Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26550 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Dual Citizenship — Passaporti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru . 26308?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza ta żmien sat-30 ta` Ġunju sabiex tingħata l-informazzjoni meħtieġa mill-Ambaxxati tagħna barra minn Malta. Għalhekk kif diġa` infurmajt lill-Onor. Membru, tweġiba tkun tista` tingħata f`xi seduta oħra wara t-30 ta` Ġunju.
Leg 9 PQ #26571 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Suwiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jirriżulta lill-pulizija li saru suwiċidji din is-sena f'Malta? Kemm f'Għawdex? X'etajiet kellhom il-persuni li neħħew ruħhom b'idejhom? Kemm irġiel? Kemm nisa?

Response (BORG, TONIO)

B`żieda mat-tagħrif li kont tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25215, ninsab infurmat illi sal-14 ta` Ġunju 2001, kien hemm 9 każi oħra ta` suwiċidju. Minn dawn il-każi, 8 seħħew f`Malta u 1 f`Għawdex.
Leg 9 PQ #26574 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet li saru mill-pulizija fid-dawl tar-rapport li sar fl-għassa ta' tas-Sliema nhar il-31.05.2001 Ref 6/L/1819/2001/

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija rriżulta li l-inċident msemmi mill-Onor. Interpellant, kien wieħed aċċidentali.
Leg 9 PQ #25840 Sitting 556 2001-06-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Atti Oxxeni

Question

Billi ġewwa Ta' Xbiex ġo triq Sir Augustus Bartolo eżattament fejn tagħlaq u li jiġi wara il-knisja parrokjali kuljum qed isiru ħafna attivitajiet immorali fil-pubbliku, jista' l-Ministru jgħid x'passi qed tieħu il-pulizija biex dawn l-oxxenitajiet jonqsu? Kemm inqabdu persuni mill-pulizija fil-lokal ta' Ta Xbiex iwettqu reati simili is-sena l-oħra u din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minbarra r-ronda li ssir mill-Iskwadra ta` kontra l-Vizzji, ikun hemm Pulizija minn tad-Distrett assenjati xogħol fl-inħawi tal-Gżira u Ta` Xbiex, appożitament sabiex jissorveljaw kontra dawn l-abbużi. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra u din is-sena, kien hemm 23 persuna li ġew akkużati, uħud minnhom aktar minn darba, quddiem il-Qorti in konnessjoni ma` tlajjar għal skopijiet ta` prostituzzjoni, f`dawn il-lokalitajiet.
Leg 9 PQ #25842 Sitting 556 2001-06-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nqabdu persuni jitlajjaw għall-skopijiet ta' prostituzzjoni, ġewwa l-Gzira u Ta' Xbiex is-sena l-oħra u din is-sena? Kemm weħħlu f'kull każ? X'passi qed tieħu il-pulizija biex din il-problema tonqos?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25840 f`din l-istess Seduta.
Leg 9 PQ #25843 Sitting 556 2001-06-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Atti Immorali

Question

Billi ġewwa il-ġnien tal-Gzira bil-lejl qed isiru ħafna attivitajiet immorali w li qed idejqu ir-residenti tal-lokal, jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet u qed tieħu l-pulizija biex dawn l-oxxenitajiet jonqsu?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25840 f`din l-istess Seduta.
Leg 9 PQ #26425 Sitting 556 2001-06-19 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Restaurant

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hiex regolari li jingħata permess ta' restaurant f'area mill-aktar residenzjali mingħajr il-firem tar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-permessi ta` restaurants ma jinħarġux mill-Pulizija. Il-Pulizija toħroġ biss il-permessi li jirrigwardaw bejgħ ta` nbid, birra jew likuri spiritużi, sigaretti, etc., minn dawn il-postijiet. Huwa fl-iproċessar ta` talbiet għal bejgħ ta` dawn l-affarijiet li ssir in-neighbours` consent form.
Leg 9 PQ #25821 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Reklami

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25320, jista' l-Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: 1) tikkonċerna nfieq pubbliku? 2) biex il-kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn ir-reklami u l-infieq imsemmi qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuz u mingħajr favoritiżmu? u 3) biex il-kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Peress li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuż, fin-nuqqas ta' l-informazzjoni mitluba ma jkunx jqiegħed jonqos milli jgħati informazzjoni importanti dwar infieq pubbliku b'mod trasparenti li l-poplu għandu dritt ikun jaf?

Response (BORG, TONIO)

Infakkar lill-Onorevoli Membri li biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata dwar kull reklam li sar f`dawn l-aħħar tlett snin minn kull dipartiment u kull entita` oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru ta` l-Intern - kif qiegħed jitlob li jsir - ikun jeħtieġ l-użu ta` riżorsi umani li wkoll jinvolvi nfieq pubbliku. Jien m`iniex sodisfatt li l-utilita` ta` l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 25320 tiġġustifika li jien nordna li din għandha tinġabar. Jekk, iżda, l-Onorevoli Interpellant għandu xi provi ta` każi partikulari fejn il-proċeduri ma sarux "b`trasparenza, mingħajr ħabi, bla bżonn u bla abbuż u mingħajr favoritiżmu" jgħidhomli u jien nara li jittieħdu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #25829 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Żwieġ ma' barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' Maltin li żżewġu barranin is-sena l-oħra u minn liema pajjiż kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, in-numru ta` Maltin u Għawdxin li żżewġu barranin kien ta` 312. Il-barranin kienu minn dawn il-pajjiżi: Algeria Australia Austria Belgium Bosnia Bulgaria Canada Croatia Czech Republic Denmark Egypt France Germany Ghana Greece Guatemala Honduras Hungary India Ireland Italy Jordan Kazakistan Latvia Libya Moldova Morocco Netherlands Nigeria Norway Philippines Poland Portugal Russia Slovak Republic Slovenia Spain Switzerland Syria Thailand Tunisia Turkey Turkmenistan Ukrania United States of Yugoslavia United Kingdom America
Leg 9 PQ #26462 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Applikazzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-procedura li se jimxi biha l-Gvern biex jiġu proċessati l-applikazzjonijiet li daħlu biex bdiewa jew persuni li qed jaħdmu r-raba jiġu rikonoxxuti? Bdew jiġu proċessati dawn l-applikazzjonijiet? Jekk iva minn min? Jekk le, meta hemm il-ħsieb li jibdew jiġu proċessati u meta hu maħsub li jintemm dan il-proċess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern sa issa qassmet l-applikazzjonijiet li daħlu taħt l-Iskema tal-Qbiela skond il-lokalitajiet differenti. Bħalissa qed tivverifikhom lokalita` lokalita` sabiex jiġi ddeterminat liema applikazzjonijiet jirrigwardjaw artijiet li qabel kienu tal-knisja, u li llum jagħmel minnhom il-Joint Office, u liema applikazzjonijiet jirrigwardjaw artijiet li minn dejjem kienu tal-Gvern, u li jagħmel minnhom id-Dipartiment tal-Artijiet. Wara din il-verifika il-pjanti relattivi jgħaddu għand ir-Reġistru tal-Artijiet sabiex l-artijiet jiġu rreġistrati f`isem il-Gvern ta` Malta. Meta jsir dan tkun tista` tiddaħħal, f`database li nħolqot apposta, l-informazzjoni dwar kull applikazzjoni individwali sabiex imbagħad ikun jista` jinfetaħ, fi stadji differenti skond il-lokalita` u kif jiġi mħabbar mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, il-proċess ta` public screening mill-uffiċini tal-Kunsilli Lokali. Għal dan l-iskop kull Kunsill Lokali ser jingħata pjanti li fuqhom ikun hemm immarkati l-artijiet li fuqhom tkun saret xi applikazzjoni f`dik il-lokalita`, flimkien ma` lista bl-ismijiet tal-applikanti. Waqt dan il-proċess kull min iħoss li għandu għal fejn jagħmel xi oġġezzjoni dwar xi applikazzjoni ikun jista` jagħmel dan fuq formola apposta li tinġabar mill-istess uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-lokalita` tiegħu. Wara li jintemm il-proċess ta` public screening, it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern tkun tista` tibda l-istadju ta` wara li fih kull applikazzjoni tiġi mistħarrġa sabiex jiġi determinat jekk għandux isir jew le kuntratt ta` kirja skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-Iskema tal-Qbiela. Huwa f`dan l-istadju li jkunu jistgħu jibdew isiru l-kuntratti tal-kirja u l-ismijiet tal-applikanti jidħlu għand ir-Reġistru tal-Artijiet skond kif imħabbar fl-iskema. Kif diġa` aċċennajt, kull stadju ta` dan il-proċess ser isir b`mod gradwali lokalita` lokalita`. Kif wieħed jista` jifhem dan il-proċess huwa wieħed kemmxejn ikkumplikat u għalhekk huwa maħsub li l-proċess jieħu ftit fit-tul sabiex jintemm.
Leg 9 PQ #26472 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Imnajdra

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija fuq il-vandaliżmu li sar fuq it-tempju ta' l-Imnajdra xahrejn ilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan il-każ huwa suġġett ta` inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin.
Leg 9 PQ #26473 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Mużew tal-Fine Arts

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rriżulta s'issa mill-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar is-serqa tal-pittura ta' Ġużeppi Grech mill-Mużew tal-Fine Arts aktar kmieni din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Leg 9 PQ #26476 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Kordin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni miżmuma bħalissa fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Kemm huma ikkundannati u kemm le? Kemm f'kull każ huma barranin u ta' liema Nazzjonalita?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fit-13 ta` Ġunju 2001 in-numru ta` persuni miżmuma fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin kien ta` 249. It-tagħrif mitlub dwarhom hu kif ġej:- Nazzjonalita` Sentenzjati Arrestati Maltin 133 38 Libjani 21 33 Tuneżini 3 3 Alġerini 1 1 Renju Unit 1 3 Taljani 0 2 Olandiżi 3 0 Jugoslavi 1 0 Palestini 0 1 Marokkini 1 0 Eġizzjani 2 2 TOTAL 166 83
Leg 9 PQ #26477 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' priġunieri żgħażagħ (taħt il-25 sena) li huma miżmuma fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm snin dawn qed jiskontaw sentenza? Kemm huma ta' nazzjonalita' barranija? X'tip ta' xogħol huwa offrut lill-dawn il-priġunieri żgħażagħ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fit-13 ta` Ġunju 2001 in-numru ta` priġunieri li għandhom taħt il-25 sena kien ta` 37 li minnhom 22 huma Maltin u 15 huma barranin. Sentenzjati hemm 16 Maltin u 3 barranin. Is-sentenzi li qegħdin iservu dawn il-priġunieri huma kif ġej:- Taħt is-sena 1 Bejn sena u sentejn 8 Bejn sentejn u erba snin 5 Bejn erba u sitta snin 3 Bejn sitta u tmien snin 2 Dawn iż-żagħżagħ, li ħafna minnhom jinżammu fit-taqsima tal-YOURS, jiġu pprovduti b`għalliema għal suġġetti akkademiċi, dawk vokazzjonali u, l-arti. Dawk li qegħdin jinżammu f`diviżjonijiet oħra jistgħu jagħmlu xogħol f`diversi ħwienet bħal Aluminium, Mastrudaxxa, Ħadid, Electrician-Plumbing, Book-Binding, Bakery, Kċina, manteniment ġenerali, ħjata u xogħol ta` bini. Dawn ukoll jistgħu jattendu diversi klassijiet għal tagħlim akkademiku kif ukoll ta` l-arti.
Leg 9 PQ #26478 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Sports

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' sports - outdoor jew indoor huwa organizzat għall-priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jiġu organizzati xi taħdidiet dwar sports speċifiku li jkun ta' interess għall-priġunieri minn persuni magħrufa fil-qasam sportiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħala outdoor sports organnizat il-priġunieri jipprattikaw il-logħob tal-futbol. Jiġi organnizat league bejn id-diviżjonijiet kif ukoll logħob ma` timijiet minn barra l-ħabs. Logħob ieħor mgħallem u organizzat huwa dak taċ-ċess li huwa ferm popolari u għalhekk il-Faċilita` tipprovdi għalliem għal dan it-tip ta` logħob. Fid-Diviżjonijiet jiġi pprattikat logħob ieħor bejn il-priġunieri ta` l-istess diviżjoni bħal:- draughts, ludo, table tennis, scrabble u dominoes.
Leg 9 PQ #25523 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Billi diversi drabi, wieħed jista' jara karozzi tal-pulizija isuqu b'veloċita eċċessiva u perikoluża waqt ix-xogħol tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' training għandhom is-sewwieqa tal-mobile? Min jgħallimhom u meta sar l-aħħar taħriġ?

Response (BORG, TONIO)

Meta l-Pulizija isuqu l-vetturi tas-servizz ma jkunux eżenti mir-regolamenti tat-traffiku, ħlief fejn il-liġi tipprovdi xort`oħra. Għalkemm kull każ ta` abbuż jiġi nvestigat u fejn hu ndikat jittieħdu passi dixxiplinarji, ma jingħatax taħriġ speċifiku dwar sewqan lill-membri tal-Korp.
Leg 9 PQ #26415 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Sajjied

Question

Billi l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li hu sajjied reġistrat F167 qed jallega li il-boat house li hemm qrib ir-restaurants tal-bajja ta' San Ġiljan kienet allegatament ġiet allokata lilu fi żmien Ministru tax-xogħlijiet pubbliċi ta' din l-istess amministrazzjoni f'legislatura oħra, tistgħax tiġi regolarizzata il-kwistjoni tat-titlu tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern għada ma rċeviet l-ebda talba mingħand il-persuna konċentrata dwar il-boathouse imsemmija. It-Taqsima qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji dwar il-każ biex tistabilixxi xi drittijiet legali hemm taħt l-Att dwar Trasferiment ta` Artijiet tal-Gvern (Kapitolu 268) u mbagħad tkun tista` tipproċedi skond il-każ.
Leg 9 PQ #26434 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

HSBC

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi enforzatha l-kundizzjoni li kienet fil-kuntratt għall-art għal-bini ta' l-uffiċini fejn qabel kien hemm il-Lohombus Corp jiġifieri li din l-istess istituzzjoni, probabilment illum l-H.S.B.C. irrid jara li żżomm f'kundizzjoni tajba Spencer Gardens li hemm quddiem l-istess bini.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex jara li l-kundizzjoni tal-kuntratt li torbot liċ-ċenswalista biex iżomm f`kundizzjoni tajba Spencer Gardens tiġi onorata.
Leg 9 PQ #26436 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Buskett — Triq l-Imnarja

Question

Jista' l-Ministru jara li titneħħa l-vettura li hemm fi Triq l-Imnarja, Buskett li ilha abbandunata għal diversi xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjonijiet li għamlet il-Pulizija, ma nstabet ebda vettura abbandunata fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #26437 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-propjeta li hemm quddiem l-uffiċji ta' l-ETC f'Ħal Far hijiex propejta tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proprjeta` li hemm quddiem l-uffiċċju ta` l-ETC f`Ħal Far fil-fatt hija proprjeta` tal-Gvern.