Legislature:
Category:
Reset
Active:

Hompesch Steel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20396 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-kumpannija Hompesch Steel li tinsab fil-viċinanzi tal-housing estate ta' Bulebel iż-Żgħir ġewwa Ħaż-Żabbar tiġi rilokata għal xi post ieħor? Jekk fl-affermattiv, fejn u meta se jsir dan? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li kien hemm bidla fil-ħsieb u kif se jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'għandhiex informazzjoni fir-rigward li l-kumpanija Hompesch Steel ħa tiġi rilokata, pero’ inħareg permess outline fit-30 ta' Ġunju 2005 bin-numru PA 7031/99, sabiex dan is-sit ikun żviluppat bħala żona industrijali.

Imtarfa — Skola Primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20360, jista' il-Ministru jgħid jekk l-istudju fuq l-iskola primarja ta' l-Imtarfa hux lest jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti mill-istudju li kellu jsir fuq l-Officer's Mess ta' l-Imtarfa, li illum qed jintuża bħala skola primarja, diġa sar. Din il-proprjeta' evantwalment tiġi mressqa quddiem il-Bord tal-MEPA biex tiġi diskussa.

Impjant ta' Sant'Antnin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 19978 u 20392 u jgħid: Kemm kienet l-ispiża totali maħruġa mill-gvern u/jew mill-enti kollha konċernati biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perijodu 2002-2005; Kemm kienet l-ispiża mill-istess gvern u/jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skart jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perijodu; It-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antin matul l-istess perijodu; Il-volum ta' kull xorta ta' skart; Jekk l-iskart ta' Għawdex tul dan l-istess perijodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antin u l-ispiża involuta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant dwar: 1) Kemm kienet l-ispi ż a totali maħruga mill-gvern u/ jew mill-enti kollha konċernati biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perjodu 2002-2005. Kull ammont ta’ skart li nġarr lejn l-Impjant ta’ Sant Antnin bejn l-2002 u l-2005 kien jaqà taħt ir-responsabilta’ tal-Kunsilli Lokali, għaldaqstant il-WasteServ m’għandhiex statistika dwar dan il-ħlasijiet għal dan is-servizz. 2) Kemm kienet l-ispiża mill-istess gvern u/ jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skar t jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perjodu; Sena Tunnellaġġ Rata (kull tunnellata) Spiża totali (Vat inkluża) 2002 5,040.38 Lm 1.60 Lm 8,064.61 2003 8,504.15 Lm 2.10 Lm 17,858.72 2004 13,209.00 Lm 2.15 Lm 28,399.35 2005 13,380.09 Lm 3.14 Lm 42,013.48 3) It-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antin matul l-istess perjodu; Mixed Municipal Waste, Green Waste, Separate Waste, Bulk u Tyres. 4) Il-volum (tunnellagg) ta' kull xorta ta' skart; Sena Mixed Municipal Waste Green Waste Separate Waste Total Waste 2002 14,972.54 21.54 559.14 15,553.22 Sena Mixed Municipal Waste Green Waste Separate Waste Tyres Total Waste 2003 23,410.03 90.77 745.44 188.09 24,434.33 Sena Mixed Municipal Waste Green Waste Separate Waste Bulk Tyres Total Waste 2004 29,153.50 1,535.03 3,202.04 139.69 962.28 34,992.54 2005 30,698.34 3,382.00 4,550.26 1,278.80 841.29 40,750.69 5) Jekk l-iskart ta' Għawdex tul dan l-istess perjodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antin u l-ispiża involuta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi ohra? L-iskart minn Għawdex beda jinġarr lejn Sant Antnin u l-Magħtab meta l-miżbla tal-Qortin giet magħluqa, minn Mejju 2004. L-ispiża minn dak iż-żmien ‘l hawn għal ġarr ta’ l-iskart lejn Sant Antnin biss kienet kif murija hawn taħt: Perjodu Spiża totali (VAT Inkluza) (Lm) Sena 2004 Mejju 11,921.37 Ġunju 15,626.64 Lulju 19,609.58 Awissu 17,570.79 Settembru 14,846.57 Ottubru 13,521.96 Novembru 12,754.43 Diċembru 8,788.09 Sub-total Lm 114,639.43

Biċċerija — Veterinarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' tobba veterinarji li qed jaħdmu fil-biċċerija tal-gvern? Kemm minn dawn huma barranin? Għaliex qed jaħdmu tobba barranin meta hawn Maltin li jixtiequ jaħdmu hemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ veterinarji li bħalissa hemm jaħdmu fit-Taqsima ta’ l-Affarijiet Veterinarji huwa ħdax (11). Ħamsa (5) minn dawn il-veterinarji huma barranin. Dawn il-veterinarji barranin ġew ingaġġati għaliex ma kienx hawn Maltin kwalifikati li setgħu jagħmlu dan ix-xogħol.

Lukanda Galaxy

Question

Jista' il-Ministru jinformana kif il-kuntrattur tas-sit tal-Galaxy qiegħed jaħdem kull nhar ta' Ħadd, fil-festi u wara l-ħin kuljum għad-dannu tal-ħajja tar-residenti? X'sar mill-MEPA fuq dan il-każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ ta' Malta dwar L-Ambjent u l-Ippjannar (MEPA) ma irceviet l-ebda rapport fuq l-imsemmi ilment. Sadanittant, sejrin isiru spezzjonijiet barra il-ħin normali stipulati sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu osservati.

Santa Marija Estate — Pjan Lokali

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ma saritx il-konsultazzjoni pubblika bejn is-sena 2001 u s-sena 2006 dwar il-pjan lokali tal-majjistral, kif dovuta skond il-liġi, meta l-pjan lokali mressaq f'Lulju 2006 biddel il-proposta oriġinali ta' l-abbozz tas-sena 2001 u minn żona ta' transizzjoni bejn Tas-Sellum u Santa Marija Estate biddilha għal żona fejn jista' jinbena blokk ta' bini b'detriment għar-residenti ta' Santa Marija Estate?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-konsultazzjonijiet fuq il-Pjan tal-Majjistral ta' Malta saru skond il-provedimenti ta’ l-Artiklu 27 ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp.

Diesel għal Dgħajsa tas-Sajd

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jingħata s-sussidju dovut għad-diesel lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għad-dgħajsa tas-sajd tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li huwa semma’ ma tirriżultax bħala kaptan jew l-ewwel rappreżentant ta' xi bastiment tas-sajd. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-futur, meta jitlob informazzjoni fuq l-allokazzjoni tal-karburant, jirreferi għan-numru u għall-isem tal-bastiment.

Local Plans — Għoli ta' Bini

Question

B'riferenza għal-local plans li ġew ippubblikati dan l-aħħar, jista' il-Ministru ġentilment jgħid f'liema postijiet se jiġi permess bini aktar għoli u f'liema postijiet se jkun hemm restrizzjonijiet dwar għoli ta' bini?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal din il-mistoqsija tista’ tingħata tweġiba ġenerali għax hemm ħafna dettalji li joħorgu mill-policies u l-mapep. Bħala regola ġenerali, kien hemm xi żieda fil-għoli fl-inħawi fejn hemm konċentrazzjoni ta' attivita’ turistika jew kummerċjali. Kien hemm ukoll reviżżjonijiet fil-għoli fi nħawi sensittivi bħal per eżempju zoni ta' konservazzjoni urbana, jew fil-każ t'Għawdex

Pembroke — Slipway

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema fażi waslet applikazzjoni numru 00754/06 għall-bini ta' slipway f'Pembroke?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni qegħda tistenna xi informazzjoni mitluba mill-applikant.

Pembroke — Triq William Harding

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema fażi waslet applikazzjoni numru PA260/04 għall-bini ta' ġnien ġewwa Triq William Harding, Pembroke?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-perit u l-MEPA peress li hemm il-ħsieb li tinbidel in-natura tal-proġett fid-dawl tà suġġerimenti li saru minn Nature Protection Unit (NPU) u li ma kienux inklużi fil-pjanti oriġinali.

Impjant tar-riċiklaġġ

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-files relattivi għall-kostruzzjoni ta' l-impjant għar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin mill-bidu tiegħu sal-lum, inkluż l-emendi li saru tul iż-żmien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni tifforma parti ta' process ta' Appell tal-Planning li qiegħed isir u għadu pendenti, kontra l-Gvern relatat għall-impjant in kwistjoni,u għaldaqstant l-access għal din l-informazzjoni huwa regolat u tingħata biss f'dik is-sede

Żejtun — Permessi tal-MEPA

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga mal-MEPA jekk permessi li nħarġu għall-bini fi Triq l-Isqof Emanuel Galea ma' Triq il-Qadi fiż-Żejtun, dan l-iżvilupp hux se jkun ta' periklu minħabba t-traffiku li jgħaddi minn hemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni PA 5884/05 giet ipproċessata skond il policies tal MEPA. Id-dħul u l-ħrug tal-basement garage jinstab iżjed minn 4 metri l-bogħod mill-kantuniera ta' Triq l-Isqof Emmanual Galea skond il-provedimenti tal -linji gwida Policy and Design Guidance 2005

MEPA — Personal professional office

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA tistabbilixxix ħin ta' operazzjoni kif ukoll numru massimu ta' klijenti li wieħed jista' jakkomoda f'personal professional office li jkun parti minn residenza f'area purament residenzjali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li il-ħinijiet tal-operat ma jaqawx taħt il-ġurisdizzjoni tal- Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Madanakollu, bħala linji ġwida, uffiċċju f’residenza ma tistax tirrekjedi l-preżenza f’kull ħin fuq is-sit tà aktar minn tlett persuni impenjati fin-negozju (inkluż propjetarji) jew b’konsegwenza tan-negozju.

Wied il-Għajn — Fun park

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18986, jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-fun park li kien issemma f'Marzu 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq il-Family Park ta' Wied il-Għajn inbeda u miexi kif ippjanat. L-artijiet tas-sit inxtraw u l-avviż ta' l-akkwist ta' l-art ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. L-Outline Development Permit ġie sottomess lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit 3 ta' Awissu u ġiet ċċertifikat validu fis-17 ta' Awissu. Fis-17 ta' Awissu wkoll ġie sottomess il-Project Description Statement li jiddeskrivi kif qed jiġi propost il-proġett u iservi ta' bażi biex jinħarġu t-Terms of Reference mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Wied ta' Burmarrad

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 20281, jista' il-Ministru jinformana għaliex id-dipartiment ta' l-agrikoltura mar kontra talbiet tal-bdiewa ta' Burmarrad li ma jridux ir-rotta tal-wied tinbidel minn kif inhi oriġinali? Jista' jinformana meta għamel il-laqgħa mal-bdiewa ta' Burmarrad sabiex jgħarrafhom b'din id-deċiżjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mad- Dipartiment tax-Xogħlijiet deċiżjoni ta' l-aħjar rotta tal-Wilġa ta' Burmarrad ittieħdet prinċiparjament abbażi ta' informazzjoni teknika meħuda minn survey tal-livelli li sar fil-lokal. Barra minn hekk, saru diversi laqgħat bejn id-Direttur ta' l-Agrikultura flimkien ma' uffiċjal ieħor u numru ta' bdiewa tal-lokal fuq bażi individwali fejn instemgħu l-ideat tagħhom u ġiet diskussa l-aħjar soluzzjoni. Sadanitant il-Gvern miexi ‘l quddiem bil-projett fuq numru ta’ fażijiet, u għadu qed iżomm laqghat mal-bdiewa u Kunsill Lokali fuq l-alternattivi possibli. Nittama li l-Onorevoli Membru jifhem lidan il-passaġġ lit tant hemm bżonnu jrid jgħaddi minn fuq art tà xi bdiewa se jilmentaw li għadda minn fuq art tagħom.

Produzzjoni ta' Ħalib Frisk

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20272, jista' il-Ministru jgħid jekk jingħatax sussidju fuq il-ħalib frisk li jipproduċu raħħala Maltin u Għawdxin? Jekk fl-affermattiv, jista' iwieġeb il-mistoqsija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sussidji ta' l-Unjoni Ewropea fuq il-ħalib, jiġifieri d-Dairy Premium u l-Additional Payments, ma jitħallsux fuq bażi ta' produzzjoni, iżda fuq l-Individual Reference Quantities, jiġifieri l-ammont li l-awtorità kompetenti Maltija tintitola lil kull raħħal individwali jipproduci f'sena, bħala parti minn kwantità Nazzjonali li tkun allokat il-Kummissjoni Ewropea lill- pajjiż membru. Għaldaqstant dawn il-pagamenti ma humiex marbutin maċ-ċifri ta' produzzjoni, liema informazzjoni, kif diġà infurmajt lill-Onorevoli Interpellant f'żewġ okkażjonijiet, hija strettament ta' natura kummerċjali u għalhekk mhijiex etika li tingħata f'dan l-istadju

Skart

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20349 u jgħid: a) kemm kienet l-ispiża totali maħruġa mill-gvern u/jew mill-enti kollha konċernati, biex l-iskart kollu jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin matul il-perijodu 2002-2005; b) kemm kienet ukoll l-ispiża mill-istess gvern u/jew enti biex il-fdalijiet (rejects) ta' l-istess skart jinġarr mill-impjant ta' Sant'Antnin lejn bnadi oħra tul l-istess perijodu; c) it-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-impjant ta' Sant'Antnin matul l-istess perijodu; d) il-volum ta kull xorta ta' skart; e) jekk l-iskart t'Għawdex tul dan l-istess perijodu kienx qed jinġarr lejn l-impjant ta' Sant'Antnin u l-ispiża nvoluta, inkluż tar-rejects mill-impjant lejn bnadi oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull spiża dovuta għat-trasport ta’ skart li nġarr lejn l-Impjant ta’ Sant’ Antnin bejn l-2002 u l-2005 kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-ministru kkonċernat. L-ispiża biex il-fdalijiet ( rejects ) ta' l-istess skart jinġarru mill-Impjant ta' Sant' Antnin lejn bnadi oħrajn tul l-istess perjodu hija: Sena Tunnellaġġ Rata (kull tunnellata) Spiża Totali (Vat inkluża) 2002 5,040.38 Lm 1.60 Lm 8,064.61 2003 8,504.15 Lm 2.10 Lm 17,858.72 2004 13,209.00 Lm 2.15 Lm 28,399.35 2005 13,380.09 Lm 3.14 Lm 42,013.48 It-tip ta' skart li nġarr lejn u mill-Impjant ta' Sant' Antnin matul l-istess perjodu jinkludi mixed municipal waste, green waste, separated waste, bulky waste u tyres . Il-volum (tunnellaġġ) ta' dawn it-tipi differenti ta' skart li ġew trattati f’Sant’ Antnin jinkludi: Sena Mixed Municipal Waste Green Waste Separated Waste Bulky Waste Tyres Total Waste 2002 14,972.54 21.54 559.14 n/a n/a 15,553.22 2003 23,410.03 90.77 745.44 n/a 188.09 24,434.33 2004 29,153.50 1,535.03 3,202.04 139.69 962.28 34,992.54 2005 30,698.34 3,382.00 4,550.26 1,278.80 841.29 40,750.69 L-iskart minn Għawdex beda jinġarr lejn Sant’ Antnin u l-Magħtab meta l-miżbla tal-Qortin ġiet magħluqa f’Mejju 2004. L-ispiża minn dak iż-żmien ‘l hawn għall-ġarr ta’ l-iskart lejn Sant’ Antnin biss kienet kif tidher hawn taħt: Perjodu Spiża totali (VAT Inkluża) (Lm) Sena 2004 Mejju 11,921.37 Ġunju 15,626.64 Lulju 19,609.58 Awissu 17,570.79 Settembru 14,846.57 Ottubru 13,521.96 Novembru 12,754.43 Diċembru 8,788.09 Sub-total Lm 114,639.43 Sena 2005 Jannar11,521.80 Frar6,288.52 Marzu8,427.22 April8,454.22 Mejju8,571.95 Ġunju8,970.51 Lulju11,946.64 Awissu12,883.87 Settembru9,329.02 Ottubru6,811.59 Novembru5,711.08 Diċembru3,649.12 Sub-total Lm 102,565.54 TotalLm 217,204.97 L-ispiża nvoluta dwar ir- rejects mill-Impjant lejn bnadi oħrajn hija inkluża ma’ l-informazzjoni li ngħatat fir-risposta aktar qabel f’din l-istess tweġiba peress li l-iskart ta’ Malta u Għawdex jiġi pproċessat flimkien.

Żejtun — Triq Ġiużeppina Curmi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk xogħol li qed isir f'post privat u li jidher mit-triq fi Triq Ġiużeppina Curmi, Żejtun - site plan qed tintbagħat separatament - hux kopert b'permess jew le? Jekk fl-affermattiv, tista' l-awtorita' tara li ma jkunx hemm inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret spezzjoni fuq is-sit indikat u ma rriżultax li sar jew kien qiegħed isir xi xogħol. Fuq il-post hemm applikazzjoni PA 702/06 għal estensjoni, li ġiet approvata però il-permess għadu ma nħariġx

Bdiewa — Għajnuna finanzjarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20285, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' bdiewa li matul l-2005/2006 ġew rifjutati milli jieħdu għajnuna finanzjarja abbażi tat-talbiet li għamlu fuq il-ħitan tas-sejjieħ? Kemm kienu Maltin u kemm kienu Għawdxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pagamenti fuq talbiet għall-għajnuna dwar ħitan tas-sejjieħ għadhom qed jiġu pproċessati u għalhekk għadu kmieni biex wieħed iwieġeb din id-domanda.

Isla — Siġar taċ-Ċipress

Question

Jista' il-Ministru jara li żewġ siġar taċ-ċipress li qegħdin fuq il-bankina quddiem il-binja Dockyard Terrace l-Isla jitneħħew u jitpoġġew x'imkien ieħor, u dan biex jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti ta' din l-area?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma waslet l-ebda talba lill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) minn l-ebda entitá dwar it-tneħħija ta’ dawn is-siġar. Biss niġbed ukoll l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li s-siġar taċ-ċipress ma jistgħux jiġu trasferiti għax meta taqlagħhom imutu