Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal it-tkomplija tal-proġett tal-Crafts Village, f'Ta' Dbiegi?
Tista' tgħid x'xogħol sar mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Tista' tgħid meta huwa maħsub li dan il-proġett ikun lest kompletament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħol li sar s'issa fuq il-proġett tal-Crafts Village f'Ta' Dbieġi huwa kif ġej:
- xogħol fl-entratura u fil-parti ċentrali tal-Crafts Village
- bini ta' tliet units ġodda, u waħda hi diġa' użata
Dan ix-xogħol jammonta għal 70% tal-proġett
Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn saru dawn ix-xogħolijiet:
- il-paviment tal-parti ċentrali kollha;
- il-ħitan ta' quddiem, parti ġebel u parti ħadid, fuq in-naħa tax-xellug inti u dieħel;
- il-kanal ta' l-ilma tax-xita fuq in-naħa ta' lvant u nofsinhar;
- il-'guard room';
- bini fuq tliet units ġodda, fosthom l-ikbar żewġ units.
Il-proġett għandu jitlesta fi żmien sena.
Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal il-proġett tar-Renal Unit fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?
Tista' tgħid x'xogħol qiegħed isir bħalissa?
Tista' tgħid meta huwa maħsub li dan il-proġett ikun lest kompletament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ix-xogħol kollu ta' struttura relatat mat-twaqqif ta' Renal Unit fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex huwa lest u l-apparat u l-għamara meħtieġa huma diġa' fil-post.
Ir-Renal Unit mistenni li jibda' jiffunzjoni hekk kif jintgħażlu l-infermiera li hemm bżonn.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-laundry ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ingħalqet?
Tista' tgħid preżentement min qed jagħmel ix-xogħol ta' laundry ta' l-isptar?
Tista' tgħid kemm dan qed jiswa lill-gvern Malti fi spejjeż?
Tista' tgħid min qed jagħmel ix-xoxgħol ta' laundry tal-madwar 120 anzjani rikoverati b'mod permanenti fl-isptar ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma kienx possibbli li tibqa' titħaddem il-laundry fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex minħabba li l-makkinarju ta' ġo fiha qdiem u ma kienx possibbli li jittranġa. Dan minħabba li kien sar diffiċli li jinstabu spare parts għall-istess makkinarju. Barra minn hekk l-istess makkinarju kien qed isir perikoluż għall-ħaddiema li jużawħ. Il-parti l-kbira ta' dan il-makkinarju ried jinbidel u dan jirrikjedi spiża kapitali kbira.
Fil-preżent, ix-xogħol tal-laundry ta' l-isptar qiegħed isir mill-Koperattiva Linen Services (KOLS), koperattiva mwaqqfa minn ħaddiema tal-Gvern ta ' Malta.
Dan ix-xogħol huwa stmat li jiġi jiswa' mal-Lm5,000 fix-xahar.
Ix-xogħol tal-laundry ta ' l-anzjani residenti fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex qiegħed isir mill-KOLS ukoll.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha mis-7 ta' Mejju, 1987 sal-25 ta' Ottubru, 1996?
Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' mpjieg ingħataw dawn il-ħaddiema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Bħal ma kelli l-okkażżjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'safar bejn l-1987 u l-1996 mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Bħal ma kelli l-okkażżjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għas-sejħa ta' Officer in charge Qala Hostel li ħarġet fid-19 ta' Jannar, 2000?
Min intagħżel u meta rċieva l-ittra tal-ħatra?
Jekk ma ntgħażel ħadd, għaliex?
Meta se jintagħżel?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li kien hemm applikazzjoni waħda għas-sejħa ta' Uffiċċjal Inkarigat mill-Qala Hostel li ħarġet fid-19 ta' Jannar 2000.
Ma ntagħżel ħadd għal din il-kariga għaliex hemm il-ħsieb li fix-xhur li ġejjin isiru xogħlijiet ta' refurbishment u tkomplija ta' kostruzzjoni fl-istess Hostel biex dan jibda' jifforma parti miċ-Ċentru ta' Taħriġ ta' l-ITS li jinsab fl-istess post. Minħabba x-xogħlijiet imsemmija li ser jibdew dalwaqt, il-Hostel mhux ser ikun jista' jintuża'. Madankollu, sakemm jinbeda x-xogħol, id-dmirijiet ta ' uffiċċjal inkarigat qegħdin jitwettqu mill-għalliem inkarigat mill-ITS (Qala).
Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti mill-ministeru, dipartiment, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, bejn l-1987 u 1996 sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni li f'dan il-każ tkopri disa' snin.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u tekniċi mad-dipartiment ta' l-agrikoltura f'Għawdex li ġew trasferiti mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? X'responsabbiltajiet kellhom u min huwa responsabbli llum minn dan ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn ġew trasferiti 4 uffiċjali mis-Sezzjoni ta' l-Agrikoltura għal Sezzjonijiet oħra fil-Ministeru għal Għawdex.
Ir-responsabbilitajiet li kellhom dawn il-ħaddiema kienu jikkonsistu minn xogħol klerikali u amministrattiv li ġie mgħoddi lill-uffiċjali oħrajn fl-istess fergħa.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem f'Għawdex li jirċievu għotja ta' flus mingħand il-gvern? Tista' tgħid jekk hemmx xi ħsieb li din l-għotja tiżdied biex tkun tirrifletti ż-żmenijiet tal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li t-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem f'Għawdex li jirċievu għotja ta' flus mingħand il-Ministeru għal Għawdex huma dawk li jinżammu fil-festi ta' Santa Marija u ta' Santa Margerita. Ma hemmx il-ħsieb li din l-għotja tiżdied.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm uffiċjali fil-ministeru li joqogħdu jaħdmu wara l-ħin? Tista' tgħid kemm hemm impjegati mill-minor staff ikunu metħieġa joqogħdu wkoll wara l-ħin jekk jitħallsux overtime jew inkella jieħdu xi allowance? F'kull każ kemm kien il-ħlas ta' kull impjegat kull xahar minn ras għal ras f'dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati fis-Segretarjat Privat huma regolati bid-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariats' li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f'seduta 124 fis-16 ta' Ġunju 1999.
Tista' l-Ministru tintervjeni mal-Ministru tat-Trasport biex ikun hemm karozzi tal-linja li mill-Belt jaħdmu direttament għaċ-Ċirkewwa biex jinqata' l-inkonvenjent li qed isofru l-Għawdxin, speċjalment studenti li jattendu l-Universita', li qed jitħallew ħin twil jistennew fuq li stage ta' l-Imsida minħabba li l-karozzi kollha jgħaddu mimlija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li minn madwar 4 snin 'l hawn, l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku fasslet skeda ta' trasport dirett mill-Belt Valletta għaċ-Ċirkewwa. Dan is-servizz isir kull 10 minuti bejn is-1.50pm u l-4.30pm.
Tista' l-Ministru tgħid kemm swew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju f'Għawdex? Kif inhija mqassma din li spiża?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ispejjeż għall-festi tal-millennju f'Għawdex huma:
Lm
Ġgantija Festival of Dance (Lulju '99) 4,220
Dwejra Festival of Folklor (Awissu '99) 3,780
Inawgurazzjoni taċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millennju
(Settembru '99) 4,165
Ċelebrazzjonijiet ta' Jum l-Indipendenza
(Settembru '99) 2,103
Festa Kappelli (Ottubru '99) 5,460
Festa Korijiet (Novembru '99) 1,835
25 Anniversarju ta' Malta Repubblika 4,837
Milied '99 9,800
Festi ta' l-aħħar ġimgħa tal-Millennju u l-ewwel
jiem tal-Millennju l-ġdid (Diċembru '99 - Jannar 2000) 33,673
Attivitajiet oħra varji (Lulju - Novembru '99) 2,437
Armar (illum propjeta' tat-taqsima tal-kultura fil-
Ministeru għal Għawdex) 5,491
Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli jinbeda x-xogħol fuq parkeġġ għall-karozzi fl-inħawi tal-Kattidral, kif kien imwiegħed li jsir qabel l-elezzjoni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li qegħdin isiru diskussjonijiet bejn il-partijiet ikkonċernati sabiex possibilment il-problemi f'dan il-każ jiġu riżolti.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-bordijiet/kumitati li huma taħt ir-responsabbilta' tagħha u li l-membri tagħhom jitħallsu onorarja? Kemm hi din l-onorarja? Tista' tagħti l-ismijiet tal-membri kollha f'kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li ma hemm l-ebda bord/kumitat li jaqa' taht ir-responsabbilta' tal-Ministeru għal Għawdex u li l-membri tiegħu qegħdin jitħallsu onorarja.
Tista' l-Ministru tgħid jekk issa hijiex f'pożizzjoni li twieġeb għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari numru 14727?
Tista' tgħid ukoll, minn mindu bdiet taħdem l-iskema sal-lum, kemm impjegati nstabu ħatja ta' abbuż mis-sick leave, dipartiment b'dipartiment?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-applikazzjonijiet li d-dipartimenti tal-Ministeru t'Għawdex irċevew għall-akkumulazzjoni tal-vacation leave, hemm 37-il applikazzjoni pendenti. Tlieta minn dawn jikkonċernaw id-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp filwaqt li l-34 l-oħra jikkonċernaw id-Dipartiment tal-Customer Services.
L-Informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija qiegħda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk tafx li biex sar ir-Re tal-Karnival ta' Għawdex ta' din is-sena ntuża l-istess materjal tas-sena l-oħra? Tista' tgħid kemm kien hemm ħaddiema tal-Gvern li ħadmu fuqu u x'kien l-ammont totali tas-sigħat tax-xogħol? Fejn sar ix-xogħol u jekk sar f'post privat kemm tħallas is-sid konċernat? Kemm tħallset sahra (overtime) lill-ħaddiema tal-Gvern matul il-ġranet tal-Karnival? Kemm jiġi sewa b'kollox ir-Re tal-Karnival ta' Għawdex ta' din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li biex inħadem ir-Re tal-Karnival ta' Għawdex ta' din is-sena ntuża xi materjal li huwa propjeta' tal-Kunsill tal-Kultura u li kien intuża s-sena l-oħra. Fuq dan ħadmu żewġ impjegati tat-Taqsima tal-Kultura u tliet impjegati tat-Taqsima tal-Manifattura u Servizzi. Dawn l-impjegati ħadmu fuq ir-Re tal-Karnival mill-14 ta' Frar sat-2 ta' Marzu waqt il-ħinijiet normali tax-xogħol.
Ix-xogħol sar f'garaxx li inkera mingħand il-Koperattiva Agrikola Għawdxija Gozitano Limitata mis-7 ta' Frar sas-6 t'April 2000 għas-somma ta' Lm5 kuljum.
Ma tħallas ebda overtime lill-ħaddiema tal-Gvern matul il-ġranet tal-Karnival.
B'kollox ir-Re tal-Karnival ġie jiswa s-somma ta' Lm514.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux veru li f'Għawdex se jinfetaħ uffiċċju tad-Dipartiment ta' l-Istatistika? F'liema bini se jkun dan l-uffiċċju? Min huma n-nies li hemm proposti biex jaħdmu f'dan l-uffiċċju? Min se jmexxi dan l-uffiċċju u fejn qed jaħdem bħalissa? Fuq liema time-table se jaħdem dan l-uffiċċju ġdid? Tista' tgħid jekk hux veru li hemm ippjanat li min se jkun imexxi dan l-uffiċċju se jkun involut f'safar relatat ma' l-iscreening in konnessjoni ma' l-Unjoni Ewropea?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-preżent qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jinfetaħ Uffiċċju ta' l-Istatistika f'Għawdex. L-impjegati li huma proposti biex jaħdmu f'dan l-uffiċċju huma s-Sur Emanuel Terribile u s-Sur Mario Tabone. Dan l-uffiċċju se jkun akkomodat fiċ-Ċentru Amministrattiv u se jagħmel parti mid-Dipartiment ta' l-Istatistika. Hemm il-ħsieb li dan l-uffiċċju jaħdem fuq bażi ta' sitt ijiem fil-ġimgħa.
Ma nafx li hemm ippjanat li dawn il-persuni li huma maħsuba li se jaħdmu f'dan l-uffiċċju se jkunu involuti f'safar li hu relatat ma' l-iscreening in konnessjoni ta' l-Unjoni Ewropea.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq proġetti ta' restawr fiċ-Ċittaddella? Min hu responsabbli ta' dawn il-ħaddiema? Kemm saru spezzjonjiet fuq dawn il-ħaddiema din is-sena biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm skartar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-preżent hemm żewġ gruppi ta' ħaddiema li jaħdmu fuq restawr taċ-Ċittadella.
Grupp minn dawn huwa magħmul minn tmintax-il ħaddiem taħt ir-responsabilta' tal-Uffiċjal Tekniku tas-Sezzjoni ta' Manutenzjoni u Restawr ta' Bini. Ta' min jgħid li sebgħa minn dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta' restawr u manutenzjoni kemm fiċ-Ċittadella kif ukoll f'siti oħrajn skond il-bżonn.
Il-Grupp l-ieħor jikkonsisti minn tliet ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabilta' tal-uffiċjal inkarigat mill-Construction and Maintenance Unit. Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta' restawr fill-foss taċ-Ċittadella.
Matul din is-sena saru żewġ spezzjonijiet f'dawn is-siti.
Tista' l-Ministru tgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi mikrija mill-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija numru 5477 u għal dik li jiena tajt għall-Mistoqsija numru 13365.