Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26757?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher li l-kalkoli li għamel l-Onor. Interpellant huma kompletament żbaljati. Kien ikun biżżejjed li wieħed jikkonsidra li l-250 tunnellata (7.756 yield) patata taż-żriegħ Sante' ipproduċiet l-1939 tunnellata għas-safar, flimkien ma' kwantita konsiderevoli oħra li ġiet ikkunsmata lokalment. Waqt li minn 572 tunnellata (7.2 yield) patata taż-żriegħ Alpha ġew esportati 4,128 tunnellata. Ta' min jinnota wkoll li l-aħħar 'Netherlands Catalogue of Potato Varieties maħruġ minn NIVAA ikklassifika l-produzzjoni tas-Sante' bħala 'very high yielding -9' u dik tal-Alpha bħala 'high yielding -8'.
Jista' l-Ministru jgħid liema huwa dawk il-kunsilli f'Malta li għandhom kontijiet pendenti x'jitħallsu mad-Dipartiment tal-Agrikoltura? Kemm huwa l-ammont u ta flus pendenti minn Jannar sa Ġunju din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Kunsilli li għandhom kontijiet pendenti huma:
Attard, Balzan, Birgu, B'Kara, B'Buġia, Dingli, Floriana, Għargħur, Iklin, Kalkara, Kirkop, Lija, Marsaskala, Marsaxlokk, Mdina, Mellieħa, Mġarr, Mosta, Mqabba, Mtarfa, Naxxar, Paola, Pieta, Qormi, Qrendi, Rabat, Safi, San Ġiljan, San Gwann, San Pawl il-Baħar, Santa Luċija, Santa Venera, Siġġiewi, Sliema, Ta' Xbiex, Valletta, Xgħajra u Żebbuġ.
L-ammont pendenti għall-perjodu minn Jannar sa' Ġunju 2001 huwa ta' Lm28,062.78.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-kwantita tat-tonn li tħalla fis-suq lokali għall-konsumaturi lokali matul din is-sena? X'kienet il-kwantita' għas-snin 1999 u 2000?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-kwantitajiet ta' tonn fis-suq lokali għall-konsumaturi lokali kienu kif imsemmija hawn taħt:
Sena kgs
1999 171,758
2000 80,496
2001 (sat-22 ta' Gunju) 28,216
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskema tal-BIS il-ġdida ma' tħabbrietx minkejja li qegħdin fix-xahar ta' Ġunju meta suppost kellha titħabbar f'Jannar ta' din is-sena? Kemm huwa l-pagament pendenti li għandhom jitħallsu l-raħħala u l-biċċiera privati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li minħabba s-sitwazzjoni tas-suq wara l-emerġenza tal-BSE ma kienx possibbli li ngħataw l-iskema l-ġdida tal-BIS. Bħalissa għadejjin diskussjonijiet mal-middlemen u mal-KPH biex tiġi finalizzata s-sistema l-ġdida.
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-iżviluppi tat-talba tas-sajjieda sabiex isiru investigazzjonijiet dwar il-lanċa li qed jingħad li qed iġġib ħut frisk mill-Libja fil-Pixkerija li tinsab biswit il-bini tal-ministeru tiegħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lanċa msemmija għandha kuntratt li tista' iġġib lejn Malta 50% tal-ħut li tkun stadet f'ibħra Libjani. Dan sar tlett darbiet, fit-3/4 ta' Mejju, fil-25 ta' Mejju u fit-23 ta' Ġunju.
Jista' l-Ministru jgħid x'kontinwazzjoni saret fil-GFCM minn wara it-23 edizzjoni 'l hawn fejn f'Lulju 1998, il-Gvern preċedenti kien ressaq riżulozzjoni sabiex jinqatgħu
l-ispotter planes tat-tonn u l-quddiem ix-xibka liema riżoluzzjoni kienet ġiet appoġġjata mill-pajjiżi kollha tal-GFCM inkluż dawk l-UE tar-reġjun tal-Med?
Min kienu r-rappreżentanti Maltin fl-GFCM matul l-1999, 2000 u 2001? Kemm il-laqgħa kellhom maż-żewġ kooperitivi tas-sajd dawn ir-rappreżentanti dwar il-ħidma li ssokat fil-GFCM f'dawn it-tlett snin għall-ġid tas-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iż-żewġ laqgħat plenarji tal-GFCM li nżammu fl-1999 u 2000 kienu it-tnejn jikkonċernaw il-budget autonomu li hemm bżonnu sabiex din il-Kummissjoni reġjonali issir indipendenti u eżekuttiva.
Dan il-ghan ntlahaq is-sena li ghaddiet go Malta ghaliex kien hemm quorum u gie miftiehem li din is-sena ġo l-Italia jiġi deċiż kif u meta din l-operazzjoni għall-awtonomija tibda taħdem.
Il-GFCM qatt ma għaddiet risoluzjonijiet hi fuq sajd li tieħu ħsiebu kummissjoni oħra iżda l-GFCM tgħaddi u taċċetta enblock ir-risoluzjonijiet kollha ta' l-ICCAT. Is-sena l-oħra dawn kienu Resolution 95/1 (Rev 2000), Resolution 97/3, Resolution2000 /1 u Resolution 2000 /2.
Għall-parti l-oħra tad-domanda nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 12172 u nfakkru li s-sena l-oħra kienu l-istess uffiċjali li ħadu sehem. Il-laqgħa tas- sena 2001 għad trid issir. Is- sena li għaddiet iż-żewġ koperattivi kellhom post fis-sala waqt il-laqgħa iżda waħda mill-koperattivi ma attendietx.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħlijiet u l-proġett li ntqal mill-Ministru li kellhom isiru fil-mixtla ta' Wied Inċita? X'kienu jinvolvu dawn ix-xogħlijiet li saru fuq dan il-proġett matul l-1999,2000 u 2001? Kemm kienet n-nefqa vvutata għall-kull sena u x'intefaq??
Response (ZAMMIT, NINU)
Ix-xogħlijiet li saru f'Wied Inċita jikkonsistu f'bini ta' kamra għan-nies tas-Security ħdejn l-entratura, kif ukoll tħaffir ta' "pit" għall-kontroll ta' mard ħdejn din l-entratura. Twaqqgħu nofs l-uffiċini peress li dan il-bini kien ikkundannat, u ser jerġa' jinbena skond il-permessi approvati mill-Awtorita' tal-Ippjanar. Tranġa il-post fejn isir il-bejgħ ta' xtieli, u fejn jinżamm il-fuel. Ser tiġi nstallata grada ġdida (post magħluq għax-xtieli). Ma kienx hemm ebda nefqa speċifika vvutata, iżda ntuża l-vot tal-manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħlijiet u l-proġett li kellhom isiru fil-Ġonna ta' San Anton? X'kienu jinvolvu dawn ix-xogħlijiet li saru fuq dan il-proġett matul l-1999, 2000 u 2001? Kemm kienet in-nefqa vvutata għall-kull sena u kemm intefqu minna għall-dan il-proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma hemmx vot għall-infieq kapitali f'San Anton. Mill-vot tal-manutenzjoni ser jiġu rrinovati l-uffiċini u l-kmamar tal-ħaddiema. Ser issir renovazzjoni tal-funtana ta' l-ajkla minn fondi li ngħataw mill-Awtorita tat-Turiżmu. Xogħlijiet oħra ta' tiswija u ta' restawr f'diversi siti f'San Anton saru matul iż-żmien imsemmi, bħal ma sar ukoll upgrading tal-kwalitajiet ta' xitel, arbuxelli u siġar f'dan il-ġnien nazzjonali. Inżid ngħid li wara li nħarġu l-permessi għall-bini ta' toilets pubbliċi, issa ser tinħareġ it-tender għall-bini tal-istess toilets.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li laneċ tas-sajd barranin li hawn fil-Port il-Kbir għandhom sistemi li jintużaw għall-qbid tat-tonn u tal-pixxi spad illegali? Jekk le, min kien inkarigat jagħmel l-ispezzjonijiet mid-Dipartiment tas-Sajd Lokali u meta? Jekk iva, x'passi ittieħdu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dawn il-laneċ tas-sajd ixejru bandiera barranija u huwa biss spettur ta' dak ir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd jew spettur tal-Konvenzjoni li jistgħu jagħmlu dawn l-ispezzjonijiet. Fil-present l-ispetturi tal-Konvenzjoni għadhom ma jeżistux.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ha l-Gvern Malti ma' l-Awtoritajiet tas-Sajd fil-Mediterran u mal-Awtoritajiet tas-Sajd ta' l-UE dwar l-aħħar inkwiet li nħoloq bejn is-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jistenna li tintemm l-inkjesta qabel ma jieħu xi azzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet x'għajnuna finanzjarja ngħatat lill-bdiewa u sajjieda lokali? Għal-liema raġunijiet ngħatat din l-għajnuna u kemm kienet din l-għajnuna f'kull każ? Lil min ngħatat din l-għajnuna? Kif ġiet deċiża din l-għajnuna?
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li bħala Ministru qed jaċċetta li ineħħi l-protezzjoni tal-biedja lokali sabiex ikunu konformi mas-sħubija ta' Malta fl-UE, imbagħad indaħħlu protezzjoni fuq prodotti ta' l-ikel u industriji li ma niproduċux lokalment kif ġara bil-580% żieda fid-dazju tal-Corned Beef importat mill-pajjiżi li mhumiex membri?
Peress li qed ikun hemm ilmenti li qed ikun hemm kaxxi (dugħ) maħmuġin, jista' l-Ministru jinvestiga s-sitwazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Pitkali Crates Ltd. daħħlet fi spejjeż kbar biex xtrat makna tal-ħasil kbira biżżejjed sabiex tlaħħaq mal-kaxxi kollha.
Jidher li l-Bdiewa u x-Xerrejja baqgħu jibdlu l-kaxxi bejniethom mingħajr ma jdaħħluhom għall-ħasil minkejja t-twissijiet li joħroġ id-Dipartiment minn żmien għal żmien. Pero' dan il-każ xorta qed jiġi nvestigat.
Jista' l-Ministru jara x'sar fin-NAC sabiex il-proċess tar-riċerka fl-Akwakultura jmorru għal-aħjar? Kemm tħarrġu studenti matul l-1999, 2000 u 2001?
Kemm kien id-dħul u l-ispejjeż taċ-ċentru matul l-istess perjodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol kollu magħmul fiċ-Centru huwa rifless fir-rapporti annwali hawn mehmuża u din is-sena ix-xogħol għadu għaddej.
Fl-1999, 15-il student Libjan bdew kors ta' 12-il xahar fuq l-Akwakultura. Bejn Mejju u Awissu, student Grieg mill-Universita ta' Plymouth għamel ix-xogħol prattiku għall-MSc tiegħu. Kien hemm ukoll żewġ assistenti veterinarji Franċiżi li għamlu xahrejn ta' riċerka fiċ-Centru bejn Gunju u Awissu. Zewġ studenti Maltin mis-sistema TAS ħadu taħriġ fil-laboratorji tagħna.
Fis-sena 2000, l-istudenti Libjani kkonkludew il-kors ta' taħrig fuq il-faċilitajiet u t-teknologija ta' marine hatchery. Studenta Franciza għamlet perjodu ta' taħrig minn April sa' Gunju fuq sistemi varji ta' `oxygenation' fit-tankijiet u fl-akwarji kif ukoll fuq l-influenza tal-ossiġnu fuq it-tkabbir tal-ħut. 7 studenti mill-La Agronica ta' Palermo qattgħu ġimagħtejn f'korsijiet qsar b'topics differenti li varjaw minn `dissection' fil-ħut għal `harvesting' ta' ħut fil-gaġeġ fil-baħar.
Din is-sena ġew impjegati xi nies ġodda fejn:
Dr. Zarko Peric ħa post Dr. Alain Le Breton minn Jannar.
Dr. Robert Vassallo Agius u Dr. Simeon Deguara ġew impjegati minn April iżda sadanittant kienu telqu wkoll sia s-Sur Malcolm Pace Debono u s-Sur Alex Meilak.
Is-Sur Matthew Camilleri ilu mpjegat mill-1998 u l-kuntratt tiegħu ġie mġedded kull sena.
Peress li ċ-Centru huwa mitfugħ fuq ir-riċerka mhux dejjem huwa possibli li tikkalkula dħul f'termini ta' flus iżda l-attivita' kollha tħalli forma ta' qliegħ kulltant f'esperjenzi għall-istaff tagħna.
Iċ-Centru kellu spejjeż u qliegħ meta kien użat bħala hatchery kummerċjali. Din l-attivita' m'hiex possibli għaliex hatcheries kommerċjali jistgħu jipproduċu fingerlingi bi prezzijiet iktar vantaġġużi minħabba l-kobor tat-tankijiet tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żjara saret mill-istudenti ta' l-iskejjel sekondarji fin-NAC matul l-1999, 2000 u din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hawn taħt għandu jsib sena b'sena n-numru ta' żjarat li saru mill-istudenti kemm primarji u sekondarji.
Fl-1999 saru 33 żjara minn Skejjel Primarji u Sekondarji.
Fl-2000 saru 32 żjara minn Skejjel Primarji u Sekondarji.
Fl-2001 saru 48 żjara minn Skejjel Primarji u Sekondarji.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħlijiet li kellhom isiru fir-razzet tal-bgħal fil-buskett? X'kienu jinvolvu u dawn ix-xogħlijiet li saru fuq dan il-proġett matul l-1999,2000 u 2001? Kemm kienet n-nefqa vvutata għall-kull sena u x'intefaq?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma ġie nvestit xejn fis-snin indikati ħlief li sar rapport fuq l-istat tar-razzett u ma kien hemm ebda nefqa vvutata għall-għan imsemmi. Inżid ngħid li dan ir-razzett huwa wieħed minn tlett irziezet li huma nklużi fil-pjan ta' konservazzjoni tal-Buskett.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħlijiet li kellhom isiru fil-Winery tal-Buskett? X'kienu jinvolvu dawn ix-xogħlijiet li saru matul l-1999, 2000 u 2001? Kemm kienet is-somma vvutata għall-kull sena u x'intefaq?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jindika għal liema xogħlijiet qed jirreferi kif ukoll l-ammont ta' flus li kien ġie vvutat fl-Estimi għas-snin 1997 u 1998, li għalihom kien responsabbli huwa bħala Ministru, biex jitwettqu dawn ix-xogħlijiet. Qiegħed jitfassal pjan ta' azzjoni għall-ġonna tal-Buskett li jinkludi ukoll il-winery.
Jista' l-Ministru jara li mill-iktar fis possibbli ssir xi forma ta' lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel li hemm quddiem il-Palazz tal-President fil-Belt Valletta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għalkemm dan il-Ministeru lest li jagħti il-kontribut tiegħu biex din il-problema tiġi ndirizzata, ninforma lill-Onor. Interpellant li jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid min huma r-rappreżentanti tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-istitut ta' l-agrikoltura ta' l-Universita' fuq il-Kumitat Ngħozzu l-Biedja li jieħu ħsieb fost l-oħrajn il-Hands on Farming.
Response (ZAMMIT, NINU)
Ġie maħtur uffiċjal ġdid sabiex jieħu ħsieb fost xogħol ieħor il-programm Hands on Farming għax l-uffiċjali li kienu inkarigati ħarġu bil-maternity leave. Bi ħsiebni nwaqqaf il-kumitat "Ngħożżu l-Biedja" matul is-sajf.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-varjetajiet il-ġodda ta' ħxejjex u frott li ddaħlu l-Pitkalija Ċentrali f'Ta' Qali matul l-1999, 2000 u 2001?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma għandi xejn xi nżied mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24051.