B'riferenza għall lease LD/88/86 jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-investigazzjoni li kellha ssir mid-dipartiment u jgħid x'passi neċessarji ttieħdu minn Novembru 2001 'il hawn? Kien hemm xi kondizzjonijiet minn din il-kirja li mhux qegħdin jiġu osservati u x'passi ħa d-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
L-investigazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant saret minn impjegati tad-Dipartiment ta` l-Artijiet. Ir-riżultat ta` din l-investigazzjoni, bħal f`każijiet oħra, ġie miktub fil-file relattiv. Ġie konfermat illi l-kundizzjonijiet tal-kirja huma kollha onorati. Filwaqt li nagħmel referenza għar-risposti li ngħataw għal-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 28941, 29378 u 30102, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għadu qiegħed f`kuntatt mal-Ministru tar-Riżorsi u Infrastruttura, li hu l-promoter tal-proġett, biex jinstab sit alternattiv li jkun tajjeb għal użu speċifiku li qiegħed isir mill-proprjeta` in kwistjoni.
B'referenza għat-talba li qed tintbgħat separatament jista' l-Ministru jara jekk teżistiex il-possibilta li titħaffa l-proċedura?
Jekk fl-affermattiv meta?
Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa biex dawk li jissejħu gwarji tas-sigurta' jew bouncers jiġu liċenzjati? Jaħseb li dawn jkollhom xi forma ta' identifikazzjoni biex jingħarfu mill-pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Il-Ministeru ta` l-Intern flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija qiegħed jikkonsidra jekk dal-persuni għandhomx jiġu regolati taħt il-Kap. 389.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu fi ħlas extra l-pulizija f'somma globali? Kemm hi s-somma li għadha ma tħallsitx ta' extra li sar fl-1999-2000-2001 separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
1999 Lm23,604.39
2000 Lm 1,822.66
2001 Lm16,306.23
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet quddiem l-MEPA għal kostruzzjoni ta' bini ta' għoli bejn il-15 u l-20 sular 'il fuq mil-livell tat-triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm 2 applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għal kostruzzjoni ta` bini għoli bejn 15 u 20 `il sular l`fuq mill-livell tat-triq. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu ipproċessati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapurtati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-minsteru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena?
X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa?
X'passi ittieħdu?
Jista' jinfurmani ukoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2001 u l-31 ta` Marzu 2002, kien hemm 7 każi ta` serq minn proprjeta` pubblika tad-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-Dekasteru ta` l-Intern li ġew irrapurtati lill-Pulizija għal investigazzjoni. Infurmat ukoll illi erba` minn dawn il-każi ġew solvuti. Ħlief f`każ wieħed, fejn il-valur ta` l-oġġetti misruqa kien jaqbeż l-Lm1,000, il-valur fil-każi l-oħra kien taħt it-Lm300.
Jista' l-Ministru jara jistax issir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li joqogħdu f'kiri tal-gvern - pero` mikrija fuq art possession and use - ikunu jistgħu jixtru din il-proprjeta`?
Response (BORG, TONIO)
Dwar "possession and use", ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern preżenti, wara l-elezzjoni tal-1987, kien iddeċieda li ma jinħarġux iktar "possession and use" sakemm ma jkunx hemm intenzjoni li l-art jew bini jinxtraw.
Għalhekk il-"possession and use" li hemm, jirreferu għal perijodu qabel l-1987.
Sabiex itejjeb il-posizzjoni ta` dawn in-nies, il-Kabinett f`Lulju 2001 approva proposta ta` liġi biex ix-xiri ta` dawn il-proprjetajiet tkun b`rata iktar favorevoli lis-sidien attwali u fl-istess ħin il-Gvern jakkwista l-proprjeta` mingħajr formalita` żejda.
Dan l-abbozz għadda mill-istadju tal-Kumitat (Abbozz Nru. 92) nhar il-Erbgħa 19.06.2002, u malli ssir liġi, il-Gvern ikun jista` jakkwista dawn il-proprjetajiet, u jbiegħhom lill-inkwilini attwali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi applikazzjoni pendenti jew inkella xi permess għall-estensjoni tad-dar ta' l-anzjani fiż-Żejtun? Min applika għall-permess? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' l-applikazzjoni jew permess fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma nħareġ l-ebda permess u ma hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għall-estensjoni tad-dar ta` l-anzjani fiż-Żejtun.
Jista' l-Ministru jgħid jekk xi dipartiment jew awtorita' li taqa' fir-responsabbilta' tiegħu hix involuta fix-xogħol tat-tindif li qiegħed isir fid-Dwejra, Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x'inhu dan l-involviment?
Response (BORG, TONIO)
Il-mistoqsija ma tagħmilx referenza għal xi area partikulari tad-Dwejra.
Għalkemm il-MEPA kienet involuta f`diskussjonijiet ma` uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura (dak iż-żmien Ministeru ta` l-Ambjent) rigward it-tindif ta` terrapien li intefa` illegalment aktar `il fuq mill-bajja, bħalissa l-Awtorita` mhix infurmata bl-ebda tindif ieħor tal-bajja tad-Dwejra.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-pulizija tissorvelja dawk il-bajjiet li matul is-sajf jiġi pprojbit li jidħlu fihom bċejjeċ tal-baħar? Is-sajf li għadda kemm kien hemm każi fejn il-pulizija rrapportaw xi sidien talli daħlu f'xi waħda minn dawn il-bajjiet bid-dgħajjes tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xhur tas-sajf it-Taqsima ta` l-A.L.E. tal-Korp tal-Pulizija tagħmel sorveljanza minn fuq il-baħar fid-diversi bajjiet popolari madwar il-kosta Maltija. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra kien hemm 25 persuna li ġew irrapurtati mill-Pulizija għal dan il-ksur tal-liġi.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm hawn persuni mill-Eritrea li jistgħu jkunu hawn Malta bħala refuġjati jew xort'oħra? X'inhi l-etajiet tagħhom? X'inhu l-proċess li għaddejjin minnhom bħalissa sabiex jintbgħatu f'artijiet oħra inkuż pajjiżhom stess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` l-Eritrej li jinsabu Malta u li applikaw għal status ta` refuġjat hu ta` 131 li jikkonsisti f`96 raġel, 18-il mara u 17-il tifel u tifla. Is-sena tat-twelid tal-persuni ikkonċernati tvarja mill-1954 sal-2002. Dawn il-persuni waslu Malta fl-4 ta` Marzu 2002.
Il-Kummissarju għar-Refuġjati ra u intervista lill-Eritrej kollha li applikaw għal status ta` refuġjat. Numru minnhom ngħataw tweġiba negattiva u appellaw. Oħrajn għadhom iridu jirċievu r-risposta mingħand il-Kummissarju.
S`issa kien hemm żewġ irġiel imweldin l-Eritrea li ġew rikonoxxuti bħala refuġjati. Wieħed minn dawn l-irġiel għandu ċittadinanza ta` pajjiż ieħor, mhux ta` l-Eritrea. Ir-raġel l-ieħor hu akkompanjat minn martu, li mhix mill-Eritrea.
X`ser jiġri minn dan il-grupp ta` l-Eritrej, b`mod ġenerali, jiddependi minn jekk jiġux rikonoxxuti bħala refuġjati jew le. Jekk fosthom ikun hemm min jikseb id-dokumenti meħtieġa biex imur legalment f`pajjiż ieħor fejn għandu xi qraba, jingħata l-faċilita` meħtieġa biex jagħmel dan.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex f'toroq bħal Kola Xara, Ferries Street, żdied daqstant it-traffiku u saħansidra żdiedu l-kollużżjonijiet tat-traffiku?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31644.
Jista' l-Ministru jordna li titneħħa bajla li fiha jitqiegħed il-concrete li hemm mal-ġenb ta' Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ quddiem l-iskola St Dorothy fl-istess inħawi?
Jista' l-Ministru jgħid jekk art jew proprjeta` pubblika, mgħotija wara ħruġ ta' tender jew b'encroachment li tkun mikrija lill-individwi għall-użu kummerċjali, tistax tiġi mgħoddija jew mikrija minn dawn l-individwi lill-individwi oħra għall-istess skop ta' użu?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'permessi huma meħtieġa biex dan ikun jista' jsir? Jista' jgħid x'jgħidu r-regolamenti u xi tgħid il-liġi f'dan is-sens?
Response (BORG, TONIO)
Art jew proprjeta` pubblika mogħtija b`enroachment ma tista` qatt tiġi mgħoddija jew mikrija mill-encroachee lill-individwi oħra.
Fil-każ ta` art jew proprjeta` pubblika mogħtija b`kirja għall-użu kummerċjali wara sejħa għall-offerti, dan jiddependi mill-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kirja li ikun hemm meta issir is-sejħa għall-offerti. Ġeneralment il-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kirja ta` art jew proprjeta` li issir mid-Dipartiment ta` l-Artijiet wara sejħa għall-offerti, ma jippermettux lill-kerrej li jagħti jew jikri (jissuloka) lill-individwi oħra, ikun xi jkun l-użu tal-proprjeta`. Imma fejn ikun hemm kundizzjoni li l-kerrej jista` jagħti l-kirja jew jissuloka lill-ħaddieħor, dan ġeneralment ikun suġġett għall-permess bil-miktub tal-Kummissarju ta` l-Artijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura meta surġent/pulizija ikun xogħol matul lejl sħiħ
sa kmieni filgħodu u l-għada ikun irid jitla' l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi meta membru tal-Korp tal-Pulizija ikun meħtieġ li jattendi l-Qorti wara night watch, minn dejjem kienet il-proċedura li dan jattendi l-Qorti fil-ħin kif ikun imħarrek. Pero` il-ħin li jkun attenda l-Qorti jkun parti mill-qadi tad-doveri tiegħu għal dik il-ġurnata.
Jista' l-Ministru jinforma jekk il-garage 3 taħt Blk G Tal-Ħawli H/E Birgu jistax jinxtara mill-inkwilini?
Response (BORG, TONIO)
Il-policy attwali hija li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tikkunsidra kull talba għal xiri ta` proprjeta` tal-Gvern skond il-merti tal-każ u jekk jirriżulta li l-bejgħ ikun ta` vantaġġ dan ikun jista` jsir skond il-proċeduri relattivi taħt l-Att dwar it-Trasferiment ta` Artijiet. Sabiex din il-kunsiderazzjoni tkun tista` ssir huwa meħtieġ li ssir applikazzjoni għand it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħariġx jew le il-permess għal traffic lights fi Vjal il-25 ta' Novembru fiż-Żejtun għal Triq tal-Barrani?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 6122/01 għal traffic lights fi Vjal 25 ta` Novembru fiż-Żejtun għal Triq tal-Barrani qegħda fi stadju biex titla` quddiem il-Bord għal deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikanti li għamlu l-proċeduri kollha biex jieħdu d-dual citizenship mix-xahar ta' April 2002 sal-lum 18 ta' Ġunju 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru għal perijodu speċifikat fil-Mistoqsija hija kif jidher hawn taħt:
Numru ta` persuni li jikkwalifikaw awtomatikament għaċ-ċittadinanza Maltija
226
Numru ta` persuni li ġew reġistrati jew naturalizzati bħala ċittadini ta` Malta
158
Fiż-żewġ każi l-persuni ikkonċernati jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi.
Jista' l-Ministru jesiġi aktar sorveljanza stretta mill-forzi ta' l-ordni fil-pajjiż, partikolarment il-pulizija, fir-rigward ta' ħafna logħob ta' l-azzard u mħatri, partikolarment fuq logħbiet tal-football f'dawn il-ġranet? Kemm saru raids mill-pulizija f'postijiet magħrufa fejn titwettaq din l-attivita` illegali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tissorvelja kemm jista` jkun sabiex tippreveni u taqbad logħob illegali. Pero` jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi informazzjoni dwar xi post speċifiku, nitolbu jagħtina aktar dettalji.