Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ngħataw l-allokazzjonijiet (l-aħħar tliet pagamenti) lill-kunsilli lokali u jgħid kemm ħa kull kunsill, lokal b'lokal, allokazzjoni b'allokazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta bil-Maġistrat dwar iċ-ċittadin Russu li weġġa' gravi ftit ġimgħat ilu meta waqgħet lasta tal-football fuqu fil-ground ta' Manoel Island?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records miżmuma fir-Reġistru tal-Qrati ta' Ġurisdizzjoni Kriminali jirriżulta li fil-25 ta' Jannar 2007 infetħet inkjesta Maġisterjali dwar persuna ta' nazzjonalita' Ġeorġjana li weġgħet gravi wara li waqgħet lasta tal-football fuqha fil-ground ta' Manoel Island u kien fil-periklu tal-mewt.
Din l-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat ta' l-Għassa u qed tieħu l-korsa normali tagħha fejn fost ħwejjeġ oħra l-esperti nominati mill-Maġistrati qed jippreparaw ir-rapporti tagħhom.
Meta l-Maġistrat Inkwerenti jirċievi r-rapporti ta' l-esperti minnu nominati jkun jista' jgħaddi biex jagħlaq l-inkjesta skond il-liġi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani x'arranġamenti saru għal schengen visas għal din is-sena turistika u jserraħ ras it-tour operators barranin fuq l-arranġamenti, ġaladarba kien hemm xi konfużjoni fis-swieq konċernati?
Response (BORG, TONIO)
Sa l-aħħar ta' Ottubru 2007 mhux ser ikun hemm xi tibdil fis-sistema preżenti. Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin qed jieħu l-passi neċessarji biex meta Malta tibda toħroġ Schengen Visas dan ikun konformi mar-regoli eżistenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li għaddejja investigazzjoni nterna fl-Akkademja tal-Korp tal-Pulizija fuq allegazzjonijiet li kien hemm xi partying waqt il-live-in tar-rekluti l-ġodda? Jista' jgħid f'liema stadju waslet l-investigazzjoni? Jekk l-investigazzjoni ngħalqet, x'inhu l-eżitu? Min hu l-Kmandant responsabbli mill-Akkademja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa fejn huwa magħruf qatt ma saret xi allegazzjoni kemm ma' l-awtoritajiet tal-Pulizija jew ta' l-Akkademja tal-Pulizija li kien seħħ dak allegat mill-Onorevoli Interpellant. Pero' kien hemm okkażżjoni fejn kien sar magħruf li xi rekluti li kienu waqt il-perijodu ta' taħriġ living in, kellhom l-inbid fil-vetturi tagħhom. Kif sar magħruf dan, is-Surġent Maġġur inkarigat minnhim, kien ordna li dan l-inbid jiġi mneħħi.
Napprezza li jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi tagħrif ieħor, huwa jgħaddihuli sabiex ikun investigat.
Il-Kmandant ta' l-Akkademja tal-Pulizija huwa s-Sur Ronald Kelly.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23933 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li titqiegħed bozza fi Triq San Ġakbu, fis-Siġġiewi peress li fiha hemm id-dlam?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid:
1) x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta biex tingħaqad fis-Schengen?
2) jista' jgħid liema sistema se tintuża - dik magħrufa bħala SIS1 (Schengen Information System) jew SIS2?
3) meta se tidħol fis-seħħ is-sistema SIS2? Jista' jikkonferma li Malta ma implimentatx is-sistema SIS2? Kemm se tiswa lill-pajjiż biex mis-sistema SIS1 tiġi upgraded għal SIS2?
4) seta' il-pajjiż stenna u daħal mill-ewwel fis-sistema SIS2 kif se jagħmlu pajjiżi oħrajn imsieħba fl-Unjoni Ewropea?
Jekk Malta dieħla mill-ewwel fis-sistema SIS1, x'inhi r-raġuni għaliex Malta mhux se tidħol fis-sistema SIS2?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti iddeċieda li Malta għandha tidħol fix-Schengen ma' l-ewwel tkabbir li mistenni jsir is-sena d-dieħla.
Is-SIS I, is-sistema li tintuża preżentament, ma tiflaħx għat-tkabbir tal-membri l-ġodda li daħlu fl-UE fl-1 ta' Mejju 2004 u għalhekk qed isir xogħol biex tiġi żviluppata is-SIS II. Minħabba dewmien ta' natura teknika u legali da parti tal-Kummissjoni Ewropeja, ġie deċiż mill-Kunsill tal-Ministri li tiġi żviluppata sistema temporanja, magħrufa bħala SIS for all biex l-għaxar stati membri ġodda, minbarra Ċipru, ikunu jistgħu isiru parti miż-żonra Schengen mingħajr aktar dewmien.
Ovvjament ħafna mill-ispejjeż li ser jintefqu għas-sistemi SIS for all kienu xorta waħda ser jintużaw biex inkunu nistgħu ningħataw aċċess għas-SIS II li, skond il-pjanijiet preżenti tal-Kummissjoni Ewropeja, suppost li tkun lesta sa l-aħħar ta' Diċembru ta' l-2008.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li riċentement temmet il-kors ta' gwardjan privat u għandha kondotta nadifa, tingħata l-liċenzja biex tkun tista' taħdem dan ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet infurmata bil-miktub nhar l-20 ta' Lulju 2006, li t-talba tiegħu ma setgħetx tkun milqugħa, kif ukoll il-proċedura li kellu jsegwi f'każ li huwa ried jikkontesta dik id-deċiżjoni. Dil-persuna darbtejn instabet ħatja ta' tentattiv ta' omiċidju.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23060 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li titnaddaf il-parking area li hemm ħdejn il-bring-in sites qrib Triq it-Torri, l-Imsida u jitħalla spazju għal parking għar-residenti li jistgħu jkunu effettwati? Dan l-immaniġġar aħjar ta' traffiku jista' itaffi l-inkonvenjent li qegħdin isaqqfu wiċċhom magħhom ir-residenti effettwati, b'mod partikolari minn numru 27 sa 47, Triq it-Torri, Msida kif ukoll il-vetturi li jużaw din it-triq.
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' d-Dipartiment ta' l-Artijiet ġentilment jirrevedi l-kera tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm il-kera tiġi miġbura mid-Dipartiment tal-Artijiet, il-kundizzjonijiet ta' kirja ta' fondi residenzjali huma ffissati mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Xogħol.
Għaldaqstant l-Onor. Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Peress li l-Att dwar l-Arbitraġġi jidher li ma jikkontemplax l-benefiċċju ta' l-għajnuna legali jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif persuna li ma għandhiex mezzi jista' jkollha aċċess għas-servizzi mogħtija skond l-Att suċitat?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm l-Att dwar l-Arbitraġġ ma jikkontemplax il-benefiċċju ta' l-għajnuna legali, il-Bord ta' Gvernaturi taċ-Ċentru ddeċieda li m'għandhomx jitħallsu d-drittijiet tar-reġistru f'każijiet fejn il-Qorti tassenja lil xi parti Avukat għall-Għajnuna Legali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-koppja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li jgħixu f'żewġt ikmamar f'post tal-Gvern, titnaqqsilhom il-kera?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm il-kera tiġi miġbura mid-Dipartiment tal-Artijiet, il-kundizzjonijiet ta' kirja ta' fondi residenzjali huma ffissati mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Xogħol.
Għaldaqstant l-Onor. Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23717, b'mod partikolari l-aħħar paragrafu fejn jintqal li m'hemm ebda kawża Kostituzzjonali pendenti għas-sentenza li ilha aktar minn ħames snin, jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jinnota l-Kawza V.Curmi vs PM li ilha għas-sentenza mill-1999?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23717 u partikolarment għall-aħħar paragrafu, ninsab infurmat illi l-kawża "Curmi vs Prim Ministru" ilha tiġi ddifferita għas-sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali, kif illum komposta, mis-7 t'April 2003.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm il-Qorti tal-Maġistrati, Għawdex, Sezzjoni Familja rriferiet każijiet in forza tad-digriet lit-Taqsima Ħidma Soċjali f'Għawdex u appoġġ rispettivament f'dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li statistika f'dan ir-rigward ma tinżammx.
Kemm twieldu trabi f'Malta minn immigranti illegali fl-aħħar sitt snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' trabi li twieldu bejn l-2002 u l-2006 minn immigranti irregolari f'ċentri ta' detenzjoni kien ta' 48 kif muri hawn taħt sena b'sena:
2002 - 13 trabi
2003 - 12 trabi
2004 - 10 trabi
2005 - 3 trabi
2006 - 10 trabi
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Gnien Brejgu li jinsab fi Triq Mikiel Cachia fiz-Zejtun jaqax taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet jew le? Jekk fin-negattiv, f'idejn min qiegħed jew minn min huwa amministrat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art fejn hemm il-ġnien in kwistjoni ġiet esproprjata mingħand il-privat. Fuq parti minnha il-kuntratt għadu ma sarx u għalhekk għadha mhix tal-Gvern. Fuq dan il-ġnien it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma saritilha l-ebda talba għal devoluzzjoni mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun. Għalhekk jidher li bħal ġonna oħra ta' dan it-tip, dan il-ġnien jaqa' taħt ir-responsabbilita' tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jista' l-Viċi Ministru jgħid jekk is-siġar fi Triq Proserpina, l-Imtarfa jistgħux jiġu miżbura u dan b'urġenza għaliex qed ikunu waħda mill-kawżi li jġibu l-ħmieġ fiz-zona u dan b'konsegwenza li hemm infestazzjoni ta' ġrieden?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-introjtu tal-Gvern in ġenerali minn dawn il-miżuri:
miċ-ċitazzjonijiet li jagħtu il-wardens fuq traffiku
miċ-ċitazzjonijiet li jagħmlu ALE
miċ-ċitazzjonijiet li jagħtu l-environment wardens
Dan għas-snin 2005 u 2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċ-ċitazzjonijiet li jirrigwardjaw id-doveri prinċipali tat-Taqsima ta' l-Administrative Law Enforcement tal-Pulizija, jiġu proċessati quddiem il-Qorti jew Tribunal u mhux permezz ta' tickets. Għaldaqstant it-tagħrif mitlub jiddependi mill-multa inflitta mill-Qorti jew Tribunal f'kull każ ta' ħtija u t-tagħrif mitlub mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ċentrali ma jieħu xejn mid-dħul tal-penali taċ-ċitazzjonijiet li jagħtu l-Gwardjani Lokali. Dan l-introjtu jintuża biex jitħallsu l-ispejjeż konnessi ma' l-għoti tas-servizz, inkluż dak tal-Aġenziji tal-Gwardjani Privati, l-Uffiċjali Awtorizzati u spejjeż amministrattivi oħra, filwaqt li l-bilanċ jitqassam lill-Kunsilli Lokali skond l-arranġament kuntrattwali li jkollhom fil-Kumitat Konġunt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istatistika tal-attivitajiet tal-Qrati mhux qed tkun aġġornata u r-rapporti ilhom ma jiġu pubblikati sa mis-6 ta' Frar, 2004?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-istatistika ta' attivitajiet tal-Qorti li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija dwar in-numru ta' kawżi introdotti, pendenti u maqtugħa fil-Qrati u Tribunali Ċivili, ninsab infurmat illi tali statistika hija aġġornata kull xahar u l-aħħar statistika li wieħed isib fuq is-sit www.mjha.gov.mt hija korretta sa l-aħħar ta' Diċembru 2006.
Għaliex l-għassa ta' Santa Venera qegħda tkun magħluqa ħafna ħinijiet? X'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ tagħha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikun hemm dettaljat kuntistabbli, kemm jista' jkun fuq bażi regolari. Madankollu, jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet.