Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie reġistrat fi gross tonnage vapuri fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li matul l-2002 ġew reġistrati 4,577,839 tunellaġġ gross, matul l-2003 4,201,347 tunellaġġ gross u bejn Jannar u Marzu ta' l-2004 ġew reġistrati 1,046,177.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6084, jista' il-Ministru jinformani jekk is-somma ta' Lm514,370 tkoprix il-pagamenti dovuti kollha? Jista' jinformani kemm hi ċ-ċifra ta' flus li għad trid titħallas?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ċ-ċifra ta' Lm514,370 ma tkoprix il-pagamenti kollha. Iċ-ċifra tal-flus li għad trid titħallas hija ta' madwar Lm415.
Stallazzjoni ta' apparat minħabba dħaħen tas-sigaretti
Question
Jista’ il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4988 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' u cioe' jista' jgħid x'inhu u kif jaħdem l-apparat li jrid jiġi stallat minn ristoranti, ħwienet, eċċ., minħabba dħaħen tas-sigaretti? Jista’ jgħid jekk il-Malta Standards Authority ħarġitx speċifikazzjonijiet fuq dan l-apparat? Il-GRTU għamlet xi suġġerimenti speċifiċi fuq dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Malta Standards Authority ġiet mitluba tistabbilixxi standards ta' arja nadifa u mhux standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-apparat illi jnaddaf l-arja.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern minn liċenzji/permessi, eċċ., ta' stabbilimenti kummerċjali matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2004 f'Malta u Għawdex separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-ammont ta' dħul tal-Gvern għall-ewwel ħames xhur tas-sena 2004 minn liċenzji ta' stabbilimenti kummerċjali kif provdut mir-Regolamenti ta' l-2002 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (A.L. 102 ta' l-2002) huwa ta' Lm 514,370. Mhux possibli li dan l-ammont jiġi maqsum separatament għal Malta u Għawdex.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6133 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Investiment u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' tgħid xi drittijiet għandha l-Gozo Channel fuq il-mollijiet tal-port ta' l-Imġarr, Sa Maison u Ċirkewwa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa llum, il-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd; kif kien il-każ tul dawn l-aħħar snin għandha l-awtoriżazzjoni mill-Awtorita' Marittima ta' Malta sabiex tuża dawn il-mollijiet sabiex tkun tista' taqdi l-obbligi tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid meta ser jerġa jiġi kostitwit it-Tribunal for Fair Competition?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust (Commission for Fair Trading) reġgħet ġiet kostitwita bl-istess membri b'effett mit-2 ta' Frar 2004.
Jien infurmat ukoll li n-notifika fil-ħatra ta' din il-kummisjoni ġiet ippublikata fil-gazetta tal-Gvern Nru.17602 tal-11 ta' Ġunju 2004.
Jista' il-Ministru jinformani kif il-politika tal-gvern tista' tiggarantixxi l-kompetittivita' f'pajjiżna, meta pajjiżna ma jistax jixtri bil-prezzijiet kompetittivi l-prodotti ta' l-ikel għall-poplu tagħna, għat-tjur u l-bhejjem u tal-materja prima ta' l-industrija ta' l-ikel u xorb mis-swieq internazzjonali?
Jista' jispjega kif din il-politika mhux tiżvantaġġja l-kompetitttivita' ta' pajjiżna?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Onor. Interpellant jaf li l-Gvern innegozja l-aħjar kundizzjonijiet possibli waqt in-negozjati li saru biex Malta ssir parti mill-Unjoni Ewropeja.
Waqt li l-Onor. Interpellant jaf li ħafna mill-prodotti ta' l-ikel raħsu b'mod sostanzjali, nixtieq ninfurmah li l-Gvern daħħal skema ta' sussidji, li seta jagħmel grazzi għan-negozjati tajba li kkonkluda ma' l-Unjoni Ewropeja, biex jassigura li nibqgħu nimpurtaw il-materja prima bl-aħjar prezz possibli biex nassiguraw il-kompetitivita' ta' l-industrija lokali.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5934 u cioe' jista' jgħid jekk persuna jkollu permess ta' ħanut fuq ismu u dan jgħaddi boarded out b'invalidita', jistax iżomm il-permess tal-ħanut fuq ismu u jaħdem it-tifel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi billi r-regolamenti fil-liġi tal-Kummerċ ma jiddistingwux bejn l-istat ta' saħħa ta' l-applikant jew liċenzjat, din il-materja ta' saħħa ma titteħidx in kunsiderazzjoni fil-ħruġ tal-liċenzja tal-kummerċ. Mill-banda l-oħra dan huwa bla preġudizzju għal xi kundizzjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi tas-servizzi soċjali, għal min qed jirċievi xi benefiċċju soċjali dwar invalidita.
Li wieħed ikollu liċenzja fuq ismu, mhux impedut li jimpjega sew lil ibnu sew persuna oħra biex tmexxi n-negozju.
Jekk mill-banda l-oħra liċenzjat irid jittrasferixxi l-liċenzja fuq terza persuna (f'dan il-każ ibnu) il-persuna liċenzjata tkun meħtieġa tapplika fit-taqsima tal-kummerċ fuq il-formola apposta.
Jista' il-Ministru jispjega fid-dettall għaliex il-vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija għadhom mhux konformi mal-ħtiġijiet ta' l-International Ship & Port Facility Security Code ta' l-organizzazzjoni MIO?
Jista' jagħti assigurazzjoni li dak li għandu jsir isir sa l-1 ta' Lulju 2004, skond ma hu impost mill-istess ISPS?
Jista' jgħid x'konsegwenzi jkun hemm għar-reġistru Malti jekk Malta ma taderixxiex ruħha ma' dak mitlub sa l-1 ta' Lulju 2004?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-provedimenti tal-konvenzjoni SOLAS dwar l-International Ship and Port Facility Security Code jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2004. Il-bastimenti kollha li joperaw fuq vjaġġi internazzjonial jridu jkunu konformi sa dik id-data.
L-operaturi tal-bastimenti Maltin qegħdin jirsistu biex il-bastimenti tagħhom ikunu konformi kif meħtieġ. Numru sew minn dawn diġa ġew iċċertifikati waqt li numru sew ieħor qegħdin fil-fażi ta' ċertifikazzjoni.
Mill-1 ta' Lulju 2004 dawk il-bastimenti li ma jkunux ċertifikati jistgħu jiġu miżmuma milli jbaħħru.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk ġiex finalment stabbilit jekk il-liċenzja tal-gvern fuq is-satellite dishes hijiex konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea u jekk le, jekk humiex se jsiru refunds lill-persuni konċernati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-kwistjoni qiegħda tiġi kkunsidrata, fid-dawl tar-regolamenti li huma fis-seħħ illum.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex wasal il-pjan tal-gvern imħabbar mis-segretarjat għas-self-employed li jipprovdi biċċa art biex tiġi żviluppata f'zona industrijali għall-intrapriżi lokali li jkunu jridu jkabbru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord tal-MEPA approva erbatax-il sit madwar Malta filwaqt li ser jitressaq appell quddiem il-Bord biex terġa tkun ikkunsidrata t-talba għal sit f'Għawdex. Sa dan it-tant, qegħdin isiru tħejjijiet mis-Segretarjat għas-Self Employed u Entrapriżi ż-żgħar biex is-sidien ta' l-artijiet magħżula jiffirmaw ftehim mal-Gvern qabel ma titressaq it-talba għal-Partial Review ta' l-Istructure Plan fil-Parlament.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5968 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' tista' il-Maltapost tikkonsidra li għas-sena d-dieħla toħroġ sett ta' bolol biex tfakkar il-500 sena mit-twelid tat-tabib Ġużeppi Callus li kien ingħata l-mewt mill-gran mastru La Valette għax qabeż għall-Maltin li kienu qed jiġu ntaxxati ħafna mill-Kavallieri waqt li kienu qed jitilfu l-ftit sehem li kellhom fit-tmexxija ta' pajjiżna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li deċiżjonijiet dwar il-ħruġ ta' settijiet ta' bolli jittieħdu mill-Bord Konsultattiv dwar Disinji tal-Bolli. se ngħaddi t-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord biex din tkun kunsidrata minnhom meta jkun qed jitfassal il-programm għas-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-valur tat-tender repair works fid-deep water quay fil-Port il-Kbir li ħareġ fil-bidu tas-sena 2000?
Jista' jgħid min kienu li tefgħu t-tenders għal dan il-proġett?
Jista' jispjega għaliex it-tender dik is-sena ma ngħatatx u reġa' inħareġ tender identiku f'April tas-sena 2001?
Jista' jispjega x'kienet il-proċedura tat-tenders f'dak iż-żmien, ossia, fis-sena 2000, liema kien il-kumitat li kien jipprepara t-tender u għaliex stranament it-tender in kwestjoni ġie preparat u maħruġ mill-projects committee?
Jista' jgħid min kienu l-membri li kienu jattendu f'dan il-kumitat ta' l-aħħar?
Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-projects committee rigward it-tender tad-deep water quay minn Settembru 1999 sa Jannar 2000, kif ukoll kopja tat-tenders riċevuti mill-awtorita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma ħarġet l-ebda tender mill-Awtorita' Marittima Maltija fil-bidu tas-sena 2000 kif indikat mill-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija Parlamentari tiegħu nru. 6110.
Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex minħabba fiċ-ċaqlieq li suppost kellu jseħħ fil-prezzijiet dan l-aħħar minħabba t-tneħħija tal-levies, ma jkunx hemm price cartels, xi ħaġa li d-direttur ġenerali ta' l-affarijiet tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni wera li jinsab impenjat li jilqa' kontriha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li waħda mill-funzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni hi dik li jsegwi l-prezzijiet ta' numru ta' prodotti biex kemm jista' jkun jiġi assigurat li dawn jirriflettu kompetizzjoni ġusta fis-suq.
Fejn ikun hemm dubji li l-kompetizzjoni qed tiġi mxekkla permezz ta' xi ftehim bħal kartell jew abbuż ta' dominanza, l-uffiċċju jagħmel investigazzjoni permezz tal-poteri li għandu taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni.
B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tal-ħaruf minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?
B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tas-Sirloin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?
B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-perzz tal-Fillet minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?
B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tal-ġobon cheddar ta' l-Awstralja minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu.
B'riferenza għad-dikjarazzjonijiet tal-gvern li kellhom jorħsu l-prezzijiet ta' l-ikel wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tal-butir ta' l-Awstralja minn pajjiżi ta' l -Unjoni Ewropea u dawk li mhumiex membri fl-Unjoni Ewropea sena ilu? Kemm fil-fatt hu fil-preżent?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob l-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu.