Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħlijiet ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent fejn qed isir xogħol ta' toroq? F'kull każ, meta nbdew dawn ix-xogħlijiet u meta huwa mistenni li jitlestew? Kemm hija l-ispiża għal kull biċċa xogħol li qed issir fil-preżent?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Zejtun — Triq il-President Anton Buttigieg

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23796 li tgħid: Possibbli l-awtorita' dwar it-trasport ġentilment tikkonsidra li ssir private road fi Triq il-President Anton Buttiġieġ, Żejtun minħabba r-riskju kbir li qed iħabbtu wiċċhom magħhom ir-residenti ta' din it-triq minħabba l-ammont kbir ta' traffiku li jgħaddi minn din it-triq u inċidenti kontinwi uħud minnhom fatali li qed ikun hemm f'din il-bypass fejn lejl u nhar jgħaddu eluf ta' karozzi? Hija nformata l-awtorita' dwar it-trasport li minbarra inċidenti tat-traffiku, inkluż inċident fatali b'mod regolari diversi familji qed jispiċċaw bil-parapetti tagħhom imkissra minn karozzi li jibqgħu deħlin waqt li familji oħrajn spiċċaw bil-vetturi tagħhom imkissra waqt li jkunu pparkjati quddiem il-bieb għax jidħlu fihom karozzi/trakkijiet li jkunu għaddejjin bi speed eċċessiv? Billi hemm fejn issir private road biex ir-residenti jiġu separati mill-bypass, tistax din l-alternattiva tiġi kkonsidrata bis-serjeta'? Possibbli li l-awtorita' dwar it-trasport tagħmel żjara fuq il-post? Billi qed jingħad li l-awtorita' dwar it-trasport beħsiebha tagħmel bicycle lane f'din it-triq, tista' tikkonsidra l-private road minflok għax jekk issir bicycle lane kif inhi t-triq fil-preżent il-problema tiġi agħar u r-riskju jikber mhux biss għar-residenti imma anke għal min jissogra jmur bil-bicycle tiegħu f'din it-triq? Jimporta jekk l-awtorita' dwar it-trasport tikkonsulta r-residenti ta' din it-triq qabel tieħu deċiżjoni għax fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jafu l-aktar x'jeħtieġu li qegħdin f'riskju kontinwu? Possibbli l-Ministru ġentilment jara li permezz ta' l-awtorita' dwar it-trasport ningħata t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha li għamilt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat rigward l-implementazzjoni ta’ service road tul din it-triq, li biex issir jkun meħtieġ li titwessa' t-triq eżistenti, madwar 6 metri wiesa u b’hekk ikollha tittieħed art agrikola kif ukoll bini li jmiss ma' din it-triq. Għalhekk din l-implementazzjoni ta’ din is-service road, teħtieġ ħafna xogħol għal preparazzjonijiet tal-pjanti, espropjazzjoni ta’ art u bini kif ukoll il-permessi meħtieġa mill-MEPA. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immanniġjar tat-Traffiku rriżulta li hemm s peed limits fi Triq Anton Buttiġieġ. Ukoll hemm applikazzjoni mill-kumitat konġunt tar-reġjun għall- speed camera f’tali triq. Kien hemm ħsieb li, flimkien mall-Kunsill Lokali, li jirrapreżenta r-residenti tal-lokal tiegħu, isir upgradin g ta’ l-immanniġġjar tat-traffiku f’din it-triq iżda kien hemm xi riżervazzjonijiet min naħa tal-Kunsill.

Bormla — Club tar-Regatta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-club tar-Regatta ta' Bormla se jitwaqqa' u jinbena mill-ġdid bħala parti mix-xogħol marbut mal-proġett ta' Dock 1?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-Club tar-Regatta ta' Bormla huwa inkluż fl-art li jifforma l-proġetti tad-Dock No.1. Id-diskussjonijiet fuq dan il-proġett għadhom għaddejjin bejn il-Consortium Gruppo Romegas u l-Gvern. Barra minn hekk il-Gruppo Romegas tefa' applikazzjoni għal dan il-proġett lill-MEPA liema applikazzjoni għada qiegħda tiġi ikkunsidrata wkoll. Nista' nassigura lill-Onor Membru li jekk il-Club tar-Regatta ta' Bormla jkollu jintmiss minħabba il-proġett il-Club jingħata faċilitajiet ekwivalenti għal dak li għandu llum.

Ħaż-Żabbar — Triq ġdida fi Triq Villa Abate

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23998 u jgħid meta triq ġdida fi Triq Villa Abate ġewwa Ħaż-Żabbar se tingħata isem minħabba li ilha żmien twil li ġie suġġerit isem għaliha li aktarx huwa Triq Dun Gwann Debono?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamenti Nru 23998 bi żvista kont għidt li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra. Peress li l-iStreet Naming Committee m’huwiex responsabbilita tal-Ministeru tiegħi, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — Triq Xewkija-Mġarr

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 23390 dwar Triq Xewkija-Mġarr, jista' l-Ministru jagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — Triq Alessio Erardi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir Triq Alessio Erardi, Haż-Żabbar? Meta ser jibda x-xogħol? Meta mistenni jitlesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ser tibni mill-ġdid dik l-area kollha f’Żabbar. Ix-xogħlijiet diġa’ bdew fi Triq G Micallef, Pjazza Wignacourt u Triq Bieb is-Sultan. Dawn ix-xogħlijiet se jkomplu bi Triq il-Għasel, parti minn Triq il-Baħrija u Triq A Erardi. Dawn ta’ l-aħħar mistennija jinbdew il-ġimgħa d-dieħla.

Marsa Sports Complex — Parking area

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata l-ispeċi ta' parking area fejn jipparkjaw l-familji ta' żgħażagħ b'diżabilita' fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa, meta jeħduhom biex jipprattikaw il-horse riding?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Żejtun — Triq Sant Emidju - parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorita' dwar it-trasport pubbliku ta' nhar it-22 ta' Jannar 2007 sabiex ma jsirx parkeġġ fi Triq Sant Emidju fiż-Żejtun?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Żejtun kien issottometta din it-talba sabiex ma jsirx parkeġġ fi Triq Sant Emidju għal konsiderazzjoni ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta. Id-deċiżjoni li fi Triq Sant'Emidju titneħħa il-possibilita' ta' parkeġġ ta' żewġ karozzi, ittieħdet mit-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku. Skond il-Linja ta' Gwida ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, it-triq għandha tkun ta' l-inqas wiesgħa 4.8 metri biex tkun tippermetti parkeġġ fuq naħa waħda. Id-deċiżjoni biex ma jsirx parkeġġ fi Triq Sant'Emidju ittieħdet minħabba li l-wisgħa tagħha tvarja bejn 2.4m fl-idjaq parti u 4.2m fl-aktar parti wiesgħa. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dokument mitlub mill-Onorevoli Interpellant.

ADT — Talkba għal reserved parking

Question

Tista' l-awtorita' dwar it-trasport tirrikonsidra mill-ġdid it-talba rrifjutata għal reserved parking mill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatment, minħabba ċ-ċertifikati mediċi ta' speċjalisti dwar il-kondizzjoni tal-qalb tiegħu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku reġgħet ikkunsidrat it-talba għal Reserved Parking li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari iżda irriżulta li kemm it-tabib mediku ta’ l-applikant kif ukoll it-tabib mediku ta’ l-Awtorita’ Dwar it-Trasport iddikjaraw li l-applikant m’għandux problemi severi ħafna ta’ mobilita’. Iżda l-applikant għandu l-faċilita’ li jappella d-deċiżjoni tal-Bord tal-Parkeġġ Riservat għal Persuni b’Diżabbilita’ għand ir- Review Panel , Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, Triq il-Kbira San Ġuzepp, Santa Venera.

Sliema — Awtorita' dwar it-Trasport

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 23909, tista' l-awtorita' dwar it-trasport tagħmel il-pressjoni meħtieġa fuq il-kunsill lokali ta' Tas-Sliema għax mhux aċċettabbli d-dewmien u t-tkarkir tas-saqajn ta' dan il-kunsill fil-konfront ta' din il-koppja anzjana?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rċeviet il-kummenti tal-Kunsill Lokali Sliema dwar is-suġġerimenti li saru mit-Taqsima u wkoll mill-koppja anzjana li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Il-Kunsill hu tal-fehma li m'hemmx bżonn ta’ traffic mirror u l'anqas ta’ pedestrian crossing u li l-livell ta’ dawl fit-triq huwa adekwat. Għalkemm it-Taqsima ma ssib l-ebda oġġezzjoni fil-prinċipju ta’ pedestrian crossing iżda tali trid tkun f’post sikur mill-lat ta’ viżibilita’ u għaldaqstant ma tistax titpoġġa fil-viċinanzi tat-triq mitluba mill-koppja anzjana. It-taqsima kkunsidrat ukoll it-talba għal road mirror u minħabba li din iżied is-sigurta fit-triq, tali mera ser tiġi mwaħħla.

Limbordin — Laqgħa mal-bdiewa

Question

Fid-dawl li ġimgħat ilu bdiewa mill-inħawi tal-Limbordin ġew imwegħda li se ssir laqgħa magħhom mill-ministeru u mill-awtorita' dwar it-trasport dwar it-triq ġdida proposta fil-Limbordin, meta se ssir din il-laqgħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 23849. Bħalissa qed jiġi finalizzat Impact Assessment Study preliminari. Meta dan jitlesta isiru laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ l-istakeholders kollha u rappreżentanti tal-lokal.

Għaxaq — Triq il-Qattus

Question

Jista' l-Ministru, b'riferenza għal Triq il-Qattus, Hal Għaxaq, jgħid liema parti minn din it-triq se tingħata wiċċ u x'possibbilta' hemm li din tingħata wiċċ minn tarf sa l-ieħor?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq qiegħda fil-lista ta’ toroq li jridu jiġu asfaltati sal-2008. Il-gvern ser jasfalta il-parti li hi miftuħa u mibnija.

Mosta — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq l-Għadajjar, Triq in-Naħla, Triq il-Ħaġar, Triq Żmien il-Bronż u Triq il-Wied fil-Mosta humiex isiru u jitħallsu mill-awtorita' dwar it-trasport?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Kirkop — Triq Danny Cremona

Question

B'riferenza għal Triq Danny Cremona, Ħal Kirkop stante li f'din it-triq jaqa' ħafna ilma tant li qed jidħol fi djar privati, jista' l-Ministru jara li jinbnew culverts li jieħdu l-istess ilma f'post apposta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jindika liema huma d-djar privati li qed ikollhom dawn il-problemi minħabba li dan id-Direttorat ma kellux rapporti f’dan is-sens.

Għaxaq — Triq il-Pitiross - Culvert

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni li l-culvert li sar fi Triq il-Pitiross, Ħal Għaxaq jiġi mgħotti bi gradilja stante li huwa ta' periklu għal dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil-Onorevoli Nterpellant li dan il-culvert li qiegħed eżatt taħt il-kurdina tal-bankina u wiesgħa 4 pulzieri. Dan kien sar sabiex ikun jista’ joħroġ l-ilma tax-xita minn katusi tad-djar li kienu l’isfel mill-livell tat-triq. Ma jidhirx li dan jista’ jkun ta’ periklu għax in-nies jimxu fuq il-bankina u diffiċli biex ipoġġu saqajhom eżatt taħt il-bankina.

Kummissjoni Ewropea — TEN-T

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Kummissjoni Ewropea naqsitx b'mod drastiku l-budget tal-programm ta' titjib infrastrutturali ta' toroq magħruf bħala TEN-T? Jekk fl-affermattiv, kif ġew affettwati l-proposti tal-gvern Malti taħt dan il-programm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Park & ride — Shuttle service

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li x-shuttle service mill-park and ride jiġi estiż għan-naħa t'isfel tal-Belt Valletta? Jekk iva, jista' jgħid meta beħsiebu jsir dan l-arranġament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa l-Awtorita’ dwar it-Trasport qed tara possibilitajiet li testendi r-rotta mill-Park and Ride u l-impatt tagħha fil-Belt. Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu estiżi r-rotot eżistenti tittieħed minn l-istudji li qed isiru.

Mosta — Triq il-Mitħna

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22186, jista' l-Ministru jikkonsidra li jirrikmanda li Triq il-Mitħna, Mosta titwessa' mill-aktar fis possibbli kif hemm ħsieb li jsir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-tender għat-twessiegħ tat-triq imsemmija inħareġ żmien konsiderevoli ilu pero’ qatt ma kien awarded peress li Triq il-Mitħna qatt ma setgħet tingħalaq minħabba xogħlijiet oħra fl-inħawi tal-Mosta. Sadattant, l-uniku tenderer li kien hemm għal dan ix-xogħol raħħas l-offerta tiegħu b’mod li ġiet bi prezz aċċettabbli għall-ADT. Peress li l-ammont ta’ l-orħos offerta xorta jaqbeż l-LM20.000, dan il-każ riċentament intbagħat lid-Dipartiment tal-Kuntratti għall-approvazzjoni tagħhom biex tkun tista’ toħroġ il-Letter of Acceptance.

Speed cameras

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra b'urġenza li jitwaħħlu speed cameras fit-triq arterjali li tagħti bejn il-Mosta u l-Mġarr u dan għaliex diversi sewwieqa qegħdin jilmentaw mill-veloċita' eċċessiva li xi ftit sewwieqa qegħdin jużaw f'din it-triq, liema triq diġa' rat vittma? Jekk dan mhux possibbli jista'jsib xi soluzzjoni oħra biex il-ħajja tas-sewwieqa tiġi protetta f'din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu għall-konsiderazzjoni ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport.