Jista’ il-Ministru jgħid meta se ssir Triq l-Imriekeb, ġewwa Marsaskala, peress li din issa hi mibnija iktar minn 80% u fiha s-servizzi kollha u qatt ma ġiet mogħtija asphalt surfacing?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi t-tender tat-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant ġiet aġġiudikata u d-
Direttorat lesta d-diskussjonijiet u l-koordinazzjoni ma' l-
Utilities
dwar il-ħtiġijiet tagħhom għat-tqegħid ta' servizzi fit-triq imsemmija. Għalhekk il-kuntrattur mistenni jibda' x-xogħol fiż-żmien qrib.
Jista’ il-Ministru jagħti tagħrif kemm-il vettura tal-passiġġieri ġew fabbrikati f’Malta wara li jkunu ġew importati knocked down? Kemm minn dawn kienu mmuntati mil-lat industrijali u kemm mil-lat individwali? Kemm minn dawn iż-żewġ tipi ġew reġistrati ma’ l-uffiċċju tal-liċenzji? Kemm kien id-dħul tal-gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ liċenzji f’dawn l-aħħar erba’ snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 35130, jista' jgħid kemm ingħata tarmak, lokal lokal, b'kilometri u kemm ġie jiswa lill-gvern ċentrali għas-sena 2002?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq hekk kif mituba mill-Onor. Interpellant.
Jista` il-Ministru jinterveni biex tiġi irranġata Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn li hi arterja prinċipali f’dan il-post popolari mat-turisti u li hi f’sitwazzjoni ħażina ħafna? Possibli tiġi spezzjonata din it-triq biex jiġi konfermat l-istat diżasstruż li tinsab fiha din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq se jieħu l-passi neċessarji biex issir spezzjoni biex jiġu determinat l-istat tat-triq u jara x'rimedji jistgħu jittieħdu għall-upgrading tat-triq.
Jista' il-Ministru jikkonferma jew jiċħad li fi Triq Jean de la Cassiere, San Pawl il-Baħar mhux se jingħata tarmak minħabba main ta' l-ilma li jrid jitwassal sa Datos Flats? X'qed jikkawża dan id-dewmien? X'inhu jżomm li x-xogħlijiet jsiru immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għall-kuntrarju ta' dak li timplika d-domanda ma nistax nikkonferma li fi Triq Jean de La Cassiere, San Pawl il-Baħar mhux ser issir bit-tarmac il-parti żgħira tat-triq li għadha ma saritx.
It-tarmac ma sarx għaliex illum qed ikun hemm insistenza li s-servizzi jitwasslu fejn suppost ikunu ser jitqieghdu, qabel isir it-tarmac. Id-dewmien fl-għoti ta' dan it-tarmac kien kawża tal-fatt li min għandu bżonn is-servizz ta' l-ilma ma applikax għal dan is-servizz.
Nispera li iktar 'il quddiem ma jkunx l-istess Onor. Interpellant li jistaqsi għaliex ma ngħatax permess biex titkisser it-triq ħalli s-sid tal-flats indikati jdaħħal l-ilma fil-flats tiegħu; u b'hekk ikisser it-triq kollha.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'benefiċċji, kumpens finanzjarju, kundizzjonijiet, mobile phones, karozzi eċċ għandhom il-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress wara laqgħat mal-kunsill lokali ta' Żabbar, dwar resurfacing tat-toroq fl-area ta' St. Peter's? X'irriżulta u x'ser isir?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qed ifassal programm għall-asfaltar ta' toroq fl-inħawi msemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid meta bi ħsiebu jirranġa t-toroq tal-area tax-Xlejli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa l-Ministeru qiegħed fl-aħħar fażi li jiffirma ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Gudja. Liema ftehim jinkludi xogħol fl-area tax-Xlejli.
B'referenza għall-pjan ta' żvilupp rurali tal-Gvern, jista' l-Ministru jinfurmani liema huma t-toroq li se jiġu rranġati fil-kampanja tal-gzejjer tagħna u x'metodi se jintużaw sabiex ikun assigurat li x-xogħlijiet ma jikkawżawx impatt negattiv fuq il-hydrological cycle tal-kampanja tal-gżejjer? Kemm saru laqgħat dwar dan meta saru u x'rapporti saru u ġew konklużi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd huwa responsabbli biex jitfassal dan il-pjan.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar dak li ntqal dwar it-Triq Prinċipali tal-Baħrija l/o Rabat mill-Ministeru fid-dawl li jirriżulta lid-dipartiment tat-toroq ħareġ fil-fatt sejħa għall-offerti sabiex isiru x-xogħlijiet li l-ministru ħabbar li mhux se jsiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 34779.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-ilmenti li resqu r-residenti ta' Triq Kola Xara r-Rabat dwar il-periklu kawżat mill-volum tat-traffiku li saret tirċievi din it-triq? Meta tresqu l-ilmenti mill-kunsill lokali tar-Rabat f'isem ir-residenti ta' Triq Kola Xara lill-Ministeru tiegħek? Għaliex din it-triq għadha ma saritx one way. Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat urġentament dan il-każ u jara li t-triq Kola Xara fir-Rabat issir one way immedjatament? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sistema tat-traffic flow fir-Rabat hija waħda komplessa u ma tinvolviex biss b'bidliet fi Triq Kola Xara iżda t-toroq kollha fl-inħawi. Id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku irċieva suġġerimenti mill-Kunsill Lokali tar-Rabat biex is-sistema tiġi aġġornata u l-ilmenti kollha li saru mir-residenti tar-Rabat għadhom qed jiġu mistħarġa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34900, jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa biex kwalunkwe opra tal-baħar ma' tibqax tiġi misjuqa fil-viċinanzi tax-xtajtiet u l-bajjiet fi Qui-Si-Sana, Chalet, Fond Għadir u Exiles f'tas-Sliema u dan biex ma jkomplix jinħoloq periklu għall-għawwiema li jgħumu fl-inħawi? Jikkonsidra li jsiru bagi madwar l-inħawi biex jimmarkaw id-distanza sa fejn għandhom jaslu l-opri tal-baħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xtajtiet indikati fil-mistoqsija fil-lokalita' ta' tas-Sliema, jinsabu f'żona li hija kkunsidrata bħala kruċjali għan-navigazzjoni minn opri tal-baħar ta' kull tip li jbaħħru mill-Port ta' Marsamxett u portijiet oħra fin-nofsinhar ta' Malta lejn it-tramuntana, partikolarment lejn Kemmuna, Għawdex u bajjiet oħra popolari. Għalhekk mhux possibbli li jintefgħu bagi matul din il-parti tal-kosta li jistgħu joħolqu periklu għan-navigazzjoni.
Fl-istess ħin jeżistu regolamenti li jistipulaw li ħadd ma jista' jsuq opra tal-baħar b'veloċita' ta' aktar minn 10 knots sa 200 metru minn xatt tal-blat.
Nirriferi lilll-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 35047, mis-6908 sid ta' vetturi li ma ħallsux il-liċenzja sa l-aħħar ta' Ġunju, kemm issa ħallsu l-liċenzja? Dawk li għadhom ma ħallsux il-liċenzja tħallew jiġru b'vettura mhux liċenzjata? Ittieħdu passi legali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mis-6908 sid ta' vettura li ma kienux ħallsu l-liċenzja tal-vettura sa l-aħħar ta' Ġunju 2002, kien hemm 1650 sid li ħallsu l-liċenzja tal-vettura tagħhom sal-31 t'Awissu 2002.
Dawk li għadhom ma ħallsux il-liċenzja tat-triq ma għandhom l-ebda dritt jużaw il-vettura tagħhom fit-triq u jekk jinqabdu jagħmlu hekk jiġu mħarrka.
Id-Dipartiment ma ħax passi legali kontra dawn is-sidien għax qiegħed jipprova metodi alternattivi, bħal l-użu tal-pulizija , biex jirkupra l-flus dovuti lid-Dipartiment. Bħalma wieħed jista jara, s'issa rnexxielna niġbru flus dovuti mingħand 1650 sid ta' vettura.
Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir it-triq f'Tal Ħandaq li tagħti għar-range tat-tiraturi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ressaq il-każ għall-attenzjoni tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi peress li t-triq tal-Ħandaq taqa' fl-ambitu tax-xogħol tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk huwiex qed ikun ikunsidrat li parti minn Vjal il-Ħaddiem, fir-Rabat li tinsab fil-Qasam tad-Djar fil-parti ta' bejn Hse 7 u 13 ssir one way? Jekk le, jista' jara li tiġi studjata din il-possibbilta' peress li triq ġiet perikoluża issa li l-bankina dejqet ħafna l-aċċess għal żewġ karozzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn stħarriġ li għamel id-Direttorat għall-Maniġġ tat-traffiku jirriżulta li l-parti tat-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija wiesgħa biżżejjed biex it-traffiku jgħaddi f'direzzjoni opposta mingħajr ebda periklu. Ghaldaqstant m'hemm ebda ħsieb ta' ntroduzzjoni ta' one way fit-triq inkwestjoni.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tissewwa dik il-ħofra kbira li hemm f'nofs Rue D'Argens, Gżira, quddiem l-ex garage ta' Gasan Motors fl-istess triq minnħabba l-periklu li qegħda tikkawża għas-sewwieqa u pedestrians?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq diġa ħa l-passi neċessarji biex isir il-patching li kien hemm bżonn isir fi Triq Rue D'Argens, Gżira.