Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm okkażjoni waħda fejn inxtara biljett tal-ajru mill-aġenzija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament għall-valur ta’ €917.98. F’din l-okkażjoni l-ispiża kienet inqas minn dik medja. Meta nxtara dan il-biljett intalbet kwotazzjoni skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’kollox inxtraw 52 biljett tal-ajru u li minbarra l-aġenzija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, kien hemm 8 aġenziji oħra tal-ivvjaġġar li minn għandhom inxtraw biljetti tal-ajru.

Għawdex – Digital Hub

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-konsorzju li ngħata l-kuntratt ta’ konsulenza li jaqbeż it €350,000 biex jiġi kkreat digital hub f’Għawdex? Kif ingħata dan il-kuntratt u x’tip ta’ rapporti jridu jitħejjew?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 11928.

Mata Enterprise — programmi ta' promozzjoni tal-investiment dirett barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise matul is-sena 2014 implimentatx xi programm ta' promozzjoni tal-investiment dirett barrani f'Għawdex biex b'hekk jiġu attirati proġetti li mhumiex imfixkla mill-limitazzjoniet tal-gżira?

Response (CARDONA, CHRIS)

Iva.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — reklamar fuq media

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq b’mod totali l-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar għal kull sena bejn l-2004 u l-2012 f'dawn il-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali/gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra? Jista’ fl-istess ħin, jaqsam din l-ispiza skont fuq liema stazzjon tat-televizjoni, stazzjon tar-radju, ġurnal/gazzetta, pubblikazzjoni oħra jew newsportal deheru jew ixxandaru r-riklami?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba skont kif muri fit-tabella hawn taħt: Dipartiment, Entità, Awtorità eċċ. Ġurnali, gazzetti, pubblikazzjonijiet Radjijiet Stazzjonijiet Televiżivi News Portal € € € € DCS - MEIB 187,689.80 111,65.19 13,418.16 NIL Commerce Department 84,497.68 725.7 21,855 NIL Malta Communications Authority 231,485.12 2,791.15 34,563.50 23,524 Lotteries & Gaming Authority 407,692.53 NIL NIL NIL Malta Freeport Corporation 1440.92 NIL NIL NIL Malta Enterprise * * * * MITA 318,509.36 9,074.80 2,100 7064.36 MGI/MIMCOL/Privatisation Unit 2,028.30 NIL NIL NIL Kordin Grain Terminal 7,432.95 NIL NIL NIL Cooperatives Board NIL NIL NIL NIL Malta Industrial Parks 51,835 NIL NIL NIL Minħabba l-mod kif kienet irrekordjata l-informazzjoni fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti mhuwiex possibbli li l-informazzjoni tal-Malta Enterprise tingħata mqassma fil-mod rikjest mill-Onorevoli Interpellant. Minħabba f’hekk, l-informazzjoni li setgħet tinġabar fil-perjodu qasir li ngħatajna biex inwieġbu din il-mistoqsija, hija dik tan-nefqa totali ta’ reklamar matul is snin.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — żjarat uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żjarat uffiċjali li għamel/għamlet minn Marzu 2013 'il hawn, f'liema pajjiżi, għal-liema raġuni u kemm damet kull waħda minn dawn iż-żjarat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — kuntratti ta' konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kuntratti ta’ konsulenza li ngħataw mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u jgħid f’kull każ xi proċedura ntużat biex jinħatru dawn il-konsulenti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika d-data.

Att dwar is-Servizzi ta’ Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm kien hemm persuni liċenzjati taħt l-Att dwar is-Servizzi ta’ Investiment fl-2010, 2011, 2012 u 2013 u kemm hemm żjarat għall-verifika ta’ compliance għand persuni liċenzjati taħt dan l-Att f’dawn is-snin?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

European Consumer Centre — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn kemm ilu mwaqqaf l-uffiċċju tal-European Consumer Centre f’Malta, kemm irċieva ilmenti sena b’sena, dwar xiex kienu u kemm minnhom ġew solvuti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Proċedura Ewropea għal talbiet żgħar — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena sa minn meta bdiet titħaddem, kemm saru każijiet quddiem il-fora kompetenti f’Malta taħt il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar? Sena b’sena kemm minnhom ġew deċiżi u attwalment kemm hemm pendenti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

MITA – xogħlijiet minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kien jagħmel fi ħdan il-MITA? Jista’ jgħid x’kien is-salarju tiegħu sena b’sena? Jista’ jgħid x’benefiċċji oħra kellu, u x’kienet l-ispiża li tħallset fuq dawn il-benefiċċji, b’mod separat, sena b’sena?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġie impjegat mal-Malta Information Technology Agency (MITA) - dak iż-żmien Management Systems Unit (MSU) - fl-1 ta’ Lulju 1992. Huwa okkupa diversi pożizzjonijiet li wħud minnhom kienu jinkludu benefiċċji għal użu tal- karozza u ‘fuel’ kif ukoll kien intitolat għal ‘ performance bonus’. Lista dettaljata sena b’ sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nixtieq niġbed l-attenzjoni li: a) Bejn Settembru ta’ 2006 sa Awissu 2008 l-individwu msemmi kien issekondat mal-Uffiċju tal-Prim Ministru; b) Minn Settembru tal-2008 kien issekondat mal-Foundation for Medical Services (FMS) bħala Acting Chief Executive Officer; c) Bejn Settembru 2008 u April 2009 huwa kien ukoll jitħallas ‘Allowance’ għal xogħol li kien jagħmel mal-FMS; d) F’Mejju ta’ 2009 beda perjodu ta’ ħames snin fil-post ta’ Chief Executive Officer mal-FMS li s-salarju tiegħu kienet tħallsu l-fondazzjoni u għalhekk il-MITA ma għandhiex rendikont tiegħu. L-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatemet ġie lura l-MITA fl-ewwel ta’ Lulju 2014 u sa joħrog b’ unpaid leave mit-13 ta’ Novembru 2014 sat-12 ta’ Novembru 2016.

Proġett ta’ FDI — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proġett ta' FDI tnieda sena b' sena, fl-2012, 2013 u sa Ottubru 2014, u kemm qiegħed iħaddem impjegati kull proġett separatament?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2012 tnieda biss proġett wieħed u mpjega persuna waħda. Din il-kumpanija eventwalment għalqet f’qasir żmien. Għas-sena 2013 irid qabel xejn jingħad li minkejja n-numru ta’ proġetti approvati dawn mhux kollha kienu mnedija sa issa. Ta’ min ifakkar li proġett ta’ FDI ġdid jirrikjedi perjodu ta’ zmien konsiderevoli biex jibda jopera normalment u perjodu itwal biex jimmatura u jopera ottimament. Mill-proġetti approvati fl-2013 s’issa kienu mnedija 13, li skont l-aħħar statistika tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (Awwissu 2014) b’kollox s’issa qed iħaddmu 73. Fir-rigward tas-sena 2014, s’issa (Ottubru 2014) kienu mnedija sitt proġetti li preżentament qed iħaddmu 25. Wieħed irid jgħid li dawn huma ċifri proviżorji. Hawn ukoll, l-istatistika dwar impjiegi, hija dik mogħtija mill-ETC. Minħabba l-obbligi legali stabbiliti fl-Att dwar il-Malta Enterprise 2003 mhuwiex possibli li tissemma kull kumpanija individwalment u kemm din qed tħaddem nies.

Malta Enterprise — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-iskemi kollha li nħarġu mill-Malta Enterprise sena b’sena mill-2008 sa Ottubru tal-2014? Għal kull skema, jista’ jgħid jekk għalqitx jew għadhiex miftuħa? Għal kull skema jista' jgħid x'tip ta' għajnuna kienet qed tingħata lill-industrija u kemm kien hemm fondi allokati għaliha?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Għawdex – Digital Hub – kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-consortium Gozo Connect li rebaħ il-kuntratt biex jagħmel it-technical and feasibility study dwar Digital Hub f’Għawdex?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat. ( Ara d-dokument PL 3691 u l-kummenti tal-Ministru Onor. Chris Cardona li għamel waqt it-Tqegħid ta' Karti fis-Seduta 198, tat-Tlieta, 11 ta' Novembru 2014)

Liċenzji ta’ casinos – adjudication boards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-adjudication board jew boards fil-proċess tal-għażla għall-għoti ta’ liċenjza jew liċenzji ġodda ta’ casinos ġewwa Malta u Għawdex?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress illi fuq dan is-suġġett ta’ liċenzji ta’ casinos ġie ippreżentat Mandat ta’ Inibizzjoni u għalhekk dan il-każ preżentement qiegħed quddiem il-Qorti, ma jkunx għaqli f’dan l-istadju li jingħataw l-ismijiet ta’ dawn il-membri.

Liċenzji ta’ casinos – preferred bidder

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ngħatat lilu għalfejn il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kienet il-preferred bidder għal liċenzja ta' casino ġdid minkejja li ma kellhiex l-aktar offerta vantaġġuża?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni għalfejn il-kumpanija Eden Leisure Group Limited kienet il-preferred bidder kienet li l-Valur Finanzjarju tal-proposta ta’ din il-kumpanija kien sostanzjalment għola minn tal-proponenti l-oħrajn. L-Offerta Finanzjarja ta’ darba, li huwa aspett distint mill-Valur Finanzjarju tal-proposta, ma kien qatt il-fattur determinanti fid-deċiżjoni dwar min għandu jkun il-proponent favurit. L-Offerta Finanzjarja hija pagament ta’ darba filwaqt li l-Valur Finanzjarju jieħu in konsiderazzjoni l-perjodu kollu tal-konċessjoni. Il-metodoloġija finanzjarja li ġiet użata fl-evalwazzjoni taż-żewġ proposti kienet waħda li hija adottata internazzjonalment fl-assessjar ta’ proġetti. Fl-opinjoni tal-Adjudication and Evaluation Committee (‘EAC’), il-proposta tal-proponent favurit kienet l-aqwa waħda. Din id-deċiżjoni tal-EAC ġiet ibbażata fuq analiżi profond li għamel l-EAC stess u fuq żewġ analiżi oħra dettaljati, wieħed tas-Sotto Kumitat Tekniku u l-ieħor tas-Sotto Kumitat Finanzjarju.

Liċenzji ta’ casinos — Negozjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex il-Gvern fetaħ in-negozjati għal żewġ liċenzji ta' casinos ġewwa Malta meta s-sejħa oriġinali kienet għal liċenzja waħda?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-Gvern iddeċieda li jistieden lit-tieni l-aktar proponent favurit biex jidħol f’negozjati miegħu bl-eventwalita’ li tingħata t-tieni liċenzja għal Casino. Din id-deċizjoni ttieħdet wara perijodu adegwat ta’ deliberazzjoni professjonali, fejn ittieħed in konsiderazzjoni t-tkabbir ekonomiku f’terminu ta’ impjiegi, dħul akbar għall-Gvern u attivita’ ekonomika fis-settur kummerċjali tad-divertiment f’reġjun ġeografiku partikulari f’Malta. B’hekk, il-Gvern ikun qed jimxi mal-istrategija kurrenti tiegħu li għandha żewġ objettivi: (i) li l-ġenerazzjoni tad-dħul għall-Gvern tilħaq il-massimu tagħha – u dan permezz tal-għoti ta’ konċessjoni ġewwa San Ġiljan; u (ii) li jiġġenera l-attivita` ekonomika f’lokalita` ġeografika turistika staġjonali – u dan permezz ta’ għoti ta’ konċessjoni ġewwa Buġibba.

Marsa Shipbuilding – proċess tal-għażla tal-operatur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol għandu l-persuna, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fil-proċess tal-għażla tal-operatur jew operaturi tas-sit tal-Marsa Shipbuilding u jgħid għaliex u f'liema kapaċità dan l-aħħar bagħat għal u ltaqa' ma' żewġ shortlisted bidders fil-Ministeru?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju, peress illi l-proċess tal-għażla għadu ma ġiex konkluż, miniex f'pożizzjoni li nagħti informazzjoni fuq individwi. Il-kompitu li wieħed jibgħat u jiltaqa' mal-proponenti huwa f'idejn iċ-Chairperson u l-Membri tal-Evaluation and Adjudication Committee, u nista' nikkonferma li dejjem ġiet segwita din il-proċedura meta saru xi laqgħat mal-proponenti.

MicroInvest – tax credit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm flus ta' tax credits ingħataw bejn l-2009 u l-2013 bil-MicroInvest u lil kemm negozji, sena b'sena?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għas-snin 2009 u 2010 ma tistax tingħata peress li l-MicroInvest ġiet imwaqqfa fis-sena 2011. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9085.