Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna persuni b'diżabilita' f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom huma nisa u rġiel? Kemm minnhom għandhom diżabilita' mentali, fiżika, eċċ? Jista' jagħti wkoll l-eta' tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Skond l-istatistika miġbura fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' joħorġu dawn il-fatti:
1.1 Numru globali ta' persuni b'diżabilita' f' Malta w Għawdex
rreġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita':
6195.
1.2 590 minn dawn huma mmarkati 'inactive' fil-kompjuters tagħna,
minħabba li hemm min:
. waqqa' l-applikazzjoni tiegħu/tagħha
. bidel l-indirizz u ma nfurmaniex
. m'għadux joqgħod Malta
. miet
2. In-numru ta' nisa u rġiel irreġistrati huma:
Nisa 2426 43.3%
Irġiel 3175 56.6%
3. Statistika skond il-kategoriji maġġuri ta' diżabilita':
Mentali 674
Fiżika 1446
Psikoloġika 521
Nuqqas ta' vista 414
Nuqqas ta' smigħ 379
4. Statistika skond l-eta':
ETA TOTAL
0- 4 106
5- 9 186
10-14 234
15-19 265
20-24 296
25-29 245
30-34 221
35-39 363
40-44 362
45-49 375
50-54 382
55-59 281
60-64 309
65-69 385
70-74 447
75+ 1148
Ma speċifikawx 96
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni b'diżabilita' taħt is-60 sena għal dawn is-servizzi u kemm minnhom ingħatalhom sena b'sena mindu l-persuni b'diżabilita' saru ntitolati għalihom: (i) Home help; (ii) telecare; (iii) servizz dwar inkontinenza; (iv) servizz ta' handyman; u (v) meals on wheels?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni li tista' tinġabar tingħata f'xi Seduta oħra.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu ilmenti quddiem id-diversi qrati ta' arbitraġġ industrijali matul l-1997 u l-1998?
Kemm hemm min dawn il-każi għadhom pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul is-snin 1997 u 1998 it-Tribunal Industrijali irċeva 205 każijiet li minnhom baqa' biss 92 li għadhom ma ġewx deċiżi.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħol mibdi fl-aħħar xhur fil-Qasam tal-Bini ta' Ħal Dmikki ġewwa Ħal Għaxaq jiġi fit-tmiem tiegħu u jitneħħa l-periklu maħluq minn ħofra kbira li ġiet imħaffra u mħollija miftuħa mingħajr ilqugħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol fuq l-iżvilupp ta' ġnien pubbliku fil-Housing Estates ta' Ħal-Dmikki Ħal-Għaxaq jinsab wieqaf għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett fejn tħaffret il-ħofra msemmija biex isir ġibjun, dieħel kwantita' ta' ilma aktarx ġej min xi 'main' ta' l-ilma. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma qed tinvestiga minn fejn ġej dan l-ilma. Problema oħra li qed iżżomm ix-xogħol hija l-pożizzjoni ta' arblu tad-dawl li jrid jitneħħa mill-Enemalta. Jien infurmat li l-Enemalta ser tagħmel dan ix-xogħol fil-jiem li ġejjin. Jidher ukoll li l-ilqugħ tal-ġebel li tħalla bħala protezzjoni ma' din il-ħofra ġie mitfugħ għal isfel minn vandali. Nittama li dawn il-problemi jissolvew fil-ġimgħat li ġejjin.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk l-għaqdiet ta' persuni nieqsa mid-dawl li fil-preżent għandhom talbiet pendenti quddiem l-awtoritajiet konċernati sabiex jiżviluppa ċerta inizjattivi maħsuba biex jintegraw lil dawk il-persuni fl-ambjent modern tal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali fil-preżent m'għandux talbiet pendenti quddiemu li ġejjin minn għaqdiet ta' persuni nieqsa mid-dawl. Madankollu tajjeb li wieħed jinnota li din is-sena il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Persuni b'Diżabilita' allokat Lm8,000 għall-proġett tal-Fondazzjoni 'Guide Dogs and Services for the Blind'.
L-Awtorita' tad-Djar irċeviet talba minn 'Torball Blind Association' biex bini fl-Imtarfa jiġi konvertit għall-użu għall-għomja.
Peress li l-bini ma hux ta' l-Awtorita' tad-Djar, l-Awtorita' talbet lill-Kummissarju ta' l-Artijiet biex dan il-bini jiġi trasferit lilha għal dan l-iskop. Sallum dan il-bini għadu ma ġiex trasferit.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk li ġew impjegati fis-Support Unit għall-koperattivi bejn l-1992 u l-1996? Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-impjiegi kienx hemm sejħa pubblika u fil-każ li, iva meta u kif saret din is-sejħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, u għalhekk, Twegiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, dwar sussidju fuq il-kera li preżentement qegħda tħallas Lm60 fix-xahar, jiġi pproċessat kemm jista' jkun malajr?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan il-każ diġa ġie proċessat u l-applikant dalwaqt jirċievi ċ-'cheque' tas-sussidju fuq il-kera mid-Dipartiment tat-Teżor.
23.11.98
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha biss pensjoni ta' Lm139.36c, huwa ġustifikat bħala rata ta' pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna ndikata kien ġia ġie rivedut wara talba oħra f'dan is-sens f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 6180/97 li risposta tagħha ngħatat fis-seduta 76 tad-9 ta' Ġunju 1997. Infatti l-persuna ndikata kienet infurmata bir-riżultat ta' l-investigazzjoni permezz ta' ittra mid-dipartiment li ġġib id-data ta' l-4 ta' Ġunju, 1997.
Minkejja dan, jiena rġajt tlabt lid-Dipartiment sabiex jikkonferma jekk il-persuna kkonċernata hijiex tirċievi dak kollu possibbli taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Il-persuna għandha tiġi nfurmata direttament dwar dan kollu.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta l-familja bl-applikazzjoni numru H 13309 se tingħata akkomodazzjoni soċjali mid-Dipartiment tal-Housing, peress li ninsab informat li din il-familja bħalissa tinsab fi stat homeless?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna istituti care orders f'Malta? Fejn u liema huma? Kull care order kemm għandu tfal fih u x'inhuma l-etajiet tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
'Istituti Care Orders' ma jezistux, imma jekk qed nifhem l-Onor. Interpellant sewwa, Djar tat-tfal b'minuri taħt Ordni ta' Ħarsien f'Malta hawn.
Dwar it-tieni parti tad-domanda, minn informazzjoni miġbura mir-'records' taċ-'Children and Young Persons Advisory Board' u mid-Dipartiment tal-'Family and Social Welfare', preżentament hemm 68 każ ta' tfal u żgħażagħ li jinsabu taħt Ordni ta' Ħarsien. Il-maġġoranza ta' dawn it-tfal jgħixu fid-Djar msemmija. Dawn id-Djar jospitaw tfal u żgħażagħ li ġew impoġġija taħt Ordni ta' Ħarsien kif ukoll tfal li ġew mdaħħla volontarjament mill-ġenituri tagħhom.
L-etajiet ta' tfal u żgħażagħ li jinsabu taħt Ordni ta' Ħarsien huma kif ġejjin:
Sena 5
Sentejn 3
Tliet Snin 2
Erba snin 3
Ħames snin 4
Sitt snin 2
Seba snin 6
Tmien snin 9
Disa snin 6
Għaxar snin 2
Ħdax-il sena 1
Tnax-il sena 5
Tlettax-il sena 5
Erbatax-il sena 3
Ħmistax-il sena 6
Sittax-il sena 6
Sbatax-il sena 1
Hemm ukoll 15-il dar residenzjali u kollha jirċievu tfal u zagħażagħ li jinsabu taħt Ordni ta' Ħarsien.
Dawn huma:
Angela House, G'Manġia; St Rita Home, Tarxien; Ursuline Creche, Sliema; Ursuline Home, Valletta; Jesus of Nazareth, Zejtun; St Therese Home, Żejtun; St Joseph Home, Żabbar; St Joseph Home, Żejtun; Dar Sagra Familja, Żabbar; Fra Diego, Ħamrun; St Joseph Home, St Venera; St Patrick's School, Sliema; Jean Antide, St Venera; Programm Fejda, St Venera; Lourdes Home, Għawdex.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb mid-dipartiment konċernat li jikri jew ibiegħ tlett garaxxijiet magħluqin li hemm fi Triq il-Konti J. Ciantar, Binja Vista Birkirkara?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-garaxxijiet nri. 1, 2 u 4 Binja Vista B'Kara, l-Awtorita' tad-Djar għaddejja bil-proċeduri legali kontra min qed jokkuphom għat-teħid lura tagħhom flimkien mal-pussess vakant.
23.11.98
B'riferenza għal P.L. mal-mistoqsija parlamentari numru 1084 tal-11.11.98, jista' l-Ministru jgħid:
Mill-każijiet ta' mard u kawża ta' diżabilita', liema huma dawk li huma ntitolati għal mediċini fuq Schedule V?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuna li tkun ċertifikata li tbati minn xi marda jew kundizzjoni kif speċifikat fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra) tkun intitolata għall-Għajnuna Medika bla Ħlas.
23.11.98
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni separati li qed jirċievu l-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-kriterju għad-dritt ta' l-Għajnuna Soċjali hu marbut mal-mezzi, u n-numru ta' persuni fil-familja. L-istat ċivili ta' min jagħmel it-talba ma għandu ebda riflessjoni fl-eliġibilta' għal din l-Għajnuna. Jidher li sallum ma nħassitx il-ħtieġa li tinżamm statistika separata li turi jekk dawk li japplikaw għall-Għajnuna Soċjali humiex persuni separati.
18.11.98
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni romol li għad għandhom ulied taħt is-16-il sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' romol li jirċievu Pensjoni għar-Romol taħt l-iskema kontributorja, u li għad għandhom tfal taħt is-sittax il-sena huwa ta' 598.
18.ll.98
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni li gawdew mill-iskema tal-Pensjoni tas-Servizzi kif mogħtija mill-Gvern Laburista? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa u kemm għad hemm persuni li għadhom ma gawdewx minn din l-iskema? Jista' jgħid ukoll meta se jitħallsu dawn il-każi li għad hemm pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward Mistoqsija Parlamentari Nru. 1096 l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
18.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull kategorija ta' pensjoni mħallsa mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sena b'sena, mill-1994 sa llum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
18.11.98
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm kienu dawk il-persuni b'diżabilita' li gawdew mis-servizz tal-home help matul l-1996, 1997 u sa Settembru ta' l-1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru qed tinġabar u għalhekk Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
18.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998?
Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati?
X'karigi ngħataw fil-ministeru?
X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati?
Min minnhom kien jaħdem mal-Gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem?
X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn?
X'kondizzjonijiet ingħataw?
Jista' l-Ministru jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit Nazzjonalista?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 291.
17.11.98