum Malta hi parti mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jinforma fuq il-pjan ta’ azzjoni li għandu għall-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Fil-waqt li nfakkar lill-Onor. Interepellant fit-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20139, skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi fl-aħħar għaxar snin tal-Gvern preċedenti, speċjalment wara d-dħul ta’ Malta fl-UE f’Mejju 2004, ir-rwol prinċipali tal-Għammieri tbiddel sostanzjalment. Dan għaliex fil-passat l-irwol prinċipali kien wieħed ta’ riċerka kemm fis-settur tal-ortikultura b’esperimenti u trials fuq varjetajiet ġodda ta’ siġar u pjanti mkabbra taħt kundizzjonijiet differenti, kif ukoll esperimenti u riċerka fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem. Dan l-irwol kien imsaħħah ukoll b’servizzi tajbin mis-sezzjoni tal-Extension Service, li kienet tagħti pariri lill-bdiewa u lir-raħħala fuq diversi aspetti tal-agrikoltura. Wara d-dħul ta’ Malta fl-UE, dawn iż-żewġ attivitajiet ma baqgħux jingħataw priorità bħal qabel, minħabba l-ħtieġa li jitwaqqfu strutturi u proċessi regolatorji abbinati ma’ regolamenti u direttivi tal-UE, sabiex ikun żgurat illi l-bdiewa u r-raħħala tagħna jkunu compliant mar-regolamenti tal-UE u b'hekk ikunu jistgħu jirċievu l-massimu tal-fondi Ewropej disponibbli għalihom. Struttura oħra li kienet meħtieġa kienet l-Aġenzija tal-Pagamenti li permezz tagħha l-bdiewa u r-raħħala setgħu jirċievu pagamenti għall-għajnuniet diretti tal-bdiewa u r-raħħala kif ukoll għal-diversi miżuri mwettqa taħt il-Pjanijiet tal-Iżvilupp Rurali. B’riżultat ta’ dawn it-tibdiliet, f’dawn l-aħħar snin, fl-Għammieri l-attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ ma baqgħux mifruxa daqs kemm wieħed jixtieq, tant li l- Extension Service kien ġie żmantellat għal kollox. Fil-fatt fl-aħħar snin ta’ Gvern preċedenti ma sar l-ebda investiment fl-oqsma ta’ riċerka u taħriġ u lanqas tisħih ta’ capacity building għal dan il-għan. Irrid ngħid li din l-amministrazzjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-Għammieri bħala post li joffri opportunità ta’ riċerka u taħriġ fil-qasam tal-biedja. Tant illi twaqqaf Direttorat tad-Diversifikazzjoni u Kompettività ġdid li qiegħed jassisti lil dawk il-bdiewa u raħħala li jirrikorru għall-pariri tekniċi rigward il-qasam rispettiv tagħhom. Infurmat ukoll li biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-Amministrazzjoni, hemm il-ħtieġa u l-ħsieb li dan id-Direttorat jissaħħah sabiex ikun f’pożizzjoni li s-servizz ta’ riċerka u taħriġ jiġi estiż biex jintlaħqu numru akbar ta’ bdiewa / raħħala. Hemm il-ħsieb ukoll sabiex id-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali jkompli u jsaħħaħ is-servizz ta’ pariri tekniċi dwar iż-żamma tajba tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tal-oqsma (GAEC) kif ukoll tar-rekwiżiti tal-‘kundizzjonalità’ ( cross-compliance ) u azzjonijiet marbuta mat-tibdil fil-klima, li huma kollha essenzjali biex tgħin lill-bdiewa jkunu konformi bi sħiħ għall-fini tal-għajnuniet mill-fondi tal-politika agrikola komuni. Dan ser jitwettaq taħt ir-regoli u bl-għajnuniet ġodda tal-PAK 2014-2020.

L-Għammieri –annimali ta’ razza Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsibijiet għandu dwar l-annimali ta’ razza Maltija u li llum huma tant rari u mhedda li issa jinsabu fl-Għammieri, u huma taħt ir-responsabilità tal-Gvern? ? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitneħħew l-annimali kollha li hemm l-Għammieri? Jekk iva, għaliex?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal-liema annimali ta’ razza Maltija u li huma tant rari u mhedda, qiegħda tirreferi.

Marsa Thermal Treatment – monitoring system — offline

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-online monitoring system tal-Marsa Thermal Treatement ilha offline għal tal-anqas mit-3 ta’ Novembru 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Emissions Monitoring Equipment tal-Marsa Thermal Treatement jibqa’ jiffunzjona l-ħin kollu b’mod awtomatiku ħlief meta tkun ser issir xi manutenzjoni fuqu direttament. Dan ifisser li d-data tibqa’ tinġabar fuq is-server u għaldaqstant din l-informazzjoni ma tintilifx anke jekk ma tkunx qed tidher fuq il-website. Jirriżulta li operatur fuq is-sistema tat-Thermal Treatment Facility, bi żball intervjena fuq l-encoding tas-sistema b’mod li waqqaf l-estrazzjoni tar-rapporti li jidhru fuq il-website tal-Wasteserv. Dan irriżulta f’nuqqas ta’ online readings bejn l-4 u l-14 ta’ Novembru 2015. Bejn il-15 u l-20 ta’ Novembru 2015 kien hemm readings filwaqt li bejn il-21 u l-25 ta’ Novembru 2015 kien hemm nuqqas ta’ readings minħabba xogħol ta’ manutenzjoni li kellha ssir fit-Thermal Treatment Facility minħabba li kien hemm ħsarat fl-economiser. Sadattant jien infurmat li diġa ttieħdu passi biex l-emission logs fil-ġranet li kienu neqsin issa ġew regolarizzati u qed jidhru online.

Apikultura — taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar taħriġ fl-apikultura lokalment? Kemm kien in-numru ta’ persuni li attendew għal dan il-kors?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbiltà ta’ dan it-taħriġ mhix fil-kompetenza tad-Direttorat tal-Agrikoltura. Din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministru kkonċernat.

Apikultura — kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma n-numru ta’ persuni li għandhom xi kwalifiki fl-apikultura u li jaħdmu mal-Ministeru responsabbli mill-agrikoltura? Dawn il-persuni kemm ilhom impjegati ma’ dan id-dipartiment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, billi ma jirriżultax li f’Malta hawn xi kwalifika fil-livell terzjarju fil-qasam tal-apikultura u peress li m’hemm l-ebda grad mal-Gvern li qatt kien jirrikjedi li persuna jkollha edukazzjoni f’livell terzjarju f’dan il-qasam, nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika eżatt għal-liema tip ta’ kwalifika qed jirreferi.

San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fuq slipways

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li qed jitwettaq fuq slipways f’San Pawl il-Baħar? Fuq liema slipways qed isir dan ix-xogħol? Kif intgħażlu s-slipways li fuqhom twettaq ix-xogħol? Fuq liema slipways oħra fl-istess lokalità hu mistenni li jsir xogħol? Meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, f’San Pawl il-Baħar qed isiru interventi fuq żewġ slipways li jagħmlu parti mill-moll tal-Veċċja. Dan il-moll qed jiġi restawrat u msaħħaħ wara li ġarrab ħsarat estensivi peress li għal numru ta’ snin ma kienet saret l-ebda manutenzjoni fuqu. Skont il-pjanti approvati mill-MEPA, bħala parti minn dan il-proġett, slipway żgħira eżistenti se tkun qed tingħalaq sabiex jiżdied aktar spazju fuq il-moll. Min-naħa l-oħra, slipway akbar eżistenti se tkun qed issir mill-ġdid u se tiġi mwessgħa biex taqdi aħjar il-ħtiġijiet tas-sajjieda tal-post. Ninsab infurmat ukoll li dan ix-xogħol qed isir wara proċess ta’ konsultazzjoni mas-sajjieda tal-post, residenti taż-żona u anke mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Barra minn hekk, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li riċentament sar ukoll xogħol ta’ bini mill-ġdid fuq slipway fix-Xemxija (żona tal-Fekruna), li tlesta fil-jiem li għaddew. Din is- slipway tifforma parti mill-moll fejn jinħatt il-ħut tas-sajjieda.

Kennedy Grove — parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk, fl-inħawi ta' Kennedy Grove, hux se jkun possibli li tipparkja, biex individwu jkun jista' jagħmel użu mill-faċilitajiet tal-istess inħawi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li fil-viċinanzi ta’ Kennedy Grove diġa’ hemm faċilitajiet adekwati ta’ parkeġġ. Fl-istess ħin ma hux rakkommandabbli li xi parti tal-park tkun użata għall-parkeġġ u dan minħabba periklu għal min juża’ l-park. Fil-fatt jien infurmat li qatt, l-anqas fl-amministrazzjoni preċedenti, ma kien hemm xi ħsieb bħal dan.

Tkabbir ta’ siġar indiġeni

Question

Billi riċentement kien hemm diversi okkażjonijiet fejn saret referenza għall-fatt li suppost se jsir tħawwil ta' siġar indiġeni, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn qed jitkabbru dawn is-siġar, jew minn fejn inxtraw/se jinxtraw?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari it-tkabbir ta’ siġar/pjanti ġodda isir ġewwa l-mixtla f’Ta’ Qali. Meta jkun hemm bżonn xiri dan isir b’tender.

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx kien ikkonsultat qabel ma ntgħażlu dawn it-toroq rurali biex isir xogħol fihom peress illi l-Ministeru tiegħu hu responsabbli mill-bdiewa u r-raħħala li għandhom l-għelieqi u/jew irziezet tagħhom f'dawn it-tip ta' toroq? Jekk fl-affermattiv, kien il-Ministeru tiegħu li ta l-lista ta' toroq li kellu jsirilhom wiċċ lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, infakkar lill-Onor. Interpellant li t-toroq mhumiex responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru u allura teknikament ma jkunx hemm il-ħtiega li nkunu kkonsultati dwar liema toroq jissewwew l-ewwel għaliex fuq mertu bħal dan isiru kunsiderazzjonijiet tekniċi minn min għandu l-kompetenza sabiex jagħmel dan. Iżda l-Onor. Interpellant jagħmel tajjeb jekk jirreferi għat-twegiba li ngħatat mill-Onor. Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21148 fejn ingħatat l-informazzjoni kollha relevanti.

Kunsilli Lokali — skart

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ammont ta’ skart li l-kunsilli lokali, permezz tal-kuntratturi tagħhom, iddisponew fil-faċilitajiet tal-Wasteserv matul dawn l-aħħar sitt snin, kull kunsill separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninfoma lill-Onor. Interpellant illi skont informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Uffiċjali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali – klieb mingħajr mikroċippa

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21159 fejn intqal li xi 37 kelb nstabu bla ċippa, jista’ l-Ministru jgħid għaliex sar follow up biss fuq tmien każijiet u mhux fuq kollha sabiex jiġi assigurat li dawn ġew chipped kif titlob il-liġi? Jista’ jgħid għaliex klieb li nstabu bla mikroċippa, is-sidien ma tressqux il-Qorti meta dan jammonta għall-ksur ta’ liġi? Min ħadha d-deċiżjoni li dawn ma jitressqux il-Qorti?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 20894.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm tħallas f’reklamar mill-Ministeru tiegħu kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u kwalunkwe entità oħra illi taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu (għallfinijiet ta’ din il-mistoqsija, il-kelma reklami għanda tittieħed illi tinkludi kemm dawk fuq it-tv, kemm dawk fuq ir-radio, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-1 ta’ April 2015 sad-data illi fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur ta’ reklami illi għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew hux se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont illi tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li n-nefqa f’reklamar mill-Ministeru tiegħi kif ukoll kwalunkwe dipartiment, awtorità u entità oħra mill-1 ta’ April sa 17 ta’ Novembru 2015 kienet ta’ €352,969.92. Minn dan l-ammont €139,303.12 tħallas minn fondi Ewropej, €118,500.16 minn fondi lokali. Imbagħad jibqa’ €65,925.69 li għad jrid jitħallas min fondi lokali u €29,240.95 minn fondi Ewropej.