Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Vinċenz de Paul – nuqqas ta’ materjal u ingwanti

Question

Jista' l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li f’numru ta' swali fir-Residenza ta' San Vinċenz, ħaddiema qed ikollhom jaħdmu b'nuqqas ta' ingwanti u materjal ieħor li jużaw fil-qadi ta' dmirijiethom b'rabta mal-kura tal-anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-materjal mediku jiġi fornut mis-Central Supplies Unit li jaqa’ taħt il-Ministeru tas-Saħħa u għaldaqstant il-mistoqsija trid issir lilll-Ministru kkonċernat.

Residenza San Vincenz de Paule – Sala Rużar Briffa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-perit dwar is-saqaf tas-Sala Rużar Briffa 5 fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule biex iserraħ ras l-anzjani, il-qraba tagħhom u l-ħaddiema li jaħdmu fl-istess sala, li s-saqaf mhux wieħed ikkundannat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, skont l-ispezzjoni u r-rapport tal-periti, fis-17 ta’ Marzu 2016, kien iċċertifikat li s-saqaf ma huwiex ta’ periklu għar-residenti u l-ħaddiema.

Residenza San Vincenz de Paule — overtime

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lis-skeda tal-overtime li sar fid-dipartiment/swali separati fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule, bejn Jannar 2015 u Mejju 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vincenz de Paule – kmamar tal-banju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kmamar tal-banju/toilets li hemm fis-swali tar-Residenza San Vincenz de Paule humiex komuni u jistgħu jintużaw kemm mir-residenti kif ukoll mill-ħaddiema li jaħdmu fl-istess swali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, f’kull sala ġewwa r-Residenza, hemm kmamar tal-banju/toilets iddisinjati apposta għar-residenti u oħrajn li jagħmlu użu minnhom l-impjegati.

Home Help

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-bord responsabbli mis-servizz tal-Home Help?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Bord preżenti tal-Home Help huwa ffurmat minn : · Is-Sa Maria Camilleri · Dr. Anthony Livori · Is-Sur Carmel Mizzi · Is-Sur Mario Sammut

Residenza San Vincenz de Paule – vettura / trakk

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni li vettura/trakk li qabel kien jintuża mill-ħaddiema tal-Enemalta u li issa jinsab għad-disposizzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu fir-Residenza ta' San Vinċenz, illum mhux jintuża u minflok qed jinkrew/jinxtraw inġenji simili bi spejjeż addizzjonali għall-istess residenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-vettura/trakk li qed issir referenza għalih, għadu jintuża u ma’ inkera l-ebda tip ta vettura/trakk simili bi spejjeż addizzjonali għall-istess residenza.

Public Social Partnerships

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25770, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull ftehim li kien finanzjat mill-Vot 33 u ftehim oħrajn relatati peress illi dawn għadhom ma tpoġġewx fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25770. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija voluminuża ħafna u għaldaqstant jekk hemm xi aġenzija partikolari li trid l-informazzjoni dwarha, nitlobha sabiex tispeċifika liema hi.

Public Social Partnerships

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25769, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull ftehim li kien finanzjat mill-Vot 39 rikurrenti u ftehim oħrajn relatati peress illi dawn għadhom ma tpoġġewx fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25769. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija voluminuża ħafna u għaldaqstant jekk hemm xi aġenzija partikolari li trid l-informazzjoni dwarha, nitlobha sabiex tispeċifika liema hi.

Residenza San Vinċenz de Paule — refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kuntratturi kollha li ħadmu fuq ir-refurbishment kollha li sar sa issa fir-Residenza San Vinċenz de Paule fis-sena 2013, 2014, 2015 u 2016 (sa issa)? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u kemm tħallas kull kuntrattur għal kull servizz tiegħu? Jista' jgħid ukoll liema minnhom ingħataw b'direct order?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi, l-informazzjoni mitluba minnu dwar x-xogħol li sar f’San Vinċenz de Paule fis-sena 2013, 2014, 2015 u 2016 sa issa, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Taraġ fid-dar – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha kundizzjoni li ma tistax tkompli tgħix id-dar minħabba t-taraġ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minn verifika li għamlet l-Awtorita’ tad-Djar, il-persuna li ddettalji tagħha qed jintbgħatu separatament ma għandiex applikazzjoni pendenti sabiex tingħata xi forma ta’għajnuna minn naħa tal-Awtorita’ tad-Djar, kif imsemmi.

Assistenza biex persuna tidħol f’home

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li marida bil-kanċer u tgħix waħedha u qed titlob li jkollha assistenza billi tidħol f’home?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ tal-persuna msemmija qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa

San Ġwann – Triq il-Mimosa – leak tad-drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25962, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-problema ta' leak tad-drenaġġ fi Triq il-Mimosa, San Ġwann, tissolva b'mod permanenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, wara li l-Awtorita’ tad-Djar ġiet infurmata bil-każ nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju 2016, uffiċjali tekniċi għamlu spezzjoni fuq il-post fejn mal-ewwel ittieħdu miżuri temporanji biex ma jkomplix jiskula drenaġġ fit-triq. Sadanittant saret investigazzjoni minn naħa ta’ uffiċjali tas-Sanita u tal-Awtorita’ tad-Djar fejn ġiet lokaliżżata l-ħsara. Minħabba li t-tiswijiet jirrikjedu tibdil ta’ katusi ta’ drenanġġ li għaddejjin minn taħt appartament okkupat, qed isiru l-arranġamenti neċessarji mal-inkwilin kif ukoll mal-kuntrattur sabiex ikunu jistgħu isiru x-xogħlijiet li permezz tagħhom ikun hemm soluzzjoni permanenti tal-problema.

San Vinċenz – ħlas mill-pensjoni għall-akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament rigward ħlas mill-pensjoni għall-akkomodazzjoni f'San Vinċenz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-kontribuzzjoni li l-persuna msemmija qiegħda tħallas hija korretta u minħabba li hija residenti f’San Vinċenz de Paul tħallas 80% skont d-dħul tagħha minn kull pensjoni li tirċievi, skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali (Kap. 318 u LS 318.13).

Housing — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji mogħtija b'mod separat ma jaqblux mar-records li għandha l-Awtorita' tad-Djar.

każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u meta hemm il-ħsieb li dan il-każ jiġi deċiż?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi minnu instema'; liema każ ġie deċiż u l-appellant kien infurmat bid-deċiżjoni meħuda.

Naxxar – hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jindika meta mistenni jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq is-sit għall-bini ta’ hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26060.

Naxxar – hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-proġett relatat mal-hub għall-persuni b'diżabilità li l-Gvern qed jippjana li jibni fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, b’konnessjoni mal-proġett li qed issir referenza għalih, giet sottomessa applikazzjoni għall-Fondi Ewropej. L-applikazzjoni tal-Awtorita' tal-Ippjanar għadha qed tiġi pproċessata.

Naxxar – hub għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini ta’ hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar hux ser jinbena fuq l-istess art/sit fejn fl-2012 kien hemm ippjanat li jsir faċilità sportiva għall-klabb tal-futbol ta' Naxxar Lions?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħal ma jaf l-art/sit li fl-2012 kienet ippjanata li fuqha ssir il-faċilita’ għall-klabb tal-futbol tan-Naxxar Lions, ma kienx u ma hux possibbli li jsiru l-faċilitajiet kif mixtieqa mill-istess klabb. L-art li tista’ tkun qed tgħaddi għall-proġett importanti fin-Naxxar ġiet indikata mill-Government Property Division. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Home Help — lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li fil-preżent qed igawdu mis-servizz tal-home help u kemm hemm persuni li għandhom applikazzjoni pendenti għal dan l-istess servizz f’kull lokalità, lokalità b’lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ residenzi li qegħdin igawdu mis-servizz tal-Home Help huwa ta’ 2673. Ma hemmx każijiet li għaddew mill-proċess kollu u huma pendenti.

Ikel tal-Ewropa – politika ġdida

Question

Billi xhur ilu waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari l-Ministru kien ta informazzjoni li l-Gvern kien se jifformula politika ġdida dwar il-mod kif se jiġu megħjuna familji b’wild wieħed li ma baqgħux intitolati għal ‘l hekk imsejjaħ ‘ikel tal-Ewropa’, jista’ l–Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet din il-policy?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar il-kriterji li għandhom jintużaw fl-għoti ta’ dan l-ikel.