Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14623 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilek u ċioe': kemm kien in-numru ta' passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Kemm kien in-numru ta'passiġġieri li qasmu fl-istess perjodu għas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija numru 14584.
Tista' l-Ministru tgħid: (a) kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu l-iSkola Sport ġewwa Għawdex; (b) kemm hu n-numru ta' instructors/għalliema li qed jaħdmu fl-iskola msemmija; (ċ) kemm intnefqu flus s'issa biex twaqqfet din l-iskola; (d) kemm intnefqu flus fi ħlas ta' instructors; (d) kemm ħallsu flus l-istudenti li qed jattendu din l-iskola; u (e) hemmx kontijiet pendenti (li għad iridu jitħallsu) f'din l-iskola?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' studenti li qegħdin jattendu l-Iskola Sport ġewwa Għawdex huwa ta' 696 filwaqt li n-numru ta' Instructors fl-istess skola huwa ta' 28. L-ispiża sa l-aħħar ta' Frar 2000 biex twaqqfet u qiegħda tiffunzjona din l-iskola kienet ta' Lm9003.43 li minnhom Lm4108.98 huma spejjeż ta' instructors. L-istudenti li qegħdin jattendu din l-iskola ħallsu s-somma ta' Lm4872. Qiegħda tittieħed azzjoni biex il-kontijiet kollha pendenti ta' l-istess skola jiġu mħallsa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet ta' separazzjoni pendenti quddiem il-Qorti ta' Għawdex matul is-sena 1999? Kemm minnhom ġew deċiżi jew b'xi mod konklużi f'dik is-sena? Kemm daħlu każijiet ġodda matul Jannar u Frar ta' din is-sena 2000?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' każijiet ta' separazzjoni quddiem il-Qorti ta' Għawdex kienu kif jidhru hawn taħt.
In-numru ta' kawżi Superjuri Ċivili pendenti fil-31 ta' Diċembru 1999 kien ta' 24. Matul l-istess sena ġew deċiżi jew konklużi 7 kawżi.
Rikorsi ta' Gurisdizzjoni Volontarja pendenti fil-31 ta ' Diċembru 1999 kien ta' 11 filwaqt li matul l-istess sena ġew deċiżi jew konklużi 36 każ.
F'Jannar u Frar ta' din is-sena (2000) kien hemm tliet Kawżi Superjuri Ċivili u 12-il Rikors Ġurisdizzjoni Volontarja ġodda.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' sigħat (average) ta' xogħol li kienu jaħdmu l-casual social assistants f'Għawdex f'ġurnata normali tax-xogħol f'Marzu, 1999? X'inhuwa n-numru ta' sigħat ta' xogħol li qiegħed jingħata f'ġurnata normali tax-xogħol bħalissa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' sigħat average ta' xogħol li kienu jaħdmu l-Casual Social Assistants f'Għawdex f'ġurnata normali tax-xogħol f'Marzu 1999 kien ta' 462 siegħa filwaqt li f'Marzu 2000 kien ta' 476 siegħa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta, f'dipartimenti tal-Gvern u korpi parastatali? F'liema dipartimenti huma mqassma?
Għawdex — Victoria - Triq ir-Repubblika - Traffic lights
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex m'humiex jaħdmu t-traffic lights li tpoġġew fi Triq ir-Repubblika f'Victoria? Meta hemm il-ħsieb li dawn jibdew jinxtegħlu biex tnaqqas il-konġestjoni li qed ikun hemm f'dan il-post, speċjalment meta jaslu l-vapuri minn Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li saru diversi laqgħat bejn rappreżentanti tal-Ministeru għal Għawdex, kunsilli lokali konċernati, rappreżentanti tal-Ministeru tat-Trasport u Kommunikazzjoni sabiex jiflu r-rapporti li diġa' saru u jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet neċessarji.
Matul is-sena 1999 kemm-il trip għamel il-Catamaran? Kemm ġarr nies bejn Malta u Għawdex? Tista' tgħid jekk finanzjarjament dan huwiex qiegħed iħalli telf kbir lill-Kumpannija Gozo Channel ta' kuljum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-katamaran għamlet 724 vjaġġ bejn Malta u Għawdex minn meta bdiet topera fil-5 ta' Lulju sat-18 ta' Diċembru 1999 u ġarret 24,227 passiġġier.
Naħseb li l-onor interpellant jaqbel miegħi li s-servizzi tal-kumpanija Gozo Channel huwa wieħed soċjali u infrastrutturali u għaldaqstant m'għandux jitqies biss fuq konsiderazzjonijiet dojoq ta' profittabilita' wisq inqas fuq profittabilita' ta' xi servizz partikolari li toffri l-kumpanija.
Għaldaqstant ir-riżultati tas-servizz tal-katamaran iridu jiġu analizzati fil-kuntest sħiħ ta' l-operat tal-kumpanija Gozo Channel u s-servizzi kollha li din toffri.
Barra minn hekk, il-kumpanija għamlet qliegħ għas-sena finanzjarja li għalqet fit-30 ta' Settembru 1999 u mistennija li tagħmel l-istess għas-sena kurrenti.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14833, tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex ma tatx informazzjoni dwar sar minnhom il-flus ivvotati għall-Animazzjoni "Sentinella" għas-sena finanzjarja 1999?
Tista' tagħti din l-informazzjoni lil dan il-Parlament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma kienx hemm flus ivvotati speċifikament għall-animazzjoni 'Sentinella'.
Tista' l-Ministru tgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi uffiċjali tal-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi l-onorevoli membru għad-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra f'seduta 124 fis-16 ta' Ġunju 1999.
Tista' l-Ministru tgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-Ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tagħha, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tagħha, jew proprjeta' tal-ministeru jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tagħha, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tagħha?
Jekk fl-affermattiv, tista' l-Ministru tgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Fil-każ ta' membri tas-Segretarjati ta' Ministri u Segretarji Parlamentari il-kriterji dwar użu ta' karozzi uffiċjali huma mniżżla fid-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Fil-każ ta' uffċjali oħra fid-dekasteru tiegħi li għandhom ftehim jew kuntratt, l-użu huwa regolat minn tali ftehim jew kuntratt.
Il-karozzi uffiċjali kollha l-oħra għandhom jintużaw minn min għandu l-permess jagħmel dan.
Jekk l-onorevoli nterpellant għandu xi każ f'moħħu li huwa jidhirlu li jien għandi nkun naf bih, nitolbu jagħtini l-informazzjoni rilevanti.
Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14101?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li jekk pazjent ikun rikoverat fl-Isptar Ġenerali ta ' Għawdex u l-konsulent ta' l-istess sptar jordnalu mediċini li ma jinsabux fl-ispiżerija (non formulary) bħalma huma l-mediċini li qed jirreferi għalihom l-onor. interpellant, issir talba lill-Bord tal-Mediċini għall-approvazzjoni tax-xiri tagħhom mill-Medical Stores tad-Dipartiment tas-Saħħa. Sa x'ħin isir il-proċess li jieħu xi ftit żmien, jista' jagħti l-kas li l-pazjent jintalab iġib din il-mediċina hu.
F'kas li l-pazjent rikoverat ikun diġa' qiegħed fuq dawn il-mediċini li jkunu ingħataw lilu mill-Ispiżerija ta' l-isptar (għax kien intitolat għalihom), jista' jaghti wkoll il-kas li jintalab biex iġibhom miegħu dment li jkun rikoverat fl-isptar.
Tista' l-Ministru tgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tagħha, li ġew mogħtija b'donazzjoni lill-individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegat mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tagħha?
Jekk fl-affermattiv, tista' l-Minstru tgħid: (a) lil min ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (c) kemm swew fi flus Maltin; (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ngħataw din il-karozza?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fin-negattiv.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk is-siti fissi li fihom hemm u se jibqa' jkun hemm fix-xhur li ġejjin ħaddiema tax-xogħlijiet pubbliċi jaħdmu fuq xi proġetti? Kemm isiru spezzjonijiet fix-xahar f'siti bħal dawn biex jitnaqqas l-iskartar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li matul ix-xhur li ġejjin għandu jkun hemm ħaddiema fis-siti li ġejjin:
1. Ta' Xħajma Race Track
2. Żebbug Shooting Range
3. Administration Centre, Victoria
4. Qbajjar Road, Marsalforn
5. Ċittadella
Spezzjonijiet fuq ħaddiema f'dawn is-siti jsiru għall-għarrieda skond il-ħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm tħawwlu siġar f'Għawdex fl-iskema ta' l-afforestazzjoni matul is-sena 1999? Tista' tgħidilna kemm minn dawn is-siġar ingħataw lill-gvern minn entitajiet jew awtoritajiet barranin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li n-numru ta' siġar li tħawwlu f'Għawdex taħt l-iskema ta' l-afforestazzjoni matul is-sena 1999 kien 2099.
L-ebda waħda minn dawn is-siġar ma ngħatat lill-gvern minn entitajiet jew awtoritajiet barranin.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm art tal-Gvern f'Għawdex mikrija għand il-bdiewa minn sena għal sena? Tista' tgħidilna jekk bdewx isiru spezzjonijiet mill-uffiċjali tekniċi li hemm fl-uffiċċju ta' l-artijiet f'Għawdex biex jiġi żgurat li din l-art qiegħda tintuża biss għal skopijiet ta' biedja? Jekk fin-negattiv, meta se jibdew isiru spezzjonijiet bħal dawn?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li f'Għawdex hemm madwar 614 ettari ta' art tal-Gvern mikrija lill-bdiewa minn sena għal sena. Ma jsirux spezzjonijiet fuq bażi regolari għall-għan imsemmi mill-Onor. Interpellant pero' meta jsiru rapporti li xi art tal-Gvern mhix tiġi użata għall-iskop li hi mikrija, is-Sezzjoni tal-Agrikoltura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex tiġi mitluba biex tagħmel l-istħarriġ meħtieġ biex jiġi żgurat li l-art tal-Gvern tiġi użata għal skopijiet ta' biedja.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-ammont ta' petrol li ntuża ġewwa Għawdex matul is-sena 1999?
X'inhu l-ammont ta' diesel oil li ntuża ġewwa Għawdex matul is-sena 1999?
X'inhu l-ammont ta' pitrolju li ntuża ġewwa Għawdex matul is-sena 1999?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija hawn taħt:
Petrol biċ-ċomb: 4,482,000 litru
Petrol bla ċomb: 1,919,750 litru
Diesel: 8,786,990 litru
Pitrolju: 1,050,150 litru
Light fuel oil: 191,600 litru
Tista' l-Ministru tgħid meta ħa jintbagħat uffiċjal fiċ-Ċentru ta' Għawdex ta' l-Universita' biex jagħmel id-doveri ta' l-uffiċjal li għadu kif telaq minn dan ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li qegħdin jittieħdu l-passi meħtieġa f'dan ir-rigward.