Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #35740 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Brussels — Ambaxxata Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiswa lit-taxpayer Malti r-renovazzjoni li qed issir fl-ambaxxata Maltija ġewwa Brussels?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta' renovazzjoni li hu meħtieġ li jsir jirrigwarda l-bini li kien iservi ta' Ambaxxata fil-passat u mhux l-Ambaxxata preżenti. Tajjeb ngħid li dan il-bini li trid issir innovazzjoni tiegħu hu propjeta tal-Gvern. Bħalissa qed jiġi ppreparat tender document biex issir r-renovazzjoni meħtieġa fil-bini, u għalhekk huwa prematur li tingħata stima preċiża għax-xogħol li jeħtieġ isir.
Leg 9 PQ #36059 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

EU Commission

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li qabel jitressqu abbozzi ta' liġijiet ġodda u legal notices qabel ma' dawn jiġu ppublikati u approvati mill-ministri kkonċernati l-ewwel jiġu vetted u approvati mill-EU commission diment li jkunu jagħmlu parti minn national plan for the adoption of the acquis?

Response (BORG, JOE)

Il-liġijiet Maltin jitfasslu, l-ewwelnett, ġewwa l-Ministeri rispettivi, u għalhekk il-Ministru jkun mgħarraf sew b'dak li jkun qiegħed jitħejja fuq livell legali fil-Ministeru tiegħu. Meta jitlestew, l-abbozzi tal-liġijiet jiġu mgħoddija kemm lill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika, kif ukoll lid-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru tiegħi. Id-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea jagħmel eżerċizzju ta' tqabbil bejn il-provvedimenti ta' l-acquis communautaire u dawk proposti fil-liġi lokali. Ġieli jkun hemm każi fejn jinħass il-bżonn ta' aktar konsultazzjoni teknika, u huma f'dawn il-każi, li ma humiex ta' natura regolari, illi l-Kummissjoni tiġi ikkonsultata. Irrid nenfasiżża illi d-deċiżjoni jekk liġi partikolari tiġix riferuta jew le lill-Kummissjoni hija dejjem f'idejn il-Gvern Malti. Fl-ebda każ ma tista' l-Kummissjoni tapprova hi abbozzi ta' liġijiet li jistgħu jintbagħtu għandha għal konsultazzjonijiet, kif għadni kif indikajt.
Leg 9 PQ #36115 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Karozzi tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu karrozzi b'kollox? Kemm minnhom huma petrol u kemm diesel? Minn fejn jingħataw il-fuel? Il-karozzi jittieħdu magħhom id-dar, jew jitħallew il-ministeru?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala Ministru għandi żewġ karozzi uffiċċjali. It-tnejn jaħdmu bil-'petrol' li jingħata minn pompi tal-'petrol' privati u li ma jitħallewx il-Ministeru.
Leg 9 PQ #35583 Sitting 796 2002-10-09 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ġnus Magħquda

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi kuntatti bejn il-Gvern Malti u dak ta' l-Istati Uniti dwar il-problema ta' l-Iraq? Jista' jgħid jekk il-Gvern Malti għamilx xi forma ta' pressjoni fuq l-Istati Uniti biex qabel ma tieħu xi azzjoni militari din tagħmlu taħt l-awspiċi tal-Ġnus Magħquda?

Response (BORG, JOE)

Meta indirizzajt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-15 ta' Settembru li għadda, kont sħaqt f'isem il-Gvern Malti, l-Gvern Iraqin għandu jonora l-obbligi tiegħu kollha taħt ir-riżoluzzjonijiet relattivi tal-Kunsill tas-Sigurta'. Sostnejt ukoll l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li: "The International community should spare no effort in exploring all political and diplomatic options that would or could assist in resolving the issue. Malta is in agreement with the Secretary General that if Iraq fails to meet its obligations, the Security Council, as an organ primarily entrusted with the responsibility for the maintenance of international peace and security, must shoulder and face its responsibilities. The Security Council has to ensure compliance with its own resolutions in the interest of the international rule of law." Irrid ngħid illi dan il-messaġġ tal-Gvern Malti twassal għand dawk il-pajjiżi, inkluż l-Istati Uniti, li staqsew dwar x'pożizzjoni qed tieħu Malta f'din iċ-ċirkostanza.
Leg 9 PQ #35408 Sitting 795 2002-10-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-mobile phone tal-Ministeru u tas-segretarjat privat bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena?

Response (BORG, JOE)

L-ispiża globali tal-mobile phones tal-Ministeru, inklużi ta' l-Ambaxxati kollha li qegħdin barra minn Malta, bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena tammonta għas-somma ta' LM17,660.87.
Leg 9 PQ #35591 Sitting 793 2002-09-30 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Vapuri tal-Gwerra

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema mod il-gvern qed jaċċetta vapuri tal-gwerra fil-port ta' Malta?

Response (BORG, JOE)

La l-Kostituzzjoni Maltija, u lanqas il-liġijiet tagħna, ma jipprekludu vapuri navali barranin milli jwettqu żjarat ta' kortesija f'pajjiżna. Naturalment, dawn iż-żjarat huma regolati minn proċedura amministrattiva stabbilita. Fit-23 ta' Ġunju 1988, din il-Kamra kienet approvat riżoluzzjoni fejn ġie riaffermat illi ebda armamenti nukleari m'għandhom jithallew fuq territorju malti. Madwar din ir-riżoluzzjoni kienu sussegwentement tfasslu kundizzjonijiet ġenerali li jiġu applikati kull meta xi gvern barrani jitlob il-permess sabiex vapuri navali tiegħu jidħlu Malta fuq żjara uffiċċjali. Ma naf bl-ebda każ fejn gvern ta' xi pajjiż ieħor, inkella xi ekwipaġġ barrani, naqas li jirrispetta l-kundizjonijiet li jingħatawlu meta jżuruna l-vapuri tçgħu.
Leg 9 PQ #35428 Sitting 789 2002-09-24 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Vapuri

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm talbiet minn pajjiżi barranin biex vapuri militari jidħlu fil-portijiet Maltin sa l-aħħar ta’ din is-sena? Liema vapuri huma? Ta’ liema tip? Ta’ liema nazzjonalita’ huma? Dawn it-talbiet kollha ġew aċċettati? Dawn il-pajjiżi kollha taw il-garanzija li l-vapuri militari tagħhom li se jżuru Malta huma kollha ħielsa minn armi nukleari?

Response (BORG, JOE)

Qed nelenka, fuq it-tabella kif indikata hawn taħt, l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru fl-ewwel parti tal-Mistoqsija tiegħu. Rigward il-garanzija li staqsa dwarha l-Onorevoli Interpellant, infakkar li kull vapur tal-gwerra li jidħol fil-portijiet Maltin irid jitlob il-permess meħtieġ mingħand il-Ministeru tiegħi qabel ma jidħol. Malli joħroġ dan il-permess, tinġibed l-attenzjoni ta' l-Ambaxxata tal-pajjiż li jkun, illi l-permess qed jingħata suġġett għal numru ta' kundizzjonijiet, fosthom illi l-vapur ma jistax iġorr armi nukleari fl-ibħra Maltin. Lista ta' vapuri navali li s'issa talbu u ingħataw permess biex iżuru Malta bejn it-23 ta' Settembru u l-aħħar ta' din is-sena: 1. Sapri Italy Mine-Sweeper 2. La Motte-Picquet France Frigate 3. Courbet France Frigate 4. HMS Ark Royal UK Aircraft carrier 5. Southampton UK Destroyer 6. RFA Sir Galahad UK Auxiliary 7. U 17, S 196 Germany Submarine 8. Westdiep Belgium Survey Vessel 9. HMS Argyll UK Frigate 10. HMS Roebuck UK Survey Vessel
Leg 9 PQ #35305 Sitting 788 2002-09-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE — Abort

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'informazzjoni ħareġ fuq il-fuljett Aġġornat, u liema numru kien, wara li din is-sena l-UE tkellmet fuq l-abbort, u jekk ingħatax informazzjoni fuq l-istess fuljett bir-risposta tal-Prim Ministru Malti?

Response (BORG, JOE)

Il-fuljett Aġġornat maħruġ miċ-Ċentru ta' Informazzjoni Malta-EU kellu tliet rapporti dwar ir-riżoluzzjoni li l-Parlament Ewropew approva dwar l-abort. It-tliet rapporti dehru kif ġej: - Ħarġa Nru 131, 6 ta' Lulju, 2002, paġna 2: Kumitat tal-Parlament Ewropew jadotta rapport dwar l-abort - Ħarġa Nru 132, 13 ta' Lulju, 2002, paġna 1: Reazzjoni iebsa mill-Isqfijiet ta' l-Unjoni Ewropea kontra rapport dwar l-abort - Ħarġa Nru 134, 27 ta' Lulju 2002, paġna 1: Il-Gvern Malti jikteb lill-Parlament Ewropew Kopji ta' dawn il-ħarġiet kollha ntbagħtu lil kull membru parlamentari, kemm bl-email kif ukoll bil-posta fir-residenza privata tagħhom. Oltre dak li deher fil-ħarġiet tal-fuljett Aġġornat fuq imsemmija, ma saritx referenza għal xi risposta li seta', skond l-Onorevoli Interpellanta, għamel il-Prim Ministru dwar is-suġġett.
Leg 9 PQ #35000 Sitting 786 2002-09-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'benefiċċji, kumpens finanzjarju, kundizzjonijiet, mobile phones, karozzi eċċ għandhom il-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ?

Response (BORG, JOE)

Bord Kumpens / Benefiċ ċ ji MEUSAC Sitt membri jitħallsu honoraria ta' LM2,000 fis-sena kull wieħed Bord Konsultattiv tal-MIC Membru wieħed jitħallas honorarium ta' LM2,000 fis-sena N ational Authority for the Implementation of the Chemical Weapons Convention - Chairma n jitħallas LM250 fis-sena - Uffiċċjal xjentifiku jitħallas LM500 fis-sena
Leg 9 PQ #35206 Sitting 785 2002-09-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Gvern Malti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti vis a vis l-Iraq fid-dawl ta' l-iżviluppi ta' dan l-aħħar?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern Malti qed isegwi mill-qrib u b'attenzjoni s-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa dwar l-Iraq u l-pożizzjoni li qed jieħdu ċerti pajjiżi fil-konfront ta' din is-sitwazzjoni. Il-Gvern Malti itenni li l-aħjar meżżi ta' soluzzjoni huma dawk paċifiċi, diplomatiċi u ta' djalogu u jsostni l-pożizzjoni tal-Ġnus Magħquda li l-Iraq għandu jirrispetta r-rieda tal-komunita' internazzjonali li l-ispetturi tal-Ġnus Magħquda għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurta' tal-Ġnus Magħquda.

UE — Working Groups

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ir-rappreżentanti Maltin fil-konvenzjoni dwar il-futur tal-UE, kemm qed jipparteċipaw f'kull sessjoni, huma u r-riżervi tagħhom, każ b'każ, sessjoni, sessjoni? Hemmx working groups u liema mir-rappreżentanti Maltin qed jipparteċipaw fihom, grupp, grupp?

Response (BORG, JOE)

Ir-rappreżentanti Maltin fil-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea huma kif ġej hawn taħt: L-Onorevoli Dr Michael Frendo u r-riżerva hija l-Onorevoli Dolores Cristina; L-Onorevoli Dr Alfred Sant u r-riżerva huwa l-Onorevoli Dr George Vella; Ir-rappreżentant tal-Gvern huwa r-Reverendu Prof Peter Serracino Inglott u r-riżerva huwa s-Sur John Inguanez Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista fejn turi l-attendenzi sa issa fis-Sessjonijiet Plenarji. L-Onorevoli Dr Michael Fendo jattendi Working Group dwar Complementary Competencies filwaqt li l-Onorevoli Dolores Cristina kif ukoll is-Sur John Inguanez jattendu Working Group dwar The Role of National Parliaments. Ir-Reverendu Prof Peter Serracino Inglott qed jalterna mas-Sur John Inguanez fil-Working Group dwar is-Sussidjarita.

UE — Taxxa Doppja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'każ li Malta issir membru ta' l-UE, il-ftehim bilaterali li jeżisti ma diversi pajjiżi mhux membri ta' l-UE, dwar ħelsien mit-taxxa doppja jibqax jgħodd

Response (BORG, JOE)

Peress li t-tassazjoni diretta m'hiex primarjament kompetenza tal-Unjoni Ewropea, iżda hija għal kollox kompetenza tal-Istati Membri, it-trattati bialterlai dwar ħelsien mit-taxxa doppja li Stati Membri ġodda ta' l-Unjoni Ewropea jkunu għamlu ma' pajjiżi terzi jibqgħu validi. Għalhekk dawk it-trattati dwar ħelsien minn taxxa doppja li Malta llum għandha ma' pajjiżi terzi jibqgħu validi anke wara li Malta ssir Membru ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ma jinbidilx anki jekk u meta l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-Code of Conduct on Business Taxation jkollu rbit legali. Ta' min jgħid ukoll li l-Unjoni Ewropea tinkoraġġi koperazzjoni f'materja ta' tassazzjoni.
Leg 9 PQ #34631 Sitting 774 2002-07-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

MIC — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li l-programm televisiv Viva Malta qed jittelgħa fuq PBS b'nefqa ta' madwar Lm1000 fil-ġimgħa liema ħlas isir mill-MIC, liema kuntratt ingħata mingħajr ma ġew mitluba quotations minn għal anqas tlett kumpaniji stabbiliti ħafna biex jipproduċu dan il-programm? Jekk le, kemm qed jiġi jiswa kull programm f'din is-sensiela lill-MIC?

Response (BORG, JOE)

Il-Malta Information Centre ikkummissjona permezz ta' direct order bl-awtoriżżazzjonijiet meħtieġa lid-ditta Where's Everybody? sabiex tipproduċi s-serje korrenti tal-programm 'Viva Malta', li huwa msejjes fuq l-edizzjonijiet preċedenti tal-programm li l-istess ditta kienet oriġinarjament tellgħet. Din is-serje korrenti ta' 'Viva Malta' tikkonsisti fi tletin xandira ta' tliet minuti l-waħda. Tħallset is-somma komplessiva ta' LM3,750, li magħha tiżdiet il-VAT, għall produzzjoni tax-xandiriet kollha.
Leg 9 PQ #34031 Sitting 771 2002-07-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-ministeru għax-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu April u Mejju ta' din is-sena?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #34612 Sitting 771 2002-07-09 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Safar — Ambaxxaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba sar safar mill-ambaxxaturi mhux residenti Maltin, bejn Settembru 1998 u Ġunju 2002? Liema pajjiżi żaru? Kemm kienet l-ispiża totali? Dawn l-ambaxxaturi jagħtu rendikont uffiċjali taż-żjarat li jagħmlu, u jekk iva, lil min?

Response (BORG, JOE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, dawn l-ambaxxaturi jaqgħu taħt ir-regolamenti tal-Gvern u għalhekk jagħtu rendikont finanzjarju uffiċċjali wara kull żjara li jagħmlu. Dan ir-rendikont jingħata lis-Segretarju Permanenti u wara jiġi mgħoddi lill-Awditur Ġenerali skond ir-regolamenti finanzjarji.
Leg 9 PQ #34613 Sitting 771 2002-07-09 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Telephones — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil-Kama kemm swiet il-bidla sħiħa tas-sistema tat-telephones li saret lill-Ministeru? Minn fejn inxtrat is-sistema, kemm qamet, u kienx hemm aġenti involuti? Kemm hija l-ispiża rikorrenti ta' din is-sistema? X'inhuma l-vantaġġi ta' din is-sistema ġdida, fuq dik il-qadima?

Response (BORG, JOE)

Sa issa, l-bidla tas-sistema tat-telephones fil-Ministeru tiegħi swiet is-somma ta' LM2243.42, liema somma tkopri x-xiri ta' 28 apparat tat-telefon ġdid. Barra minn hekk, tħallas l-ammont ta' LM879.75 li jkopri l-kera tas-sistema għax-xhur ta' Mejju sa Lulju 2002. Is-sistema ma nxtratx, imma nkriet mingħand l-Allcom Limited, li hija sussidjarja tal-Maltacom plc, għal sittin xahar, bl-għażla ta' xiri wara dan il-perijodu. Ebda aġent ma kien involut fl-innegozjar tat-transazzjoni. L-ispiża rikorrenti għall-kiri tas-sistema hija ta' LM293.25 fix-xahar. Qabel ma qaleb għal din is-sistema (li jgħidulha ISDN), il-Ministeru għamel cost and savings analysis, u minnu rriżulta li b'din is-sistema l-ġdida, il-Ministeru huwa mistenni illi jiffranka l-flus, speċjalment fejn tidħol il-kera ta' linji diretti installati, li għalihom titħallas is-somma ta' LM52 fis-sena għal kull linja. Ta' min inżid illi l-PABX kienet qdiemet meta komparata mat-teknoloġija tal-lum, u għalhekk kellha tinbidel xorta waħda. Minbarra l-vantaġġ finanzjarju, wieħed jista' jsemmi li bis-sistema ISDN, l-uffiċċjali jistgħu jintlaħqu direttament aktar malajr, peress illi s-sistema taħdem permezz ta' pooling ta' linji diretti, minnflok linja iddedikata għal persuna waħda jew grupp żgħir ta' uffiċċjali. Naturalment, dan ifisser ukoll illi l-uffiċċjali jiksbu s-servizz ta' linja diretta b'faċilita' akbar għaliex m'għandhomx għalfejn joqgħodu jistennew sakemm il-linja tat-telefon diretta tkun libera. Faċilita' oħra tas-sistema, meta paragunata ma' dik qadima, hija l-ħeffa u l-kwantita' ta' data li tista' tiġi trasferita, faċilita' illi s-sistema konvenzjonali ta' telefonija li kellna qabel ma kellhiex.
Leg 9 PQ #34614 Sitting 771 2002-07-09 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Servizzi — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif jitqassam l-ispiża tal-vot allokat għas-servizzi fi ħdan il-Ministeru ta' l-affarijiet barranin? Jista' jinforma l-Kamra jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat, xhur jew fl-aħħar tlett snin, sarux xi abbużi minn dan il-vot, fis-sens li saru ħlasijiet li suppost jidhur taħt voti rikorrenti oħrajn? F'kull każ jistgħax jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikonti tal-vot?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant dwar kif titqassam l-ispiża tal-vot allokat għas-servizzi fi ħdan il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin hija dik li tidher ippubblikata fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern ta' kull sena. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hija prassi aċċettabbli li jiġu spustjati flejjes minn line item tal-Vot għall-ieħor, basta dan isir f'ċirkostanzi u skond proċeduri stabiliti u bil-permessi meħtieġa fejn neċessarju. Meta dan l-ispustjar iseħħ mingħajr il-permessi meħtieġa, tinħoloq irregolarita'. F'każijiet bħal dawn, normalment ikun l-istess Awditur Ġenerali li jirrimarka fuq din l-inċidenza. Jiena nfurmat illi ma kienx hemm rimarki ta' dan it-tip mingħand l-Awditur Ġenerali f'dawn l-aħħar tliet snin.
Leg 9 PQ #34616 Sitting 771 2002-07-09 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet politiċi, soċjali, trade unions, etc, li qegħdin jirċievu xi forma ta' għajnuna finanzjarja (dwar studji jew għal xi raġuni oħra) dwar l-UE? Kemm kienu jammontaw sena b'sena f'dawn l-aħħar tlett snin?

Response (BORG, JOE)

Il-fondi allokati mill-Gvern bħala għajnuna finanzjarja għall-iskop ta' familjariżżazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea lill-organiżżazzjonijiet rappreżentattivi għas-snin 2000, 2001 u 2002 huma kif indikati fil-listi annessi. Il-listi jinkludu wkoll il-flus li attwalment tħallsu lill-organiżżazzjonijiet imsemmija sad-9 ta' Lulju 2002. Dawn il-flus huma allokati taħt fond apposta fil-vot tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Reserved Parking

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li jonqsu l-postijiet riżervati għall-parkeġġ ta' ħaddiema fid-dipartiment tal-foreign affairs minħabba diffikultajiet li jsibu residenti fil-viċin?

Response (BORG, JOE)

Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jiddisponi b'kollox minn seba' postijiet li huma riżervati għall-parkeġġ ta' karrozzi uffiċċjali tal-Ministeru fi Triq Merkanti. Dawn is-seba' karrozzi ma jikkostitwux il-flotta kollha tal-vetturi uffiċċjali tal-Ministeru. Ta' min isemmi wkoll li dawn il-postijiet huma riżervati biss għal waqt il-ħinijiet ta' l-uffiċċju. F'dawn iċ-ċirkustanzi s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Membru mhux fattibbli.
Leg 9 PQ #34389 Sitting 765 2002-07-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE — Ilsien Malti

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34067 jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti li juru l-pożizzjoni tal-Gvern Malti għat-talbiet li għamel dwar l-ilsien Malti fin-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, JOE)

Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant għat-tieni paragrafu tar-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34067 fejn għidt li l-pożizzjoni li ħadet l-Unjoni Ewropea kienet tirrifletti l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-lingwa u allura n-negozjati setgħu jingħalqu bl-aċċettazzjoni da parti tal-Unjoni Ewropea fil-pożizzjoni komuni tagħha li 'from accession, Maltese will be recognised as an authentic language of the Treaties as well as an official and a working language to be used by the European Institutions'. Ta' min wieħed ifakkar li xhur qabel ma ngħalqu n-negozjati il-Gvern Malti ħaseb biex jibda jittrraduċi kemm t-Trattati kif ukoll l-acquis communautaire għal-lingwa Maltija.