Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fakulta' ta' l-Arti/Fakulta' tal-Liġi — Lecturers u Tutors

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-lecturers u tutors li nħatru mingħajr ma ħarġet sejħa fil-Fakulta' ta' l-Arti u fil-Fakulta' tal-Liġi f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslet l-uffiċju l-Ġimgħa 2 ta' Marzu, 2007, wara nofs in-nhar, it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Universita' — Fakulta' tat-Teoloġija - Lecturer

Question

Meta nħatar iben ir-reġistratur bħala lecturer fil-Fakulta' tat-Teoloġija, kienet inħarġet sejħa? Min kien applika għal din is-sejħa? Min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla? X'inhuma l-kwalifiki ta' iben ir-reġistratur (mhux biss gradi, eż. BA, MA, imma wkoll kategorija, eż. 1st class upper, distinction, etc.)?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-Mistoqsija waslet l-uffiċju l-Ġimgħa 2 ta' Marzu, 2007, wara nofs in-nhar, it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Eżamijiet tal-MATSEC

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W296, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-problema jekk l-eżami tal-prattika xorta waħda jsir hawn Malta f'xi laboratorju naturalment bi ħlas li jiġi stabbilit mill-awtoritajiet Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord tal-MATSEC ma jistax jgħid x'inhi l-problema li qed isibu dawk l-istituzzjonijiet li normalment jagħtu servizz ta' laboratorju lill-bordijiet barranin ta' l-eżamijiet.

Libreriji pubbliċi — Self ta' kotba

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23214, jista' l-Ministru jgħid dawk il-libreriji li m'humiex online meta se jidħlu f'din is-sistema? Jista' jgħid ukoll fil-preżent liema huma dawn il-libreriji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa hemm 17 il-librerija li m'humiex fuq sistema kompjuterizzata. Dawn huma tal-Qrendi, Lija, Marsaxlokk, Marsascala, Kalkara, Kirkop, Marsa, Safi, St Andrews, St Julians, Sta Venera, Isla, Tarxien, Fgura, Valletta. Bħala Libreriji Reġjonali insibu wkoll tar-Rabat u tal-Birgu. Informat ukoll li fil-preżent id-Dipartiment tal-Libreriji ma jistax jagħti data meta dawn il-libreriji se jkunu 'online'.

MCAST — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti li issa se jieħdu l-istipendju wara li dawn ma kienux ingħataw l-istess stipendju fil-bidu ta' din is-sena skolastika, meta proprju bdew l-istudji tagħhom ġewwa l-MCAST? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' studenti li mhux se jieħdu l-istipendju?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija rilevanti tad-DOI pubblikata.

Kors mill-ETC

Question

Peress li ftit taż-żmien ilu sar kors mill-ETC bis-suġġett "increasing female participation through child care services at the place of work, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li dawk li pparteċipaw ikollhom impjieg relatat?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru japprezza li l-opportunitajiet ta' impieg f'dan is-settur jiddependu minn numru ta' ommijiet li lesti jikkontribwixxu biex iħallu l-uliedhom f'childcare facilities. Il-Gvern ser jagħmel il-parti tiegħu biex jagħti l-kontribut tiegħu.

Manoel Island — Russu li korra gravi fi ground tal-football

Question

Bħala Ministru responsabbli mill-isport, jista' jingħad x'passi ttieħdu dwar l-inċident li seħħ ftit ġimgħat ilu meta ċittadin Russu weġġa' gravi wara li waqgħet lasta tal-football fuqu f'Manoel Island? Min hu responsabbli mill-istess ground? Hemm uffiċjali li jżuru grounds biex jaraw li l-lasti fil-grounds kollha tal-football huma skond ir-regolamenti u fejn hemm lasti li jiċċaqalqu jkunu mwaħħlin ma' l-art? Dan il-ground għandu aċċess għall-pubbliku mingħajr ebda sigurta'?

Response (GALEA, LOUIS)

Hija responsabbilita' ta' l-Għaqdiet Sportivi biex jizguraw illi kwalunkwe attrezzatura ma tkunx ta' periklu għal persuni li juzaw il-post. Informat ukoll li l-grawnd imsemmi jintuza minn Gzira Utd FC u n-nursery tagħhom. Il-grawnd kien jinzamm magħluq biex jiġi uzat mill-klabb biss, izda sofra diversi attakki ta' vandalizmu fil-fence u b'hekk jinsab miftuħ.

Skejjel — Xogħlijiet ta' bini/manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjan li qed timxi fuqu l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada fejn jidħlu xogħlijiet ta' bini, manutenzjoni jew ta' xort'oħra fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Mhux il-kaz li f'dan l-istadju jitpoġġa d-dokument mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qasam ta' l-Edukazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti jew case studies li ġew preżentati lil persuni minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea marbut mas-sistema tal-kulleġġi u dak li qed jiġi propost mill-gvern fil-qasam ta' l-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-rapporti li għandhom x'jaqsmu mas-suġġett imsemmi fil-Mistoqsija huma diġa pubbliċi u poġġuti fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel ta' l-Istat — Child care centres

Question

Il-gvern għandu xi ħsieb li jintroduċi sistema ta' child care centres għat-tfal ta' l-għalliema fl-iskejjel pubbliċi bħala għajnuna għal dawk l-għalliema li għandhom uliedhom żgħar fl-eta'?

Response (GALEA, LOUIS)

L-introduzzjoni ta' childcare centres fl-iskejjel għadha qed titfassal u meta tibda, tibda fuq bazi ta' skema pilota.

Għaqdiet sportivi — Doping tests

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23579, jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna matul is-sena 2006 lil għaqdiet sportivi biex jagħmlu testijiet kontra d-doping? Liema kienu dawn l-għaqdiet? X'għajnuna ngħatat u kemm swiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-2006 il-Kunsill Malti Għall-iSport ikkommetta li jagħti l-għajnuna lil dawn l-assoċazzjonijiet biex jagħmlu testijiet kontra doping : - Malta Triathlon Assoc. - Lm 284.73 - Malta Football Assoc. - Lm3,507.97 - Malta Dancesport Assoc. - Lm 150.00 - Malta Tennis Assoc. - Lm1,000.00 - Malta Weightlifting Assoc. - Lm 570.00 Total - Lm5,512,70

Pearson College Scholarship Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena kandidati minn Malta hux se jkunu jistgħu japplikaw għall-Pearson College Scholarship Programme? Jekk iva, f'liema oqsma jistgħu japplikaw u kemm hemm postijiet allokati għall-kandidati Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultalix li l-awtoritajiet edukattivi rċevew xi stedina bħal dik imsemmija fil-Mistoqsija.

Periti, Avukati u Tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nisa u rġiel li qed jaħdmu f'dawn il-professjonijiet ta': a) periti; b) avukati; u c) tobba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-numru ta’ persuni li kienu qed jaħdmu bħala periti, avukati u tobba sa l-aħħar ta’ Settembru 2006 kien kif ġej:- Professjoni Irġiel Nisa Periti 331 84 Avukati 236 140 Tobba 586 242

Użu ta' djalett fil-lingwa Maltija

Question

Peress li hawn ċerti lokalitajiet f'pajjiżna li għandhom speċi ta' djalett tagħhom, bħal ngħidu aħna l-mod kif in-nies ta' Bormla jippronunzjaw il-kliem "tiegħi, tiegħu, nitilgħu, eċċ.", jista' l-Ministru jserraħ ras il-ġenituri li kliem mitkellem b'dan il-mod waqt eżamijiet orali ma jkunx penalizzat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li waqt l-orali ta' l-ezamijiet annwali, kliem li jiġi pronunzjat b'dan il-mod djalettiku ma jiġix penalizzat.

Skejjel ta' l-Istat — Xogħol strutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema mill-iskejjel ta' l-Istat fit-Tieni Distrett hu mistenni li fihom isir xogħol strutturali? Meta hu mistenni, f'kull każ, li jitlesta kull xogħol imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħolijiet strutturali li huma pjanati li se jsiru fuq skejjel fid-distrett imsemmi huma: Birgu: Xogħol fuq il-faċċata. Senglea: Bdil ta' aperturi ta' barra u bdil ta' faċilitajiet sanitarji. Bormla: Bdiet tinbena skola ġdida sekondarja tas-subien. Żabbar: Bdil ta' aperturi ta' barra u ta' ġewwa, kif ukoll bdil ta' faċilitajiet sanitarji. Id-data tat-tkomplija tax-xogħol tiddependi minn meta jingħataw it-tenders u meta jibda x-xogħol.

Ħaż-Żabbar — St. Patrick football team

Question

Jista' l-Ministru jara li z-zona fejn jitħarreġ it-team tal-football ta' St. Patrick ta' Ħa-Żabbar isir fiha titjib b'ħolqien ta' zona pedonali, fosthom recreation area, anke biex wieħed ikun jista' imur jogging fl-imsemmija zona, kif hemm fost l-oħrajn f'Sta. Luċija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport mhux involut fil-proġett ta' St. Patrick FC.

Zjarat fl-iskejjel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23778, jista' l-Ministru jgħid kemm saru żjarat fl-2006? F'liema skejjel saru dawn iz-zjarat? X'kienu l-affarijiet negattivi li nstabu? Saret zjara oħra biex dak li kien ħażin ikun żgurat li jiġi rranġat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-2006, Uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Operat għamlu 112 żjara fl-iskejjel Statali u 11 f'dawk mhux Statali. Kien hemm xi każijiet li saret żjara oħra biex ikun żgurat li dak li nstab ħażin jiġi rranġat. F'każijiet oħra il-kuntatti saru bit-telefon jew bl-e-mail, filwaqt li f'każijiet oħra ma kienx hemm għalfejn issir żjara oħra. L-Uffiċjali segwew kull każ skond il-ħtieġa. L-iskejjel koperti huma il-Primarji u Sekondarji fl-inħawi kollha ta' Malta u Għawdex.

Fondi lill-iskejjel tal-Knisja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23625, jista' l-Ministru jgħid kemm kellu jagħti l-Istat lill-Knisja fl-erbgħa snin li għaddew sas-sena kurrenti għall-iskejjel tagħha? Kemm tħallsu attwalment kull sena flus lill-Knisja? X'inhuma l-pendenzi, jekk jeżistu, fil-ħlasijiet li l-Knisja għandha tirċievi mill-Istat sad-data tal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-flus li tħallsu kull sena lill-Knisja għall-aħħar erba' snin li għaddew huma dawn: 2003 - Lm 9,687,498 2004 - Lm 10,867,260 2005 - Lm 11,500,000 2006 - Lm 12,750,000 Minn żmien għal żmien isiru talbiet għal reviżjonijiet minħabba ċaqlieq fil-popolazzjoni ta' l-istudenti ta' l-iskejjel konċernati u l-għalliema meħtieġa. Dan jiġi verifikat u maż-żmien isiru l-aġjustamenti meħtieġa fil-ħlas dovut.

Kontijiet tat-Telephone

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23254 u jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif komplet kif meħtieġ għat-tweġiba li rrid nagħti għadu ma wasalx kollu fl-uffiċju tiegħi.